Opinjoni | Il-bomba tal-ħin jisimha Pilatus

Il-kwistjoni tal-bank Pilatus Bank għandha l-potenzjal li tkun il-kawża ta’ ħsara li tmur lil hinn minn dik lir-reputazzjoni tal-pajjiż.

Il-kwistjoni tal-bank Pilatus Bank għandha l-potenzjal li tkun il-kawża ta’ ħsara li tmur lil hinn minn dik lir-reputazzjoni tal-pajjiż.

Iktar kmieni din il-ġimgħa kien żvelat li ċ-Chairman tal-Bank Pilatus Ali Sadr Hasheminejad bħala riżultat ta’ investigazzjonijiet li kienu ilhom għaddejjin madwar sitt snin kien arrestat fl-Istati Uniti tal-Amerika u akkużat li pprova jdur mas-sanzjonijiet Amerikani kontra l-Iran billi uża banek Amerikani ħalli jittrasferixxi miljuni ta’ dollari mill-Veneżwela b’mod li ħeba l-konnessjoni Iranjana.

Ġejna infurmati li dawn l-akkużi, jekk ippruvati, jistgħu jwasslu sa massimu ta’ 125 sena l-ħabs.

F’temp ta’ ftit sigħat, nhar il-Ħamis, hekk kif ħarġet l-aħbar, l-Awtorità Maltija tas-Servizzi Finanzjarji (MFSA) neħħiet lil Ali Sadr Hasheminejad mit-tmexxija tal-bank Pilatus, inkluż li ssospendiet d-drittijiet kollha tiegħu fuq il-bank u mbagħad ipproċediet biex ħatret amministratur bl-inkarigu li jmexxi l-bank u jieħu ħsieb l-assi kollha tiegħu. Dan sar wara li MFSA tat direzzjoni li l-bank ma kellux jiddisponi minn, jillikwida, jittrasferixxi jew b’xi mod imiss l-assi u l-flus tal-klijenti tal-bank.

Bħalissa għaddejjin diversi investigazzjonijiet, ilkoll bil-pass ta’ nemla. F’xi ħin, nittama li mhux ’il bogħod, kapaċi naraw il-biċċiet jingħaqdu fi stampa waħda Carmel Cacopardo

Issa sirna nafu wkoll li x-xahar li għadda l-Awtorità Ewropea dwar il-Banek (European Banking Authority) kienet ordnat li tinbeda investigazzjoni preliminari dwar is-supervizjoni tal-bank Pilatus mill-Awtorità Maltija tas-Servizzi Finanzjarja u b’mod partikolari dwar il-verifiki li kellhom isiru in konnesjsoni mal-kapital inizzjali ta’ €8 miljuni li Ali Sadr Hasheminejad uża biex waqqaf il-bank.

Damu ftit jaħsbuha!

Bosta minna jiftakru lil Ali Sadr Hasheminejad ħiereġ mill-uffiċini ta’ Pilatus f’Ta’ Xbiex tard filgħaxija, jum fost l-oħrajn, bil-kameras tat-TV jiġru warajh u bil-ġurnalisti jfajru l-mistoqsijiet. Kienu qed jistaqsu jekk fil-bagalji li kellu kienx hemm xi dokumenti tal-bank konnessi mal-kontroversja dwar min kienu s-sidien ta’ Egrant inkella dwar it-trasferimenti ta’ flejjes minn uħud mill-kontijiet tal-bank.

Ir-Repubblika tal-Ażerbajġan ilha ftit turi interess f’kooperazzjoni ma’ Malta. Ta’ interess f’dan is-sens kienet stqarrija ta’ 127 kelma li ħarġet lejn tmiem Diċembru tal-2014 li ħabbret li kien ġie ffirmat ftehim bejn Konrad Mizzi, dakinhar Ministru tal-Enerġija ta’ Malta u l-kontro-parti  tiegħu  Natiq Aliyev kif ukoll ftehim ieħor mal-kumpanija statali taż-żejt tar-Repubblika tal-Azerbaijan (SOCAR).  La l-istampa Maltja ma kienet hemm u l-anqas ma kien hemm uffiċjali pubbliċi jassistu lid-delegazzjoni Maltija mmexxija mill-Prim Ministru Joseph Muscat. Dakinhar kulħadd kien staqsa “għaliex?”

F’dan l-isfond ma nafx liema hu dak il-pajjiż li jista’ jżomm ir-reputazzjoni tiegħu intatta!

Bħalissa għaddejjin diversi investigazzjonijiet, ilkoll bil-pass ta’ nemla. F’xi ħin, nittama li mhux ’il bogħod, kapaċi naraw il-biċċiet jingħaqdu fi stampa waħda li tkun ċara u li tinftiehem minn kulħadd.

Kull investgazzjoni mitmuma, kull rapport konkluż tnaqqas it-tul tal-miċċa ta’ din il-bomba tal-ħin. Nittama biss li meta din il-bomba tal-ħin tieħu teqred biss lil dawk li ħolquha jew lil dawk li qagħdu jitbissmu lil dawk li ħolquha. Sfortunatament il-ħsara tinfirex.   

 

L-awtur li hu Perit hu ċ-Chairman ta’ Alternattiva Demokratika. [email protected] ,    http://carmelcacopardo.wordpress.com

More in Politika