Politika Kronaka Soċjali Intervisti Zekzik Poodle Għawdex Qrati u Pulizija Kummerċjali

Intervista | 'Abort; imma mhux għal privileġġati biss'

L-abort jibqa’ suġġett li jqajjem ħafna emozzjoni... imma l-Fondazzjoni għad-Drittijiet tan-Nisa xi trid? X’temmen? Kif tirrispondi għall-kritika? Lara Dimitrijevic twieġeb il-mistoqsijiet tal-gazzetta ILLUM

Albert Gauci Cunningham / 24 ta' Marzu 2018 12:25
Fil-jiem li għaddew, l-gazzetti kollha, inkluż l-ILLUM irrappurtaw, dwar konferenza li kienet organizzata minn grupp ta’ nisa li jifformaw parti mill-Women’s Rights Foundation. Fiha saru diversi proposti, fosthom wħud biex l-abort ikun dikriminalizzat u aċċessibbli f’ċirkostanzi partikolari.

Naturalment, bħal dejjem, dan is-suġġett emottiv qajjem diskussjoni qawwija fuq il-mezzi tax-xandir, siti soċjali u anke fit-toroq dwar il-prospett li pajjiżna jintroduċi l-abort.

Il-gazzetta ILLUM tiltaqa’ ma’ Lara Dimitrijevic, waħda min-nisa li qed jipproponu dawn il-bidliet, biex tifhem aħjar il-fondazzjoni x’qed tipproponi eżatt u x’taħseb dwar is-sitwazzjoni tal-mara f’Malta llum.

Ir-rati ta’ mard trażmess sesswalment jiżdied mhux jonqos jekk ma nedukawx

"Jeħtieġ ngħallmuhom dwar l-użu tal-kontraċettivi, jeħtieġ ikollna open-policy u meta ngħid nedukaw mhux qed nirreferi biss għall-iskejjel imma qed nirreferi wkoll għalina bħala ġenituri"
Nibdew billi mmorru lura għal storja li kienet żvelat din il-gazzetta u li turi kif minn rapport tal-Kummissjoni Ewropea ‘Health at a Glance’ Malta kellha l-ogħla rata ta’ nies infettati s-Syphilis mill-UE kollha, bi 11.5 persuni minn kull 100,000. Dan huwa aktar mid-doppju tal-medja fil-pajjiżi kollha tal-UE fejn ir-rata hija ta’ 5 persuni minn kull 100,000. Imqabblin mal-ġirien Taljani fejn ir-rata hija l-aktar baxxa, Malta għandha rata 11-il darba iktar għolja ta’ nies li ġew infettati bis-Syphillis.

Rapporti fuq il-gazzetta The Times ftit ġranet wara żvela kif ir-rata ta’ HIV fost dawk li għandhom 50 sena u aktar f’pajjiżna hija fost l-ogħla.

Dimitrijevic, għalfejn taħseb li Malta qed tikseb riżultati xejn sbieħ f’dan il-qasam? “Jien ili ngħid li dawn ir-rati huma għoljin u xokkanti. U jekk se nibqgħu nitrattaw l-kelma sess bħala tabù u nibqgħu skomdi nitkellmu dwarha hekk se jibqa’ jiġri... għalhekk għandna bżonn l-edukazzjoni sesswali,” tinsisti bil-qawwi mal-ILLUM.

Hija tgħid illi llum it-tfal ta’ 11 jew 12-il sena diġà qed jesperimentaw bis-sess, f’liema punt inwaqqafha u nistaqsiha jekk il-fatt li diġà qed issir tfisser li rridu nkomplu ninkoraġġixxu. “Le, imma ngħallmuhom ikunu aktar responsabbli. Jeħtieġ ngħallmuhom dwar l-użu tal-kontraċettivi, jeħtieġ ikollna open-policy u meta ngħid nedukaw mhux qed nirreferi biss għall-iskejjel imma qed nirreferi wkoll għalina bħala ġenituri.”

Is-subien qed jieħdu l-idea ta’ x’inhu u x’mhux aċċettabbli mill-pornografija

Dimitrijevic tħoss li s-sess f’Malta għadu tabù? Tħoss li għadna pajjiż li naċċettaw is-sess jekk narawh f’produzzjoni ta’ Hollywood, imma mhux f’produzzjoni Maltija?

Hija twieġeb fl-affermattiv. “Għax għal ħaddieħor tajjeb, imma għalina le. Għax għandna nemmnu li s-sess huwa xi ħaġa mhux li nagħmlu aħna,” tisħaq b’xi ftit sarkażmu. Mill-ewwel iżda tgħid li dak li vera jinkwetaha huwa l-ammont ta’ pornografija aċċessibbli. “Is-subien qed jieħdu l-idea ta’ x’inhu u x’mhux aċċettabbli mill-pornografija, fejn mara ssir oġġett għall-gratifikazzjoni sesswali.”

Lara Dimitrijevic
Nirrimarka illi filwaqt li ħafna jaqblu magħha nistaqsiha jekk hux xi ftit jew wisq idealiżmu dak li temmen jew l-għan li trid tilħaq hi, fis-sens illi l-pornografija hemm qiegħda u hemm se tibqa’. Imma hi ma taqbilx u tfakkar illi l-edukazzjoni, li għadha mhux qed issir f’pajjiżna jew mhux qed issir biżżejjed minnha, saret u qed tingħata lil studenti f’pajjiżi oħrajn bħall-pajjiżi Skandinavi u anke fir-Renju Unit.

“Irridu ngħallmu u nedukaw li dik tal-pornografija mhux ir-realtà. Li hemm ir-rispett lejn il-mara li hemm l-ugwaljanza, li s-sess huwa turija ta’ mħabba.”

Nistaqsi lil Dimitrijevic jekk il-Fondazzjoni titkellimx ma’ nisa dwar il-kwistjoni li qed issemmi u xi tkun ir-reazzjoni tagħhom. “Ma tkellimniex b’mod ta’ riċerka, imma niltaqa’ ma’ nies u nista’ ngħidlek li bħala ġenituri qisna għadna niddejqu nitkellmu dwar is-sess. Jiena minn meta kelli t-tfal kont inħalli l-kontraċettivi fil-kamra tal-banju pereżempju, biex ikunu jafu li qegħdin hemmhekk. Illum kibru u hemm responsabbilità u rispett lejn is-sieħeb,” tispjega f’anedottu Dimitirjevic.

Il-Fondazzjoni mhux qiegħda hawn biex tgħid li dak li temmen int jew il-valuri morali tiegħek huma ħżiena

Naturalment l-intervista ddur fuq l-aktar suġġett li qajjem u mistenni jkompli jqajjem kontroversja; l-abort.

Nibda billi nippreżentalha l-argument tal-bidu tal-ħajja. Ħafna jemmnu li l-ħajja tibda mal-konċepiment, għaliex huwa minn hawn li jibda l-proċess tal-ħajja u jekk m’hemmx konċepiment m’hemmx ħajja, bħal li jekk m’hemmx iż-żerriegħa ma jista qatt ikun hemm ix-xitla. Kif qed tgħid Dimitijevic li dan mhux minnu? Li l-ħajja ma tibdiex mal-konċepiment?

“Aħna mhux qed ngħidu hekk,” issostni mill-ewwel, “kulħadd għandu l-valuri tiegħu u kulħadd għandu dritt li jemmen li l-ħajja tibda mill-konċepiment. Il-Fondazzjoni mhux qiegħda hawn biex tgħid li dak li temmen int jew il-valuri morali tiegħek huma ħżiena, imma qiegħda hawn biex tgħid u tfakkar li l-abort qed isir.”

Fil-fatt, kif irrappurtat din il-gazzetta fil-faċċata nhar il-Ħadd li għadda, il-Fondazzjoni qed tgħid li, uffiċjalment, bejn 300 u 400 mara Maltija jew għamlu abort barra l-pajjiż jew inkella xtraw pilloli tal-abort.

“Għalfejn għandhom imorru jfittxxu abort barra mill-pajjiż? Għaliex għandi nitfa’ piż finanzjarju u tabù u stigma fuq min jiddeċiedi li jagħmel abort? Għandhom dritt jiddeċiedu...”

Inwaqqafha hemmhekk u nfakkarha illi skont l-argument popolari wkoll, daqs kemm għandhom dritt il-koppja jiddeċiedu x’jagħmlu b’ħajjithom daqstant huwa d-dritt tat-tarbija li tgħix.

Dimitrijevic iżda tfakkar illi min jirraġuna b’dan il-mod jagħmel hekk għax għandu dawk il-valuri morali u filwaqt li din il-persuna għandha kull dritt li temmen hekk hija tfakkar li mhux kulħadd għandu l-istess valuri morali. “Dan apparti li hemm każi fejn il-ħajja tal-mara tkun ipperikolata...”

Infakkarha li l-valur tal-ħajja mhux suġġettiv, ma tistax tbiddel il-valur tal-ħajja skont x’taħseb persuna jew koppja. “Għaliex le?” Tistaqsi Dimitrijevic, “lanqas il-Knisja Kattolika m’għandha pożizzjoni ċara ta’ meta tibda l-ħajja,” ssostni Dimitrijevic anke jekk fil-fatt il-Knisja Kattolika dejjem saħqet illi l-ħajja tibda mal-konċepiment u allura l-ebda ħajja li tibda minn dak il-punt ma tista’ titneħħa jew, fil-każ tal-IVF, tintrema minħabba diversi raġunijiet.

"Il-Fondazzjoni mhux qiegħda hawn biex tgħid li dak li temmen int jew il-valuri morali tiegħek huma ħżiena, imma qiegħda hawn biex tgħid u tfakkar li l-abort qed isir"
Infakkarha wkoll li jekk niġu f’dan lanqas pajjiżi bejniethom ma jaqblu eżattament dwar meta persuna tista’ tagħmel abort. Hemm fejn l-abort jista’ jsir sa ċerti ġimgħat u hemm fejn jista’ iktar jew inqas kmieni, allura fil-verità lanqas ix-xjentisti stess għadhom mhuma qed jaqblu meta l-ħajja tibda jew le.

“Hemm pajjiżi fejn jaqblu mod u hemm oħrajn fejn jaqblu mod ieħor. Hemm pajjiżi fejn anke abort meta l-mara jkollha disa’ xhur tqala jagħmlu...”

Inwaqqafha u nistaqsiha jekk hix qed timplika li f’Malta għandna nippermettu wkoll li jsir abort meta t-tqala tkun fl-aħħar stadji. “Mhux jiena se niġġudika jew ngħid se jiġri. Jekk ix-xjenza tgħidlek li hemm każ fejn l-omm tista’ tmut min jien, jien biex niġġudika u niddeċiedi?”

Imma qed jissemma l-inċest u l-isturpru u qed tissemma l-possibilità li omm titlef ħajjitha. Fil-verità li ltqajt magħha jien meta għamilt 10 snin ngħallem l-Ingliż lill-barranin u konna niddiskutu dan is-suġġett jirriżulta ċar illi ħafna mir-raġunijiet għall-abort jew għax persuna tasal biex tagħmel l-abort ma jkunux dawn l-eċċezzjonijiet gravi. Ħafna drabi r-raġunijiet kienu jiċċentraw madwar kwistjoni ta’ żmien, tal-fatt li t-tfajla għadha l-iskola u bosta oħrajn. Ma tibżax Dimitrijevic li se nkunu qed indaħħlu l-abort taħt il-velu ta’ soluzzjoni għall-vittmi tal-vjolenza, biex imbagħad jintuża għal sitwazzjoni inqas gravi?

“Diġà qed isiru dawn l-affarijiet imma qed isiru għall-privileġġati. Mhux kulħadd għandu biżżejjed flus biex imur barra mill-pajjiż u jagħmel abort. Ma nkunux ipokriti. Jiena ma nistax nisforza persuna li tagħmel abort imma m’għandix dritt anqas li nwaqqaf persuna milli tagħmlu.”

Hi tgħid lil din il-gazzetta illi l-Qorti tad-Drittijiet tal-Bniedem stess tinsisti li anke jekk l-abort mhux dritt, l-aċċess għall-abort huwa dritt fundamentali.

“Il-madwar 400 persuna li semmejna fil-konferenza huwa biss dak li għandna f’idejna bħala xi ħaġa uffiċjali.  Jista’ jkun hemm oħrajn.”

Dimitrijevic taħseb li d-diskussjoni ġiet hijacked minn min qed imexxi l-estrem? “Tant hawn stigma u biża’. Għaliex? Hija xi ħaġa li qed tiġri, qed tiġri hawn Malta wkoll. Malli nisimgħu l-kelma abort u sess, qisna nieħdu qata’.

Il-Fondazzjoni ma taqbilx ma’ referendum; ‘għax dan dritt fundamentali’

Kieku l-PM kellu jipproponi referendum, hi taqbel? “Ma naqbilx ma’ referendum għax dan mhux xi konkors ta’ popolarità. Dan huwa dritt fundamentali tal-persuna, allura għalfejn għandu jiddeċiedi l-poplu?

Imma bl-istess argument jekk il-poplu m’għandux dritt jiddeċiedi għall-mara jew għall-koppja, allura l-mara jew il-koppja għandhom dritt jiddeċiedu għat-tarbija?

“Se nerġgħu mmorru għal dak li bdejna bih dwar il-ħajja tat-tarbija u meta tibda l-ħajja. Dawn huma l-ħsieb u l-vauri ta’ persuna. Jiena x’nemmen? Jiena nista’ nimponi dak li nemmen jien fuq ħaddieħor?”

Ironikament, ladarba qed nitkellmu dwar il-ħajja nistaqsi lil Dimitrijevic jekk hux veru li kien hemm min heddidha b’ħajjitha nhar is-Sibt stess ftit wara li organizzat il-konferenza tal-aħbarijiet. Hija twieġeb fl-affermattiv għalkemm tisħaq illi din ma kinitx l-ewwel darba li ħadd mhu se jwaqqafha milli tgħid dak li temmen hi.

Infakkarha illi fl-aħħar mill-aħħar il-Fondazzjoni għad-Drittijiet tan-nisa trid mill-politiċi, għax huma jilleġislaw. Kemm qed isibu appoġġ mill-politiċi?

“Ma nafx jekk hemmx appoġġ, iż-żewġ partiti tkellmu  ċar fuq din il-kwistjoni inkluż il-Gvern li qal li m’għandux mandat. Jiena għalija,” tispjega Dimitrijevic, “din mhux xi ħaġa partiġġjana jew ta’ politika. Dan huwa dritt fundamentali tal-bniedem.”

Nistaqsiha direttament dwar il-Ministru Helena Dalli li fil-passat riċenti mexxiet riformi pjuttost kuraġġużi fil-qasam tal-libertajiet ċivili, iżda għal darb’oħra taqtagħli l-għatx bil-perżut u twieġeb li ma tafx x’taħseb Dalli dwar dan is-suġġett għalkemm fakkret kif il-Ministru Dalli diġà wriet li se tagħti l-appoġġ fuq il-bżonn ta’ reviżjoni tal-istrateġija tas-Saħħa Sesswali Nazzjonali.

Hija tiċċara wkoll illi kuntrarjament għall-istqarrija tal-Kunsill Nazzjonali għall-Persuni b’Diżabilità (KNPD) il-Fondazzjoni mhix qed tgħid li għandhom jitneħħew feti li juru illi se jwelldu tfal b’diżabilità. Tiċċara illi l-Fondazzjoni dejjem qalet illi abort jista’ jsir meta l-fetu se jmut xorta, u dan qed tgħidu li jista’ jsir ukoll il-Qorti tad-Drittijiet tal-Bniedem.

Dimitrijevic tinsisti li l-Fondazzjoni se tkompli taħdem u mhux se tieqaf ixxerred il-messaġġ tagħha, fosthom ukoll permezz ta’ work shops biex nisa jkunu jafu aħjar fejn jinsabu fuq din il-kwistjoni. “Se ninsisitu li l-ewwel ħames rakkomandazzjonijiet tad-dokument jekk xejn biex nedukaw u ngħallmu u nipprevjenu l-possibilità ta’ abort.”

"Ma naqbilx ma’ referendum għax dan mhux xi konkors ta’ popolarità. Dan huwa dritt fundamentali"
Vjolenza domestika; ‘Għad fadlilna x’naqdfu...’

L-intervista waslet fi tmiemha u allura nduru għal ftit mumenti fuq il-vjolenza domestika u vjolenza fuq in-nisa u nistaqsiha jekk tħossx li pajjiżna għamel progress f’dan il-qasam, progress li jmur lilhinn mill-mentalità u li jħares lejn kemm aħna bħala pajjiż qed inwieżnu lill-vittmi tal-vjolenza.

Dimitrijevic tgħid li f’dak li għandu x’jaqsam ma’ prevenzjoni qed isir ħafna, hekk kif qed jiddaħħlu fil-ħidma numru ta’ professjonisti fosthom it-tobba u l-għalliema. Iżżid tgħid iżda li fil-każ tal-prosekuzzjoni u l-protezzjoni “għad fadlilna ħafna x’nagħmlu u x’naqqdfu. Għad għandna rata inkwetanti ta’ vjolenza tal-agħar forma u ta’ kull tip ta’ vjolenza, jekk hix fiżika, sesswali jew verabli. Nemmen li għad fadal xi jsir,” tinsisti Dimitrijevic mal-ILLUM.

 

Albert Gauci Cunningham, 32 sena, ġie appuntat Editur tal-gazzetta Illum u tas-sit illum.com.mt f'Ġunju tal-2015. Gauci Cunningham kien ġurnalista mal-Union Print. Gauci Cunningham jispeċjalizza l-aktar fi stejjer analitiċi-politiċi u anke soċjali li l-gazzetta ILLUM issa saret iktar popolari għalihom, kif ukoll fi stejjer relatati ma' politika nazzjonali u internazzjonali. Gauci Cunningham irraporta minn diversi Istituzzjonijiet Ewropej. Għall-qalb Gauci Cunningham hemm kwistjonijiet soċjali, fosthom il-faqar, il-kirjiet u l-ġustizzja soċjali.
Stħarriġ
Segwina fuq Facebook