Malta bl-akbar żieda fl-UE ta’ inkwilini li jgħixu fil-faqar

L-ingassa tal-kirjiet tkompli tagħfas b’żieda ta’ 6% fost dawk li qed jikru proprjetà bi problemi pjuttost serji

Is-suġġett tal-kirjiet ilu jkun diskuss f’dan il-pajjiż, imma ċifri li ħarġu ftit ġranet ilu mill-Eurostat juru illi kien hemm żieda qawwija, l-akbar żieda fl-Unjoni Ewropea fil-fatt, ta’ nies li jinsabu f’kirjiet u li qed jgħixu fi proprjetà nieqsa mill-aktar karatteristiċi bażiċi, fosthom toilet u/jew shower u li huma ffullati.

Fil-fatt ċifri tal-Eurostat ippubblikati dan ix-xahar stess juru illi n-nies li qed jgħixu f’dik li tissejjaħ ‘severe housing deprivation’ u li huma inkwilini żdiedu minn 4.1% fl-2015 għal 10.1% fl-2016, jew żieda ta’ 6%. Dan jikkuntrasta mat-tibdiliet madwar l-Unjoni Ewropea fejn l-akbar żidiet kienu ta’ madwar 2.5% fil-Belġju u l-Irlanda. Minn naħa l-oħra t-tnaqqis kien ħafna ikbar, b’pajjiż bħall-Litwanja jirreġistra tnaqqis ta’ 23% fl-inkwilini li qed jgħixu f’sitwazzjoni ta’ housing b’nuqqasijiet gravi jew bażiċi.

Pajjiżi li rreġistraw żidied minimi ta’ inqas minn 1% fil-kategorja ta’ severe housing deprivation kienu d-Danimarka (+0.4%), il-Ġermanja (+0.5%), Spanja (+0.1%), Ċipru (+0.3%), il-Lussemburgu (+0.6%), l-Olanda (+0.9%), il-Finlandja (+0.6%), l-Iżvezja (+0.1%)  u r-Renju Unit (+0.4%). Skont iċ-ċifri tal-Eurostat pajjiżi li raw żieda ta’ bejn 1% u 2% kienu Franza (+1.6%), il-Portugall (+1%) u l-Islovakkja (+1.6%).

Il-pajjiżi li raw tnaqqis fl-inkwilini li jgħixu fi proprjetà taħt il-livelli aċċettabbli naqsu fil-Bugarija (-2.8%), il-Greċja (-0.5%), il-Kroazja (-7.4%), l-Italja (-3.8%), il-Latvja (-0.9%), il-Litwanja (-23%), l-Ungerija (-9%), l-Awstrija (-0.7%), il-Polonja (-0.3%), ir-Rumanija (-7%), is-Slovenja (-6.7%) u l-Islovakkja (-1.6%).

Skont il-Eurostat inkwilin jaqa’ f’din il-kategorija meta jkun jgħix fi proprjetà li hija kkunsidrata bħala ffullata filwaqt li jkollha mill-anqas waħda minn erba’ nuqqasijiet bażiċi. Dawn huma djar li jkollhom soqfa jqattru, bla banju jew shower, bla toilet jew inkella proprjetà nieqsa mid-dawl naturali.

Għall-kuntrarju tas-sitwazzjoni fost dawk li jikru, ir-realtà ta’ proprjetà nieqsa mill-bżonnijiet bażiċi fost dawk li huma sidien ta’ darhom jinżel b’mod drastiku u qawwi ħafna. Fil-fatt l-istess ċifri tal-Eurostat juru kif huma biss 0.5% tal-Maltin u l-Għawdxin f’din il-kategorija li qegħdin fil-kategorija ta’ ‘housing deprivation’.

Lanqas jifilħu jixtru żarbun...

Minkejja l-progress ekonomiku b’rittmu qawwi, f’pajjiżna fl-2017 skont ir-rapport ‘European Statistics on Income and Living Conditions Survey’ (SILC) kien hawn ftit iktar minn 21,000 persuna li lanqas biss kellhom żewġ pari żraben, 14,329 għax lanqas biss għandhom biżżejjed flus biex jixtru u oħrajn għal raġunijiet oħrajn.

L-istess rapport juri illi 22,400 persuna lanqas biss jistgħu jbiddlu l-ħwejjeġ qodma b’oħrajn ġodda. Minn dawn 11,633 qalu li ma jifilħux iħallsu għal ħwejjeġ ġodda, filwaqt li 10,770 taw raġuni oħra.

Xejn inqas minn 89,000 persuna ma jonfqux flus għalihom infushom darba f’ġimgħa, li jammonta għal 13.4% tal-popolazzjoni.

Safra? U tgħid mhux hekk...

Is-safar sabiħ u dik il-vaganza kulħadd iħobbha, imma minkejja li naraw l-airport mimli u minkejja li l-prezz ta’ titjira raħas, 147,059 persuna għadha ma tiflaħx tħallas għal vaganza ta’ ġimgħa mqar darba f’sena. Dan jammonta għal 34% tal-popolazzjoni.

Iktar serja minn hekk, għax vaganza tibqa’ kappriċċ, huwa l-fatt li r-rapport SILC juri kif 67,836 persuna m’għandhomx biżżejjed flus biex iħallsu f’każ ta’ spiża mhux mistennija. Dan ifisser li kważi 16% tal-poplu m’għandux biżżejjed flus f’każ ta’ ħsarat f’tagħmir domestiku jew inkella kont mhux mistenni.

B’kollox kienu 28,565 persuna li fl-2017 lanqas biss setgħu jsaħħnu darhom, filwaqt li kważi l-istess ammont ta’ nies ma felħux iħallsu biex jieklu laħam (tiġieġ, laħam jew ħut) minn tal-inqas tliet darbiet fil-ġimgħa.

More in Politika