Aġġornata | Di Maio jżeffen l-interconnector waqt li kkritika lil Malta fuq l-immigrazzjoni

Il-Gvern Malti jgħid li jinsab sorpriż b'din id-dikjarazzjoni u jfakkar lil Di Maio li l-pajjiż għandu l-impjant tiegħu għall-enerġija

Id-Deputat Prim Ministru Taljan, Luigi di Maio, waqt li kien qed jitkellem fuq il-kwistjoni dwar l-immigranti bejn Malta u l-Italja, iddeċieda li jżeffen fin-nofs l-interconnector waqt li kien qed jikkritika l-pożizzjoni ta’ Malta li ma tiħux l-immigranti abbord l-Aquarius.

Waqt intervista fuq il-programm Porta a Porta, fuq Rai Uni, di Maio qal li fil-jiem li ġejjin l-Italja se tmur madwar l-imwejjed Ewropej iżda insista li xejn mhu se jibqa’ bħalma kien qabel.

Minkejja li huwa ċar li s-salvataġġ ma sarx fiż-żona ta’ tfittxija u salvataġġ ta’ Malta, Di Maio baqa’ jinsisti li Malta qed tirrifjuta li taċċetta l-bastiment minkejja li kien fiż-żona ta’ tfittxija u salvataġġ tagħha.

Kien hawn, li Di Maio fakkar li Malta tissupplixxi l-elettriku lil Malta permezz tal-interconnector minn Ragusa.

“Jiddispjaċini għal Malta. Aħna nissupplixxu l-elettriku minn Ragusa u huma jagħlqu l-portijiet,” saħaq Di Maio.

Fetaħ ukoll il-kanuni fuq l-Unjoni Ewropea u saħaq li l-kwistjoni dwar is-629 immigrant, li spiċċaw fin-nofs fi kwistjoni bejn Malta u l-Italja, kixfet 'l-ipokrezija' tal-Unjoni Ewropea meta ħeġġet lil Malta u l-Italja biex isibu soluzzjoni. Fi kliemu, is-soluzzjoni trid tinstab mill-Unjoni Ewropea.

Il-Gvern Malti sorpriż b'dak li qal Di Maio

Intant, f'reazzjoni għal dawn il-kummenti, il-Gvern Malti fi stqarrija qal li jinsab sorpriż bil-kummenti tad-Deputat Prim Ministru Taljan

Filwaqt li insista li Malta, fil-pożizzjoni li ħadet, kienet qed timxi mal-liġijiet internazzjonali, fakkar lil Di Maio li Malta tixtri l-elettriku b'rati kummerċjali minn dan l-interconnector minn diversi fornituri Ewropej.

Fakkru wkoll li l-ftehim dwar l-interconnector huwa mmexxi skont ir-regoli Ewropej u jistabbilixxi wkoll il-provvista massima u minima, fost oħrajn.

Saħaq ukoll li jinsab ċert li l-awtoritajiet Taljani kompetenti se jiġbdu l-attenzjoni ta' Di Maio għall-fatt "li dan il-ftehim huwa bbażżat fuq is-Saltna tad-Dritt."

L-istqarrija ttemm tfakkar ukoll lill-Gvern Taljan li Malta għandha l-impjant tagħha għall-provvista tal-enerġija u tissupplixxi l-elettriku tagħha stess u li l-interconnector huwa użat biss bħala 'taħlita tal-enerġija' skont il-politika tal-pajjiż għall-provvista tal-enerġija.

More in Politika