Aġġornata | Sant u Dalli waħedhom fid-difiża tal-programm taċ-ċittadinanza fil-PE

Fil-Parlament Ewropew (PE) diversi MEPs jikkritikaw l-iskemi ta' ċittadinanza u MEP Belġjan jgħid li Malta saret kolonja tal-Ażerbajġan

Sant u Dalli jiddefendu l-iskema ta' ċittadinanza, fosthom ta' Malta
Sant u Dalli jiddefendu l-iskema ta' ċittadinanza, fosthom ta' Malta

Il-Parlament Ewropew iddiskuta l-programmi, li għandhom xi stati membri fosthom Malta, għall-għoti ta’ ċittadinanza bi skambju għal investiment. L-MEPs Alfred Sant u Miriam Dalli kienu l-uniċi MEPs li iddefendew dawn l-iskemi.

'Il-popli mħassbin...'

Fl-intervent tagħha l-MEP Nazzjonalista Roberta Metsola sostniet li ċ-ċittadinanza hija xi ħaġa li għandha tingħata lil min ikollu rabta "ġenwina" mal-pajjiż in kwistjoni. "Il-popli mħassbin u bir-raġun, hawnhekk mhux qed nitkellmu biss dwar golden visas imma hwejjeg ħafna ikbar. Qed nitkellmu dwar kif nies jidħlu fl-UE...iċ-ċittadinanza ma tistax tkun ridotta għal xi ħaġa li tixtri." Iktar tard l-MEP Ġermaniż tal-Ħodor Sven Giegold f'intervent qasir qabel ma' Metsola.

L-MEP Olandiża Sophia In't Veld mill-Grupp Liberali u Demokratiċi kellha kliem iebes ħafna fuq l-iskemi tal-passaporti u allegat li dawn huma "korruzzjoni u ħasil ta' flus iffaċilitati mill-istat...din hija scam." 

Irrimarkat kif min jiġi fl-UE biex isib ix-xogħol qed ikun trattat bħala kriminal, imma min għandu l-flus qed jinfirixlu t-tapit l-aħmar. "L-UE hija taċ-ċittadini tal-UE, mhux tal-kriminali," sostniet In'T Veld. 

L-MEP Monica Macovei, li kienet parti mid-delegazzjoni li ġiet Malta fl-aħħar tas-sena li għaddiet u li stħarrġet is-saltna tad-dritt, qalet illi dawn il-programmi jeħtieġ jingħalqu u ma jibqgħux joperaw. Hi qalet li skema ta' bejgħ ta' passaporti qed tiftaħ il-bibien għal ħasil tal-flus filwaqt li żżomm lil dawk li jixtru ċ-ċittadinanza l-bogħod mill-ġustizzja f'pajjiżhom. 

L-MEP Gerard Deprez iddeskriva l-programm ta' ċittadinanza bħala 'għarukaża' kif qalu wkoll diversi MEPs oħrajn li talbu li titwaqqaf l-iskema taċ-ċittadinanza bħal dik ta' Malta. 

Sant u Dalli, jiddefendu...

L-MEP Malti mill-Partit Laburista Alfred Sant, għamel difiża qawwija favur dan il-programm. Sant sostna li dawn jiffurmaw politika leġittima ta' kif pajjiżi żgħar jattiraw l-investiment. "Naturalment xi wħud se jkollhom intenzjonijiet tajbin u oħrajn le..." 

Sant qal illi f'diversi pajjiżi tal-UE hemm diversi skemi, wħud li mhumiex uffiċjali u filwaqt li qal illi l-proċess f'Malta huwa rigoruż talab biex jekk hemm min jaf li l-affarijiet ma sarux sew jitkellem u jġib il-provi."

Miriam Dalli, l-MEP Laburista, fakkret illi l-programm għandu erba' processi ta' due diligence tinkludi l-Europol u l-Interpol. "Malta biss għandha din is-sistema filwaqt li ħafna programmi oħrajn huma għal kollox oskuri," qalet Dalli. 

L-MEP Ana Gomes, li mistennija terġa tiġi Malta fil-ġranet li ġejjin, ikkritikat l-iskema u qalet li din l-iskema trid titwaqqaf. 

Iktar kmieni: Fi stqarrija, l-Uffiċċju tal-Parlament Ewropew f’Malta qal li wħud mill-Membri Parlamentari Ewropej huma mħassba li l-korruzzjoni u l-kriminalità ser jiżdiedu permezz dawn l-iskemi u jibżgħu li jistgħu jmorru kontra l-valuri tal-UE.

Din il-ġimgħa, il-gazzetta ILLUM żvelat kif l-istess delegazzjoni se tkun qed tasal f'Malta fil-jiem li ġejjin.

 

More in Politika