'Mintoff bena fuq li sab u ħalla pajjiż ħafna aħjar' - Muscat

Inawgurat il-Monument tal-eks Prim Ministru u eks Mexxej Laburista Dom Mintoff fi Pjazza Kastilja

Il-monument ta' Mintoff fi Pjazza Kastilja
Il-monument ta' Mintoff fi Pjazza Kastilja

Meta kien qed jitkellem f’ċerimonja tal-kxif tal-monument tal-eks PM u eks Mexxej Laburista Dom Mintoff, Muscat qal li Mintoff jitfakkar fl-immodernizzar kontinwu tal-pajjiż. “Ra l-potenzjal...in-nies, il-familji u n-negozji.” Muscat qal li Mintoff kien responsabbli biex tant nies joħorġu mill-faqar u importanti biex titneħħa l-mentalità servili li trabbiet f’poplu li kien ilu jitmexxa sa’ mill-eżistenza tiegħu.

Il-PM fakkar kif Mintoff kien responsabbli għal parti kbira mill-pedament ekonomiku li fuqu għadu qed isir l-immodernizzar u l-progress.

“Kellu viżjoni li tmur lilhinn miż-żmien li għex fih, mhux għalih imma għalina. Il-monument jingħaqad ma’ dawk ta’ Boffa u Borg Olivier, li mat-tnejn kellu xi jgħid,” ifakkar Muscat. Imma qal ukoll li “se jkun għal qalbu ħdejn Manwel Dimech,”  li jfakkar kemm kien jammira lil Dimech, Mintoff.

Il-PM Muscat iwassal il-messaġġ tiegħu bil-monument ta' Mintoff warajh
Il-PM Muscat iwassal il-messaġġ tiegħu bil-monument ta' Mintoff warajh

“L-istorja tiġġudika lil Mintoff b’mod pożittiv. Minkejja opinjonijiet differenti dan il-monument jagħmel ġustizzja miegħu u ma’ familtu. Mintoff bena fuq li sab u tana pajjiż ħafna aħjar," qal Muscat.

Tkellmet ukoll il-Pro Rettur u Professur Carmen Sammut li ddeskirivet lil Mintoff bħala persuna li l-battalji tiegħu waslu għal riformi li ġew minkejja l-oppożizzjoni, fosthom children’s allowance, pensjonijiet u d-dritt tal-vot lil mara

Hija fakkret ukoll fid-diversi kumpaniji li twaqqfu taħt it-tmexxija ta’ Mintoff fosthom l-Airmalta, Enemalta, Telemalta (wara Maltacom u issa GO), Gozo Channel u ħafna oħrajn apparti kumpaniji privati li kienu attirati lejn Malta meta hu kien Prim Ministru.

Hija ddeskriviet lil Mintoff bħala “ġellied u paċifista”.

Sammut qalet illi bil-monument ta’ Mintoff fi Pjazza Kastilja, issa dan il-post se jkun verament qed jiġbor fih l-istorja u l-wirt politiku kollu Malti, hekk kif mal-ġenb hemm il-monument tal-eks PM Nazzjonalista George Borg Olivier.

Patri Mark Montebello
Patri Mark Montebello

...u Patri Mark jikser is-skiet

“Dal poplu tgħallem ikun kburi bih innifsu għax għaraf il-jasar li kien fih u min kien qed żommu mjassar.” Hekk beda d-diskors tiegħu Patri Mark Montebello, li kif żvela dan is-sit iktar kmieni illum, qed jerġa jitkellem minkejja li kien iċċensurat mill-Provinċja Dumnikana.

“Alla ma ħalaq lil ħadd biex ikun tapit ta’ ħaddieħor...għaddew għexieren ta’ snin qabel il-ponn ingħaqad,” qal Montebello b’referenza għall-ħaddiema u l-ġlieda biex il-ħaddiem jkollu d-drittijiet tagħhom.

Mintoff ma kienx messija, bniedem bin-nuqqasijiet, bil-ġennati tiegħu. Bniedem li jmeri lilu innifsu. Iżda kien ukoll bniedem li nxteħet biex inebbaħ lil ħaddieħor,” qal Montebello.

“Wasal dal-bniedem minkejja l-qilla tat-taqtiegħ u l-waħx tat-theddid...wasal biex radd lil dan il-poplu l-ħajra u r-rieda biex ikun kburi bih innifsu.”

“Wasal u wassal lilna lkoll,” qal il-patri li fakkar fil-kisbiet ta’ Mintoff fosthom id-drittijiet għaċ-ċkejknin u l-vulnerabbli.

Il-Ministru Owen Bonnici qal li l-pajjiż għandu ħafna x’jitgħallem minn Mintoff, fosthom it-tħaddim tal-kelma biex iwassal il-messaġġ u jinnegozja.

“L-inawgurar tal-monument mhux ċelebrazzjoni ta’ fissazzjoni politika jew idolatrija imma li tfakkar persuna li tat dak kollu li taf...għall-iżvilupp soċjali, ekonomiku u kostituzzjonali ta’ dan l-istat.”

 

More in Politika