39 familja jilqgħu għandhom tfal li ma jistgħux jgħixu mal-familji tagħhom

Il-Ministeru għall-Familja, id-Drittijiet tat-Tfal u s-Solidarjetà Soċjali nieda  kampanja ta’ għarfien favur il-fostering

Is-sena li għaddiet 39 familja kienu qed irabbu tfal li għal xi raġuni jew oħra ma jistgħux jgħixu mal-familja tagħhom.

Qal dan il-Ministru għall-Familja, id-Drittijiet tat-Tfal u s-Solidarjetà Soċjali Michael Falzon, waqt li nieda kampanja ta’ għarfien favur il-fostering li se tkun qed titmexxa mill-Fondazzjoni għas-Servizzi tal-Ħarsien Soċjali.

It-tema magħżula għal din il-kampanja hija 'Iftaħ Qalbek u Darek, Agħżel il-Fostering.'

L-għan tal-kampanja huwa li aktar familji jinvolu ruħhom f’fostering.

Il-Ministru Falzon qal li hemm realtajiet differenti li minħabba fihom numru ta’ tfal ma jkunux qed jgħixu mal-familji tagħhom, fosthom mard, mewt u sitwazzjonijiet oħrajn.

Saħaq li l-foster care isir biex jagħti tama u opportunità lit-tfal, u tkellem ukoll dwar l-importanza li l-foster carers iżommu f’moħhhom illi xi darba t-tfal jista’ jkun li jmorru lura mal-familja naturali tagħhom.

Indirizza l-attività wkoll il-Kap Eżekuttiv tal-Fondazzjoni għas-Servizzi tal-Ħarsien Soċjali Alfred Grixti, u spjega kif permezz ta’ din l-inizjattiva u oħrajn, il-fondazzjoni qed taħdem biex tkompli tnaqqas ir-rata ta’ faqar fost it-tfal. 

Il-kampanja ta’ għarfien favur il-fostering se tkun qed tmexxi l-informazzjoni fuq il-midja soċjali u t-televiżjoni matul il-ġimgħat li ġejjin.

More in Politika