34 Isqof Ċilen jirriżenjaw f'salt wara r-rapport tal-Arċisqof Scicluna

Il-Papa Franġisku kien bagħat lill-Arċisqof Scicluna jinvestiga l-akbar skandlu ta' abbuż sesswali li heżżeż lill-Knisja 

31 Isqof Ċilen u tliet isqfijiet oħra rtirati f’Ruma rriżenjaw waqt laqgħa urġenti li kellhom mal-Papa Franġisku.

L-Isqfijiet offrew ir-riżenja tagħhom wara rapport ta’ 2,300 paġna li nkiteb mill-Arċisqof ta’ Malta Charles Scicluna li kien il-mibgħut tal-Papa biex jinvestiga skandlu ta’ abbuż sesswali li heżżeż il-Knisja fiċ-Ċilì.

Issa d-deċiżjoni tinsab f’idejn il-Papa Franġisku biex jikkunsidra r-riżenja ta’ kull Isqof.

Qatt ma ġrat li Konferenza Episkopali tirreżenja kollha f’salt.

Ir-rapport tal-Arċisqof Scicluna kien sab numru ta’ nuqqasijiet u akkuża diversi Isqfijiet li ħbew u ħelsu minn evidenza dwar abbuż sesswali minn membri tal-kleru u anke li għamlu pressjoni fuq investigaturi biex ma jinvestigawx jew inaqqsu l-akkużi.

L-istess skandlu kien anke tefa’ dawl ikrah fil-Papa Franġisku meta bi kliemu ddefenda Isqof li ħeba l-każi ta’ abbuż sesswali, anke ftit wara talab maħfra u biddel il-pożizzjoni tiegħu dwaru.

Ix-xahar li għadda, il-Papa Franġisku kien iltaqa’ ma’ wħud mill-vittmi tal-abbużi sesswali li tkellmu dwar il-mod kif trattathom il-Knisja fl-aħħar snin min kemm ilhom jitkellmu.

More in Politika