Lanqas jippanċjaw ma jridu... is-sitwazzjoni ħażina tal-ħaddiema f’Monte Carmeli

Relazzjoni ħażina ħafna bejn ħaddiema u management, nuqqas ta’ spazju u privatezza fl-isptar u nuqqas ta’ sigurtà stretta fid-daħla, fost il-konklużjonijiet tal-NAO 

L-Awditur Ġenerali pinġa stampa pjuttost kerha tas-sitwazzjoni fl-Isptar Monte Carmeli, sptar li hu ddeskriva bħala “staġnat”, li hu nieqes mill-aktar fatturi bażiċi ta’ sigurtà, bi staff “b’moral baxx”, bi ftit ħeġġa li s-sitwazzjoni tista’ verament tinbidel u b’relazzjoni ħażina ħafna bejn l-amministrazzjoni tal-Isptar u l-ħaddiema. F’rapport li tpoġġa aktar kmieni din il-ġimgħa fuq il-mejda tal-Kamra tar-Rappreżentanti u fuq l-istess binarju tal-MUMN, l-Awditur jirrimarka illi l-Isptar għandu 233 ħaddiem inqas milli suppost hemm.

Fir-rapport ‘Performance Audit; A Strateġic Overview of Mount Carmel Hospital’, jingħad kif l-Uffiċċju tal-Awditur ħass li huwa bżonn li “jirrapporta dwar dak li huwa ġeneralment moral baxx li jinħass fost il-ħaddiema tal-Isptar Monte Carmeli.” Jiżvela kif waqt il-laqgħat li saru mal-maniġment tal-Isptar u fid-drabi li l-Uffiċċju tal-NAO mar fuq il-post, “osserva sens mifrux ta’ rassenjazzjoni dwar is-sitwazzjoni kurrenti fl-Isptar Monte Carmeli u ħaddiema li kienu pjuttost demoralizzati.” Fil-fatt ir-rapport ikompli jgħid kif il-ħaddiema kienu ħerqana li jwasslu l-ilmenti tagħhom, “f’indikazzjoni li opportunità biex jitkellmu u allura biex issir bidla effettiva, hija xi ħaġa rari.”

Meta indaga dwar ir-raġuni possibbli għal din is-sitwazzjoni, il-Kummissarju tas-Saħħa Mentali John Cachia sab illi dan kien minħabba s-sitwazzjoni “staġnata” fl-isptar, “li tagħmilha diffiċli biex il-ħaddiema jkunu mmotivati u jkollhom l-enerġija li jaħdmu u hija biss id-dedikazzjoni u s-sens ta’ dover tagħhom lejn il-pazjent li jagħtihom il-motivazzjoni.”

Ma jridux jippanċjaw...

Filwaqt li sostna illi n-nuqqas ta’ ħaddiema joħloq problemi r-rapport jiżvela s-sitwazzjoni mwiegħra bejn l-amministrazzjoni u l-ħaddiema, tant li jidher illi dan tal-ewwel qed isibha diffiċli biex jagħmel bidliet neċessarji fir-rigward tat-tqassim tar-riżorsa umana jew inkella tibdil fix-xifts. Dan apparti li r-rapport jgħid illi l-ħaddiema qed joffru reżistenza biex jippanċjaw u allura juru meta jkunu daħlu u meta joħorġu mill-post tax-xogħol. L-NAO jfakkar illi din is-sitwazzjoni “toħloq riskji ovvji ta’ abbuż u piżijiet żejda għall-amministrazzjoni.”

Id-diġinerazzjoni strutturali tal-Isptar Monte Carmeli tul is-snin mhux ġustifikata u l-Uffiċċju tal-Awditur jemmen li l-pazjenti ħaqqhom soluzzjoni immedjata

“Huwa ta’ tħassib illi l-ħaddiema qed ikunu kostretti li jitkellmu mat-trade unions bħala l-ewwel kuntatt tagħhom biex jikkjarifikaw kwistjonijiet li jista’ jkollhom mal-amministrazzjoni.”

‘Agħmlu pressjoni...’

Fir-rapport tiegħu Cachia jinsisti li l-amministrazzjoni għandha tagħmel pressjoni kontinwa biex is-sitwazzjoni ta’ nuqqas ta’ ħaddiema tkun irranġata. Dan filwaqt li titlob ukoll biex tkun irranġata s-sitwazzjoni ħażina li teżisti bejn it-tmexxija tal-isptar u l-ħaddiema.

28 pazjent fi spazju żgħir....

Immaġina taqbad żewġt idjar ta’ daqs medju u tpoġġihom flimkien u tpoġġi fihom 28 pazjent, jew inkella 16 f’kull dar.

Huwa b’dan il-mod li l-Awditur iddeskriva s-sitwazzjoni ta’ 28 pazjent li “huma kostretti li jqattgħu ħafna mill-ġurnata tagħhom f’dan l-ispazju.”

Hawnhekk l-NAO wera t-tama fil-wegħda ta’ €30 miljun f’investiment li l-Gvern qal li se jagħmel fl-isptar fuq perjodu ta’ ħames snin fl-istruttura tal-isptar, għalkemm jinsisti wkoll illi jinsab ikkonċernat, “bis-sitwazzjoni li fiha l-maġġoranza ta’ pazjenti ta’ mard mentali qed isibu lilhom infushom fiha, preżentement. Id-diġinerazzjoni strutturali tal-Isptar Monte Carmeli tul is-snin mhix ġustifikata u l-Uffiċċju tal-Awditur jemmen li l-pazjenti ħaqqhom soluzzjoni immedjata.”

Kulħadd dieħel u ħiereġ b’libertà?

U finalment, ir-rapport huwa pjuttost skjaċċanti f’dak li jirrigwarda s-sigurtà. Fil-fatt l-Awditur jgħid illi meta kien qed iżur l-Isptar, persuni mit-tim tal-awditjar osservaw kif qatt ma twaqqfu fid-dħul tal-isptar u qatt ma kienu mistoqsijin dwar il-preżenza tagħhom, anke jekk lanqas biss kellhom mezz ta’ identifikazzjoni. Dan apparti li ħafna drabi jidher illi d-daħla li minnha jgħaddu l-karozzi kienet miftuħa u ma kien hemm ħadd għassa, jew dawk għassa ma staqsewx lit-tim mill-NAO għaliex kienu preżenti.

Ir-rapport jgħid illi fil-fatt is-sitwazzjoni tjiebet ftit, imma mhux qabel ma nqala’ każ ta’ pazjent li mexa barra mill-isptar lura fi Frar. Minkejja dan, f’diversi każi d-dħul xorta baqa’ ma jkunx mgħasses, filwaqt li kellhom jkunu l-membri tal-NAO stess li jitolbu biex ikollhom tag, f’okkażjoni partikolari.

Ir-rapport jagħmel referenza wkoll għall-kamers tas-CCTV li ma jinxtegħlux u l-fatt li ħadd ma jkun għassa fuq dawn il-kameras.

“Id-defiċjenzi identifikati fis-sigurtà tal-Isptar Monte Carmeli qed tippreżenta riskji sinjifikanti u ovvji bl-NAO ikun imħasseb sew... in-nuqqasijiet (ta’ sigurtà speċjalment fid-daħla tal-isptar) jista’ jkun li jsaħħu r-rieda ta’ dawk il-pazjenti li jkunu determinati li jitilqu mill-post mingħajr awtorizzazzjoni, u allura jkunu esposti għall-perikli...”

Fearne se jwieġeb il-ġimgħa d-dieħla

Minħabba s-serjetà tar-rapport u l-akkużi li qed isiru, din il-gazzetta staqsiet lill-Ministru Fearne x’qed jagħmel il-Ministeru dwar il-punt tal-ħaddiema u s-sigurtà.

Kelliema għall-Ministru qalet biss li l-Ministeru qed jevalwa r-rapport tal-NAO u se jwieġeb il-ġimgħa d-dieħla.

More in Politika