Il-Prim Ministru jgħid li jista' jinħoloq 'kompromess tajjeb' dwar l-iżvilupp tad-db

Joseph Muscat saħaq li l-proġett għandu jsir b’mod sensibbli li jirrispetta l-ambjent tal-madwar

Il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li jista’ jinħoloq “kompromess tajjeb” dwar l-iżvilupp propost li jsir mid-db Group fuq is-sit li fuqu kien hemm il-bini tal-ITS.

F’kummenti lil MaltaToday, Muscat saħaq li l-proġett għandu jsir b’mod sensibbli li jirrispetta l-ambjent tal-madwar.

Mistoqsi jekk jaqbilx mal-iżvilupp, il-Prim Ministru qal li din mhijiex kwistjoni ta’ favur jew kontra iżda l-importanti huwa li l-proġett isir b’mod sensibbli.

Nhar il-Erbgħa li għadda, mijiet ta’ persuni niżlu fit-toroq ta’ Pembroke jipprotestaw kontra l-iżvilupp tal-lukanda, bir-residenti jisħqu li l-proġett se jkun qed joħloq estensjoni ta’ Paceville u jbiddel din iż-żona ta' Pembroke f’żona turistika.

“Tkellimt mas-Sindku ta’ Pembroke u mal-kunsilliera,” qal il-Prim Ministru waqt li saħaq li l-kunsill lokali mhux biss għandu d-dritt iżda d-dmir li jisma’ lir-residenti u jirrappreżenta dak li jaħsbu.

Fid-dawl tal-fatt li l-Gvern diġà ffirma t-trasferiment tal-art, u allura jidher li għandu interess f’dan l-iżvilupp, il-ġurnalist tal-MaltaToday staqsa lill-Prim Ministru jekk il-Gvern setax jikkunsidra qabel l-impatt li dan l-iżvilupp kien se jkollu fuq iż-żona residenzjali.

Muscat wieġeb li l-effett li żvilupp iħalli fuq ir-residenti hija materja li taqa’ taħt l-Awtorità tal-Ippjanar u fakkar li hemm studji xi jridu jsiru f’dan ir-rigward.

More in Politika