Mimlijin Taljani! Żieda qawwija ta’ ħaddiema Taljani f’Malta

  • +700% fl-ammont ta’ ħaddiema Taljani f’Malta
  • 22% tal-ħaddiema f’pajjiżna huma barranin
  • Preżenza qawwija ta’ ħaddiema Serbi u mill-Filippini

Forsi għax ninsabu qrib jew forsi għax l-ekonomija Maltija sejra tajjeb u dik tal-Italja u speċjalment Sqallija mhux daqstant, imma fl-aħħar snin Malta esperjenzat żieda qawwija ħafna fin-numru ta’ ħaddiema Taljani li ġew u sabu impjieg f’Malta. Biex issa, kuntrarjament għas-sitwazzjoni għal ħafna snin, it-Taljani saru l-akbar grupp ta’ ħaddiema barranin li ġejjin mill-Unjoni Ewropea.

Bħalissa, aktar minn persuna minn kull 10 li tgħix u taħdem f’Malta hi barranija, bin-numru jitla’ għal ftit iktar minn tnejn għal kull 10 fir-rigward tal-ħaddiema f’pajjiżna.

Dan jirriżulta minn eżerċizzju li sar mill-gazzetta ILLUM permezz tal-aħħar ċifri u statistika żvelata fil-Parlament kif ukoll mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika (NSO). Fil-fatt fi tweġiba għall-mistoqsija tad-Deputat Nazzjonalista Chris Said, il-Ministru għax-Xogħol u Edukazzjoni Evarist Bartolo żvela kif sa Diċembru 2017 f’Malta kien hawn 30,564 ħaddiem li kien ġej minn pajjiż ieħor fl-Unjoni Ewropea (UE), filwaqt li 12,407 ħaddiema kienu ġejjin minn pajjiż terz, jiġifieri barra mill-Unjoni Ewropea. Dawn f’daqqa jammontaw għal kważi 43,000 ħaddiem, preċiżament 42,971 ħaddiem barrani f’pajjiżna.

Jekk ngħoddu l-ħaddiema biss li jinsabu f’pajjiżna u neskludu l-probabilità illi numru minnhom fil-fatt għandhom qraba hawn, 10% tal-popolazzjoni Maltija hija barranija

Jekk wieħed iħares lejn l-aktar stimi riċenti tan-Nazzjonijiet Uniti, jara illi bħalissa l-popolazzjoni ta’ Malta hija ta’ ftit inqas minn 432,000. Dan ifisser illi jekk ngħoddu l-ħaddiema biss li jinsabu f’pajjiżna u neskludu l-probabilità illi numru minnhom fil-fatt għandhom tfal jew qraba hawn, 10% tal-popolazzjoni Maltija, sa Diċembru tal-2017, kienet barranija.

Min-naħa l-oħra, in-numru ta’ 43,000 ħaddiem jirrapreżenta 22% ta’ dawk kollha li kienu jinsabu f’impjieg sa Diċembru 2017, li allura tfisser li ftit iktar minn żewġ ħaddiema minn kull 10 f’Malta huma barranin. Sa Diċembru, u skont l-istatistika tal-NSO, f’Malta kien hawn 195,274 ħaddiem f’impjieg, kemm jekk full-time, part-time jew inkella studenti li għandhom impjieg relatat mal-istudji tagħhom.

Il-popolazzjoni barranija tiżdied b’aktar minn 20,000

Iktar minn hekk, ħarsa lejn l-istatistika li ħarġet fiċ-ċensiment tal-2011 juri illi f’seba’ snin, pajjiżna esperjenza żieda ta’ madwar 23,000 persuna barranija li ġew f’pajjiżna u dan meta qed ngħoddu biss it-total tal-ħaddiema barranin u mhux dawk li jinsabu f’pajjiżna u m’għandhomx impjieg, fosthom tfal.

Skont iċ-ċensiment, sal-2011 kienu jgħixu pajjiżna total ta’ 20,289 persuna barranija, li kienu jinqasmu bi ftit inqas minn 19,000 f’Malta u 1,357 f’Għawdex. Sa dakinhar l-akbar numru ta’ nies kienu ġejjin mir-Renju Unit b’6,652, mis-Somalja 1,041 u mis-Serbja 541.

Jiġifieri minn total ta’ 20,289 persuna barranija f’Malta fl-2011 sa Diċembru 2017 dawn telgħu għal ħafna aktar. Biss biss 42,971 minnhom huma ħaddiema. Dan jindika li fil-fatt il-popolazzjoni barranija f’Malta żdiedet b’aktar minn 23,000 fl-aħħar seba’ snin.

Fil-fatt fil-Parlament ukoll din il-ġimgħa l-Prim Ministru Muscat, għal mistoqsija oħra mid-Deputat Said, żvela kif madwar 30,000 persuna f’Malta ngħatat permess ta’ residenza f’pajjiżna. Dawk li jingħataw permess ta’ residenza jkunu ġejjin minn pajjiżi terzi, lil hinn mill-UE. Din iċ-ċifra tinkludi wkoll dawk li għandhom permess temporanju ta’ residenza.

‘Splużjoni’ fl-ammont ta’ Taljani li jinsabu Malta

Intant meta wieħed jagħti ħarsa dettaljata lejn iċ-ċifri żvelati mill-Ministru Bartolo, għall-mistoqsija tad-Deputat Nazzjonalista Chris Said, isib illi d-dinamika tal-popolazzjoni barranija f’pajjiżna nbidlet, tant li l-Ingliżi m’għadhomx l-akbar komunità ta’ ħaddiema f’pajjiżna.

Issa huma t-Taljani li b’7,778 jiffurmaw l-akbar numru ta’ ħaddiema barranin li ġejjin mill-UE u allura li għandhom dritt awtomatiku li jiġu u jsibu impjieg f’pajjiżna.

Jekk wieħed iqabbel din iċ-ċifra ma’ dik fiċ-ċensiment tal-2011, isib li kien hemm qabża kbira ħafna ta’ Taljani f’pajjiżna, minn total ta’ 947 għal ċifra li qed tqarreb it-8,000 u li tikkalkula biss in-numru ta’ ħaddiema Taljani, mhux tfal, anzjani jew persuni bla xogħol. In-numru ta’ ħaddiema mir-Renju Unit kien ta’ kważi 5,000 persuna, filwaqt li f’pajjiżna kellna wkoll 2,439 ħaddiem Bulgaru sal-aħħar tal-2017. Nazzjonalitajiet oħrajn li f’Malta hawn madwar 1,000 ħaddiem minnhom huma Franċiżi (1,090), Ġermaniżi (1,298), Ungeriżi (1,592), Rumeni (1,844), Spanjoli (1,230) u Żvediżi (1,359).

L-inqas numru ta’ ħaddiema minn fost dawk li ġejjin mill-Unjoni Ewropea huma ċ-Ċiprijotti (37 ħaddiem), dawk mil-Lussemburgu (sitt ħaddiema) u l-Estonjani (128 ħaddiem).

Is-Serbi u l-Filippini fost l-aktar nazzjonalitajiet terzi f’Malta

Intant fost it-12,407 ħaddiema li ġejjin minn barra l-UE, l-akbar komunità forsi mingħajr wisq sorpriżi, huma l-Filippini. Sal-aħħar tas-sena li għaddiet Malta kellha 2,413-il ħaddiem minn dan il-pajjiż.

It-tieni l-akbar komunità ta’ ħaddiema f’Malta minn pajjiżi terzi huma s-Serbi b’2,329 persuna. Komunità pjuttost kbira kkonċentrata l-aktar fit-Tramuntana ta’ Malta (Buġibba/ il-Qawra).

Komunità oħra pjuttost imdaqqsa hija dik ta’ ħaddiema Indjani li jgħoddu d-922.

Fil-fatt il-ħaddiema minn pajjiżi terzi ġejjin l-aktar minn dawn it-tliet pajjiżi. Il-pajjiżi l-oħrajn li minnhom hawn numru inqas, imma xorta konsiderevoli ta’ ħaddiema huma mil-Libja (414) u l-Maċedonja (468).

More in Politika