Politika Kronaka Soċjali Intervisti Zekzik Poodle Għawdex Qrati u Pulizija

Il-President tibqa’ ma tgħidx jekk hux se tiffirma l-liġi tal-IVF

Il-President Marie-Louise Coleiro Preca għal darbtejn ma weġbitx mistoqsijiet tal-gazzetta ILLUM dwar jekk hix se tiffirma l-liġi tal-IVF jew le. Tgħid biss li tittama li jkunu indirizzati kwistjonijiet etiċi u morali

Yendrick Cioffi / 13 ta' Ġunju 2018 17:45
Il-President ta’ Malta Marie-Louise Coleiro Preca qed tibqa’ żżomm fommha sieket dwar jekk hix se tiffirma jew le l-Liġi tal-IVF hekk kif emendata mill-Gvern u li tippermetti l-iffriżar tal-embrijun bħala norma u mhux eċċezzjoni.

Minkejja li l-gazzetta ILLUM bagħtet sett ta’ mistoqsijiet li fihom staqsiet b’mod dirett jekk il-President hux se tiffirma l-liġi, kemm qabel ma l-Gvern ħabbar il-bidliet fl-emendi u anke wara, Coleiro Preca baqgħet ma kkommettitx ruħha dwar x’se tagħmel meta tiġi quddiemha din il-liġi.

Sa din il-ġimgħa stess, fuq ġurnali lokali, kelliema għal-Life Network Foundation kienu qed jitolbu u jagħmlu pressjoni fuq il-President biex ma tiffirmax.

Din il-gazzetta staqsiet jekk Coleiro Preca hix se tiffirma, jekk tistax tirrifjuta li tiffirma u x’sar mit-talba tagħha ta’ medjazzjoni. Hija kienet pjuttost xotta fir-risposta u qalet biss li hija “favur leġiżlazzjoni tal-IVF li tibbilanċja l-qsim il-qalb ta’ koppji bla tfal ma’ kwistjonijiet etiċi sensittivi li għandhom x’jaqsmu mad-drittijiet tal-embrijun.

Bil-bidliet imħabbra nhar it-Tnejn li għadda, l-iffriżar tal-embrijuni se jibqa’ parti intergali mill-proċess tal-IVF. Tant hu hekk li l-Gvern ma aċċetta l-ebda proposta tal-Partit Nazzjonalista, inkluż dik li titneħħa l-adozzjoni tal-embrijun li qed jiddiskrivuha bħala bħala “kompromess insensittiv biex ikun jista’ jiddaħħal l-iffriżar tal-embrijuni.”

Dan ifisser li mhu se jinbidel xejn f’dawk l-emendi li qajmu l-aktar kontroversja u li jduru mal-kunċett ta’ meta tibda l-ħajja.

Mal-gazzetta ILLUM, il-ġinekologu Mark Sant, wieħed mill-professjonisti li qed jimbotta dawn l-emendi, kien qal li filwaqt li qed jappoġġja dan l-abbozz, xorta waħda mhux kuntent bih għax kien qal li, ħdejn pajjiżi oħra, xorta se nkunu  għadna 30 sena lura.

“Jekk mara għandha 12-il bajda għandna niffertilizzawhom kollha,” kien insista Mark Sant. L-emendi kif proposti mill-Gvern se jkunu qed jippermettu l-iffertilizzar ta’ ħames bajdiet.

Il-President kienet ‘kunfidenti’ wara l-laqgħa ma’ Fearne

L-ILLUM bagħtet l-ewwel sett ta’ mistoqsijiet, lill-Uffiċċju tal-President, fit-30 ta’ Mejju li għadda, jiġifieri qabel il-bidliet, u għalihom il-President fakkret biss li kellha “laqgħa kostruttiva,” dwar din il-liġi, mal-Ministru Fearne u li hija “kunfidenti li wara konsultazzjoni li qed isiru, il-liġi l-ġdida ser tieħu in konsiderazzjoni, il-kwistjonijiet etiċi u morali.”

Wara l-bidliet il-President terġa’ tiltaqa’ mal-Ministru?

Nhar il-Ħamis li għadda, 7 ta’ Ġunju, il-gazzetta ILLUM reġgħet bagħtet tistaqsi mill-ġdid lill-President jekk hux se tiffirma l-liġi,  wara li d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa, Chris Fearne, ħabbar numru ta’ bidliet għall-emendi proposti oriġinarjament. L-Uffiċċju tal-President qal biss illi l-President m’għandha xejn x’iżżid mal-ewwel risposta tagħha lil din il-gazzetta.

Għalhekk mhux magħruf jekk il-President hijiex komda jew le bil-bidliet li qed jipproponi l-Gvern għall-emendi li ressaq hu stess. Skont sorsi viċin il-Ministeru għas-Saħħa, il-President kellha numru ta’ laqgħat mad-Deputat Prim Ministru Chris Fearne dwar is-suġġett.

Din hija t-tieni darba li l-President ma weġbitx mistoqsijiet tal-ġurnalisti dwar jekk hix lesta li tiffirma din il-liġi, wara li kienet mistoqsija wkoll mill-gazzetta Times of Malta.

F’mossa bla preċedent, kienet ħeġġet biex id-deċiżjoni ma tittiħidx għalissa u waqt li appellat għall-perjodu itwal ta’ riflessjoni, offriet li tkun medjatur għal dibattitu fost il-partijiet kollha kkonċernati.

L-iffriżar tal-embrijun issa, bl-emenda u bil-bidliet

Preżentament: Il-liġi tippermetti l-iffriżar f’każijiet eċċezzjonali biss, bħal pereżempju meta l-implantazzjoni ma tkunx tista’ ssir minħabba s-saħħa fiżika tal-omm.

Bl-emendi: Ġenituri prospettivi jitħallew jiffriżaw embrijuni jekk jaqblu li jagħtu dawk l-embrijuni mhux użati għall-adozzjoni. Jekk jaqblu, l-Awtorità toħroġ permess għall-iffriżar ta’ ħames snin. L-emenda tippermetti l-iffertilizzar ta’ ħames bajdiet, li minnhom tnejn biss jistgħu jiġu implantati, għalhekk il-bqija jiġu ffriżati. L-Awtorità tgħaddi għall-adozzjoni jekk il-ġenituri ma jġeddux il-kuntratt ta’ ħames snin jew jekk il-mara taqbeż it-43 sena.

Bidliet: “Dawk il-koppji li jkun fadlilhom embrijun iffriżat, l-istess koppji se jingħataw l-opportunità ta’ ċiklu addizzjonali tal-IVF biex l-embrijun jingħata ċ-ċans li jiżviluppa f’ħajja ġdida fl-istess familja,” qal il-Ministru. F’ċertu każi, l-età biex il-mara tirċievi l-embrijun iffertilizzat, se titla’ għal 48 sena. Fejn tidħol l-adozzjoni, il-Gvern qed jipproponi li l-ġenituri prospettivi jsegwu l-istess proċess ta’ screening li jagħmlu ġenituri oħra meta jkunu se jaddottaw tarbija.

Donazzjoni gamiti: Kif se tinbidel?

Preżentament: Id-donazzjoni tal-isperma u l-bajda hija illegali

Bl-emendi: Id-donazzjoni tal-isperma u l-bajda ssir legali bid-donatur tal-gamiti ma jkunx jaf minn għand min ħa d-donazzjoni, ir-riċevitur ma jkunx jaf min hu d-donatur u l-istess il-wild.  L-awtorità żżomm reġistru b’informazzjoni medika u informazzjoni oħra dwar id-donaturi anonimi, liema informazzjoni tkun disponibbli biss wara li l-wild jagħlaq is-16-il sena u lill-ġenituri, jekk meħtieġ.

Bidliet: It-tarbija, meta tilħaq l-età ta’ persuna adulta, se jkollha d-dritt li ssir taf min kienu d-donaturi li wasluha biex tingħata l-ħajja. Id-donatur tal-gamiti se jibqa’ ma jkunx jaf min ħa d-donazzjoni u l-istess ir-riċevitur.

Maternità Surrogata: Għalissa se tistenna... imma tasal

Preżentament: Illegali

Bl-emendi: Il-kiri tal-ġuf se jibqa’ illegali iżda jista’ jsir biss jekk b’mod altruwistiku (bla ħlas).

Bidliet: Il-Gvern jipproponi diskussjoni pubblika wiesgħa ma’ dawk kollha kkonċernati u “meta jkun il-mument opportun” titressaq mill-ġdid iżda f’liġi għaliha.

Stħarriġ
Segwina fuq Facebook