Muscat: 'Dejjem kont nibża li tista' tiġri xi ħaġa lil Daphne...imma qatt li tinqatel'

....il-PM jgħid f'intervista li se tkun ippublikata fil-ktieb dwar l-ewwel 10 snin tiegħu bħala Mexxej Laburista 

Il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li jemmen li jista’ jinqabad il-mandant tal-qattiela tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia. Il-Prim Ministru jgħid fi ktieb ġdid li se joħroġ fis-suq fil-ġranet li ġejjin biex ifakkar l-għaxar snin mindu ħa t-tmexxija tal-Partit Laburista.

“Rigward il-mandant jew mandanti, jiġifieri min tefa’ l-ġebla u ħeba idu, jien nemmen li, kemm permezz tal-proċess ġudizzjarju li diġà nbeda, kif ukoll b’affarijiet oħra, wieħed għandu mnejn jasal ukoll biex isib min kien jew min kienu. Żgur li, jekk insemmu każijiet ta’ delitti li mmarkaw l-istorja politika ta’ dan il-pajjiż, ibda b’ta’ Raymond Caruana u spiċċa b’ta’ Karin Grech, qatt ma wasalna s’hawn. Il-pulizija qatt ma kellha każ li bih marret il-qorti tispjega x’ġara punt wara ieħor. Din id-darba qed jiġri hekk.” Jghid il-PM f’intervista twila u esklussiva ma’ Prof Andrew Azzopardi.

“Jien dejjem kienet il-biża’ tiegħi li tista’ tiġri xi ħaġa lil Daphne Caruana Galizia. Onestament, qatt ma ħsibt li tista’ tiġri xi ħaġa tant sorprendenti. Iktar kont naħseb li seta’ xi ħadd jgħidilha kelma żejda jew xi ħaġa simili. Ngħiduha kif inhi, il-persuna ma kinitx faċli biex tittratta magħha, avolja dan ma jiskuża xejn. Fis-sens, jekk, għall-argument, tagħtiha skorta, aktarx hi kienet targumenta li xi ħadd qed iqegħdilha pulizija biex ifixkilha jew inemmes fuqha. Il-persuna ma kinitx faċli. Ovvjament, wara kulħadd bravu. Mingħajr ma nqabbel dan il-każ ma’ dak li ġara f’pajjiżi oħra, jien inħossni sodisfatt ħafna li daħħalna l-esperti ta’ pajjiżi oħra mill-ewwel, li magħhom ħadmu tajjeb ħafna l-forzi tal-ordni tagħna. B’riżultat ta’ dan, illum hemm tliet persuni l-qorti akkużati bil-qtil ta’ Caruana Galizia.”

Ibda b’ta’ Raymond Caruana u spiċċa b’ta’ Karin Grech, qatt ma wasalna s’hawn. Il-pulizija qatt ma kellha każ li bih marret il-qorti tispjega x’ġara punt wara ieħor. Din id-darba qed jiġri hekk. Joseph Muscat

F’dan il-ktieb il-PM jitkellem dwar suġġetti oħra jaħarqu fosthom dwar min seta’ kien wara l-gidba faħxija tal-Egrant. Michelle Muscat ukoll tiżvela ġrajjiet ġodda li seħħew fl-aktar snin riċenti li qed ikunu ippubblikati għall-ewwel darba.

Il-ktieb jinkludi wkoll kapitlu b’għaxar kontribuzzjonijiet ta’ analisti politiċi u filosofiċi li janalizzaw l-għaxar snin ta’ tmexxija ta’ Joseph Muscat. Dawn huma Michael Grech, Prof. John Baldacchino, Gabi Calleja, Deborah Schembri, Kurt Farrugia, Nigel Vella, Alfred Mifsud, u Evarist Bartolo, Maria Camilleri u Dr Joe Micallef Stafrace.

Il-ktieb fih Album b’ritratti esklussivi ta’ Joseph Muscat mill-kampanja tiegħu biex isir Mexxej Laburista sa llum.

More in Politika