Politika Kronaka Soċjali Intervisti Zekzik Poodle Għawdex Qrati u Pulizija Kummerċjali

Aġġornata | 'Min hu Malti ma għandux jistudja l-Malti bħala lingwa barranija'

Il-Kap tad-Dipartiment tal-Malti juri t-tħassib tiegħu dwar il-possibilità li l-Maltin jingħataw l-għażla li jistudjaw il-Malti daqslikieku lingwa barranija

Yendrick Cioffi / 14 ta' Marzu 2018 12:10
Il-Kap tad-Dipartiment tal-Malti fi ħdan l-Università ta’ Malta, Dr Bernard Micallef, wera t-tħassib tiegħu għall-fatt li hemm indikazzjonijiet li l-Maltin se jkunu jistgħu jagħżlu li jistudjaw il-Malti bħala lingwa barranija.

F’kummenti mal-illum.com.mt, Dr Micallef saħaq li għalkemm jaraha bħala xi ħaġa pożittiva ħafna li l-barranin li jgħixu f’Malta se jkollhom l-opportunità li jitgħallmu l-Malti, jitqajmu għadd ta’ kunflitti u mistoqsijiet jekk dan l-istess suġġett ikunu jistgħu jagħżluh ukoll il-Maltin.

Micallef fakkar li wieħed ma jistax jinsa li l-Malti mhuwiex biss lingwa uffiċjali tal-pajjiż, bħalma hu l-Ingliż, iżda huwa wkoll lingwa nazzjonali u saħaq li ma teżisti mkien fid-dinja li lingwa nazzjonali ta’ pajjiż tkun studjata min-nies tal-istess pajjiż bħala lingwa barranija.

Waqt li tkellem dwar l-importanza tal-Ingliż, insista li persuna, wara li tlesti l-istudji tagħha, se tkun qed tirreaġixxi f’pajjiż li l-lingwa nazzjonali tiegħu hija l-Malti.

Fi kliemu avukat u perit jistgħu jistudjaw bl-Ingliż, iżda l-avukat se jitkellem bil-Malti fil-Qrati u l-perit se jitkellem bil-Malti mal-bennejja. L-istess isir fil-Parlament u l-istess il-Knisja.

Kien hawn li Micallef insista li meta sillabu bħal dan toffrih ukoll lill-Maltin, jitqajmu diversi kunflitti u mistoqsijiet.

“Dan hu mod kif tistituzzjonalizza it-tfaqqir fil-ħila kommunikattiva u letterali ta’ pajjiżna,” saħaq Micallef.

Kompla jispjega li l-istorja bilingwi ta’ pajjiżna tatna l-privileġġ li għandha żewġ lingwi uffiċjali u li t-tnejn għandhom funzjoni importanti fil-pajjiż.

“Se mmorru lura fl-istorja għal żmien il-kwistjoni tal-lingwa?” staqsa Bernard Micallef

Saħaq li jekk se ‘nibdew nagħżlu fuq il-Malti, u nnaqqru minnu, se jkun qed ibati wkoll l-Ingliż.' Saħaq li l-kompetenza lingwistika wieħed jakkwistaha mil-lingwa materna u japplika l-istess kompetenza u mudelli li jkun qabad minnha meta jibda jitgħallem ukoll it-tieni lingwa. Kien għalhekk li saħaq li “jekk se tbati bil-Malti, se tbati wkoll fl-Ingliż.”

Insista li hu mhux kontra dan is-sillabu, anzi saħaq li “nkunu qed nitilfu opportunità biex il-barranin li jgħixu f’Malta jintegraw aktar mal-kultura u mal-lingwa Maltija.”

Iżda insista li ma jistax jifhem kif il-Maltin se jingħataw l-għażla li jistudjaw il-Malti daqslikieku qed jistudjaw it-Taljan, il-Franċiż u l-Ġermaniż.

Wera wkoll it-tħassib tiegħu għall-fatt li dan l-eżami se jkun qed jitpoġġa wkoll fuq il-Livell 3 tal-Qafas Malti tal-Kwalifikazzjoni (MDF3). Apparti minn hekk, qed jitħejja wkoll sillabu ieħor tal-Malti Applikat li fi kliem id-Dipartiment tal-Malti ‘ma jafx xi jfisser.’

Jidher li dawn it-tliet sillabi se jkunu qed jitpoġġew fuq l-istess livell iżda Bernard Micallef insista li dan ma jagħmilx sens.

Intant l-Illum.com.mt jinsab infurmat li l-Akkademja tal-Malti għandha tiltaqa’ biex tiddiskuti din il-kwistjoni nhar il-Ġimgħa li ġej.

Mal-istess sit, il-Professur Arnold Cassola, li jgħallem il-letteratura tal-Malti, staqsa jekk dan iffisirx li l-Malti se jkun qed jitneżża mill-istatus tiegħu ta’ Lsien Nazzjonali.

Fuq Facebook, waqt li poġġa ritratt tal-Poeta Nazzjonali Dun Karm Psaila flimkien mal-kanarin tiegħu, b’mod sarkastiku kiteb: “Jidher li minn issa ‘l quddiem Dun Karm se jibda jitkellem mal-kanarin bil-Malti....bħala lingwa barranija.”

 

 

Il-Ministeru jikkonferma "rotot ġodda" għal min il-Malti ma jużahx

Aktar tard, fi stqarrija, il-Ministeru għall-Edukazzjoni kkonferma li se jkun qed jitħejja sillabus għat-tagħlim tal-Malti bħala lingwa barranija li se jkunu jistgħu jsegwuh kemm barranin li jgħixu Malta u anke Maltin li l-ewwel lingwa tagħhom mhux il-Malti.

"Il-Malti hu wieħed minn erba’ lingwi fl-Unjoni Ewropea li qiegħed fil-periklu li jiddgħajjef fl-era diġitali u kull wieħed minna għandu d-dmir li jsaħħaħ u jxerred iżjed il-Malti"
Ministeru tal-Edukazzjoni
Il-Ministeru saħaq li dawk kollha li llum jitgħallmu l-Malti mhu se jaraw l-ebda tibdil, u dan jinkludi dawk li jispeċjalizzaw fil-lingwa Maltija fl-istudji tagħhom. Saħaq li dak li se jiġi diskuss mhu se jbiddel xejn milli hemm bħalissa, 'iżda se joffri rotot ġodda ta’ tagħlim għal dawk li llum il-Malti ma jużawhx.'

L-istqarrija tisħaq li ilu jinħass il-bżonn li t-tagħlim u l-assessjar tat-tagħlim tal-Malti jkunu aġġornati biex jirriflettu r-realtajiet soċjokulturali u lingwistiċi li għandna f’Malta.

Iżda saħaq ukoll li "fl-iskejjel hawn bosta studenti barranin kif ukoll studenti Maltin li l-ewwel ilsien tagħhom mhuwiex il-Malti. Ma’ dawn hemm ukoll għadd sostanzjali ta’ studenti b’xeħta vokazzjonali li, minkejja li l-ilsien nattiv tagħhom hu l-Malti, l-eżami li hemm bħalissa, billi hu akkademiku biss, mhuwiex adattat għalihom."

Għalhekk il-Ministeru qal li jniedi proċess ta' konsultazzjoni mal-entitajiet ikkonċernati kollha biex is-sistema edukattiva ta’ pajjiżna "tibda toffri rotot u korsijiet ta’ studju differenti fit-tagħlim tal-Malti u l-assessjar tiegħu."

Insista li dan qed isir biex ikun assigurat li l-ilsien Malti jibqa’ importanti u relevanti għat-tfal u ż-żgħażagħ kollha, tkun xi tkun l-ewwel lingwa jew ilsien nattiv tagħhom.

"Il-Malti hu wieħed minn erba’ lingwi fl-Unjoni Ewropea li qiegħed fil-periklu li jiddgħajjef fl-era diġitali u kull wieħed minna għandu d-dmir li jsaħħaħ u jxerred iżjed il-Malti," insista l-Ministeru.

Stħarriġ
Segwina fuq Facebook