Politika Kronaka Soċjali Intervisti Zekzik Poodle Għawdex Qrati u Pulizija Kummerċjali

Editorjal | Jew iswed jew abjad...tolleranza żero

Tina Urso, Daphne Caruana Galizia, IVF, l-abort u t-tikketti....

Albert Gauci Cunningham / 29 t'April 2018 19:08
Il-karikatura ta' din il-ġimgħa | minn Mikiel Galea
It-tolleranza lejn kull opinjoni hija l-essenza ta’ dibattitu serju li matulu dak li jkun jisma’ kull naħa tal-argument u anke jekk inizjalment beda kontra jew favur xi ħaġa, għax ikun sema’ u xtarr jasal biex ibiddel ħsiebu. M’hemm l-ebda diżunur li tbiddel ħsiebek wara li tkun xtarrejt u ħsibt. Id-diżunur hija biss ta’ dawk l-intolleranti, li jew għax mgħammdin bil-politika, jew inkella għax jaħsbu li tagħhom biss huwa tajjeb jinfexxew jgħajru, joffendu jew jipprovaw iċekknu l-idea jew il-persuna ta’ min qalha.

L-intolleranza f’dan il-pajjiż ma bdietx ilbieraħ. Dan il-pajjiż ra l-intollernaza fis-snin meta mawra sa mass meeting kienet tfisser il-periklu li tintlaqat mill-gass tad-dmugħ, xi daqqa ta’ ponn jew inkella xi daqqa ta’ balavostra. Kienu snin koroh ta’ intolleranza li trasformat lilha nnifisha fi vjolenza fiżika.

"Jekk Daphne Caruana Galizia kellha xogħol ġurnalistiku mill-aktar qawwi u b’saħħtu tant li ċaqlaq Gvern, daqstant ieħor kellha stejjer li kienu mmirati biss biex jirredikolaw u jkissru persuni privati"
Illum il-vjolenza m’għadhiex dik fiżika, imma saret psikoloġika. Jekk Daphne Caruana Galizia kellha xogħol ġurnalistiku mill-aktar qawwi u b’saħħtu tant li ċaqlaq Gvern, daqstant ieħor kellha stejjer li kienu mmirati biss biex jirredikolaw u jkissru persuni privati għax sempliċiment marru mass meeting tal-Labour, jew għax iddeċidew li jivvutaw lill-Partit Laburista jew inkella għax imqar kellhom il-wiċċ li jikkritikaw lill-Gvern Nazzjonalista fl-aħħar leġislatura tiegħu. Dik intolleranza kienet u tal-agħar tip ukoll. U l-istejjer tajbin u investigattivi u r-rieda li tiġġieled lill-korrott, li milli jidher u li traġikament wasluha sal-mewt, xorta ma jneħħi xejn minn dak li kien żball.

Li persuna tiddeċiedi li ssejjaħ jew torganizza protesta u li f’din il-protesta jkun hemm min jgħajjat ‘shame on you’ lill-Prim Ministru, l-ewwel u qabel kollox huwa dritt demokratiku tagħha. U t-tieni nett, żgur mhux raġuni valida (jekk qatt hemm raġuni valida) biex persuna tkun ivvilifikata b’dak il-mod, bid-dettalji personali tagħha mxandrin ma’ kullimkien, mgħajra (‘traditura’, ‘ħadra’, ‘kerha’, ‘ħmieġ’...) u mżebilħa. Jekk persuna tħoss bl-akbar qawwa li għandha tgħid ‘shame on you’ lil dan il-Prim Ministru jew lil kwalunkwe Prim Ministru ieħor, għandha kull dritt demokratiku li tagħmel dan. 

"Min ma qabilx ma’ Tina Urso seta’ faċilment innota fejn ma jaqbilx u seta’ faċilment bl-argument u bil-kalma wera fejn u għaliex ma jaqbilx"
Min ma qabilx ma’ Tina Urso seta’ faċilment innota fejn ma jaqbilx u seta’ faċilment bl-argument u bil-kalma wera fejn u għaliex ma jaqbilx. Ir-raġuni ma tridx forza u min iħoss li għandu raġun m’għandux għaliex jipprova jkisser lill-messaġġier.

Anke fuq l-IVF u l-abort. X’diskussjoni hi? X’maturità? Kulħadd jgħajjat u jwerżaq u jakkuża u jwaħħal it-tikketti u kulħadd moħħu fil-kontra u favur, iva jew le, abjad jew iswed. U m’hemmx griż, jew inti qattiel u kontra l-ħajja (qisu hawn xi ħadd moħħu f’postu li jista’ qatt ikun kontra l-ħajja!) jew inkella injorant u tuba. M’hemmx griż, m’hemmx mistoqsijiet etiċi u morali, m’hemmx ħsieb. L-importanti li kulħadd skjerat fuq naħa jew oħra, jitfa’ l-aġġettivi lin-naħa l-oħra u medhi fit-tikketti. Jew konservattiv jew liberali, m’hemmx fin-nofs, m’hemmx alternattiva.

"Anke fuq l-IVF u l-abort. X’diskussjoni hi? X’maturità? Kulħadd jgħajjat u jwerżaq u jakkuża u jwaħħal it-tikketti u kulħadd moħħu fil-kontra u favur, iva jew le, abjad jew iswed"
Ara kif qatt nistgħu niddiskutu xi ħaġa u nkunu maturi jekk m’aħniex lesti nammettu li l-argument l-ieħor, li min qiegħed fuq in-naħa l-oħra jista’ għandu parti raġun. Li min ma jaqbilx mhux neċessarjament kontrik. Kif qatt nistgħu nkunu kritiċi jekk kollox abjad u iswed, kollox assolut?

Il-libertà tal-espressjoni hija xi ħaġa sabiħa ħafna. Però l-libertà tal-espressjoni mhix biss li taqbad u tgħid dak li tħoss, imma li tisma’ u tifhem ukoll. Il-libertà tal-espressjoni mhix biss kemm titkellem int, imma kemm tisma’ u tirrispetta lil min qed ikellmek, anke jekk ma taqbilx miegħu.

Albert Gauci Cunningham, 32 sena, ġie appuntat Editur tal-gazzetta Illum u tas-sit illum.com.mt f'Ġunju tal-2015. Gauci Cunningham kien ġurnalista mal-Union Print. Gauci Cunningham jispeċjalizza l-aktar fi stejjer analitiċi-politiċi u anke soċjali li l-gazzetta ILLUM issa saret iktar popolari għalihom, kif ukoll fi stejjer relatati ma' politika nazzjonali u internazzjonali. Gauci Cunningham irraporta minn diversi Istituzzjonijiet Ewropej. Għall-qalb Gauci Cunningham hemm kwistjonijiet soċjali, fosthom il-faqar, il-kirjiet u l-ġustizzja soċjali.
Stħarriġ
Segwina fuq Facebook