Intervista | ‘L-Akkomodazzjoni soċjali; l-obbligu tal-istat mhux tal-privat’

Hekk kif il-White Paper dwar il-kirjiet m’għadx fadlilha wisq biex titla’  quddiem il-Kabinett, l-ILLUM titkellem mas-Segretaraju Parlamentari li qed jippilotaha...

Id-domanda u l-provvista hija parti mill-makkinarju illi permezz tagħha timxi r-rota ekonomika ta’ kull pajjiż. Iktar kemm tkun id-domanda kkumparat mal-provvista, iktar jogħla l-prezz u l-valur ta’ servizz partikolari.

Ejja ma noqogħdux nilagħbu bil-bżallu u nduru mal-lewża, li ġara fil-kirjiet huwa proprju dan. Id-domanda hija qawwija filwaqt li l-provvista ta’ proprjetajiet li qed imorru għall-kiri u li hija fi stat abitabbli (u skont il-liġi) hija inqas.

Pajjiżna baqa’ jattira mijiet ta’ ħaddiema minn kull qasam, fosthom l-akkomodazzjoni u turiżmu, kostruzzjoni, stabbilimenti ta’ ikel u xorb u naturalment il-qasam tas-settur finanzjarju.

Dan kollu jfisser imma li l-valur tal-kirjiet privati mhux għola, imma sploda. Kirjiet ta’ €150 kull xahar saru xi ħaġa aljena u ħafna persuni esperjenzaw realtà ta’ kirja li togħla b’100%, 200% jew aktar.

Il-gazzetta ILLUM tiltaqa’ mas-Segretarju Parlamentari Roderick Galdes, il-persuna li bħalissa qed imexxi ’l quddiem White Paper dwar il-kirjiet, l-ewwel tat-tip tagħha, dwar kwistjoni li telgħet fuq nett tal-aġenda politika.

Nippreżentalu argument li jsir ta’ sikwit u li jfakkar illi f’pajjiżna qed nitkellmu dwar ftit nies biss li fil-fatt qegħdin f’kirja.

Allura, ma tħossx li qed isir xi ftit għaġeb iżżejjed?

Galdes ma jaqbilx u jgħid illi hu ma jħarsix biss lejn l-istatistika, “anke jekk hemm persuna waħda jkolli problema aħseb u ara 40,000 persuna, li jinkludu madwar 7,000 familja li jiddependu minn kera.”

Filwaqt li jfakkar fl-aspett pożittiv tal-fatt illi 80% tal-Maltin huma sidien ta’ darhom jgħid illi bħal pajjiżi oħrajn, pajjiżna jeħtieġ jirregolarizza s-suq tal-kera, li qed jikber grazzi għal dawk li ma jaffordjawx isiru sid darhom, ħaddiema barranin kif ukoll minħabba li hemm min qed jagħmel l-għażla li ma jinvestix fi proprjetà tiegħu.

“Nagħmilha ċara li m’aħniex qed nitkellmu dwar kontroll hawn, imma suq regolat li allura jkollu qafas legali, li jagħti drittijiet lis-sidien, dritt lill-inkwilini u bażi fuq xhiex il-Gvern itejjeb u jibni qafas regolatorju...”

‘Kontroll hija kelma iebsa...’

Galdes semma l-kelma ‘kontroll’. Imma kontroll xi jrid jgħid biha? Infakkru fil-proposta ta’ Yana Mintoff li żvelat din il-gazzetta fl-2015. Din ipproponiet illi kirja privata tista’ togħla biss b’aktar minn 5% mill-medja tal-kirjiet fil-lokalità jew żona, għal erba’ snin. Jiġifieri jekk il-medja hija €100 l-kirja tista’ tiżdied b’mhux aktar minn €5 fix-xahar għal erba’ snin.

Galdes x’jaħseb dwar dan? Dan huwa kontroll u x’jifhem hu b’kontroll?

“Kontroll hija kelma iebsa. Meta l-Maltin jisimgħu bil-kelma kontroll, ħsiebhom imur fuq il-kontrolli ta’ wara l-gwerra meta saru kontrolli qawwija fuq l-użu tal-proprjetà u li wħud minn dawn l-istess kirjiet fil-fatt għadhom in vigore llum.”

Għalkemm ma jweġibx direttament dwar il-proposta ta’ Mintoff jinsisti li dak li qed jagħmel il-Gvern huwa riċerka estensiva u approċċ mibni fuq ir-riċerka. “Fil-manifest u fil-baġit urejna b’mod ċar li l-Gvern irid jieħu azzjoni, fosthom fuq id-durata tal-kuntratt.”

Huwa jispjega kif apparti d-durata tal-kirja, il-Gvern qed jara kif jista’ jindirizza l-problema permezz ta’ struttura illi tassigura li malli tagħlaq id-durata tal-kirja l-inkwilini jingħataw d-depożitu lura. Dan biex ikun indirzzat l-abbuż li ġieli jseħħ meta persuna ma tingħatax lura dan id-depożitu, anke jekk fil-fatt tkun intitolata għalih għax ma jkunx hemm il-ħsara li jingħad illi tkun saret.

Il-Gvern se jindirizza kirjiet li jiġġeddu kull ftit xhur

“Se jkun hemm proposti u sistemi, iva, li jkun hemm żmien ta’ kemm tista’ ddum kirja,” sostna Galdes.

Nistaqsih allura x’se jsir fir-rigward ta’ numru ta kirjiet li jkunu mġedda kull tliet xhur li anke jekk huma żgħar fin-numru, joħolqu inċertezza kbira fost dawk li qed jgħixu fiha.

“Il-White Paper se tindirizza din il-kwistjoni partikolari,” jiżvela Galdes li għall-insistenza tal-gazzetta ILLUM jgħid iżda li għalissa ma xtaqx jiżvela wisq sakemm din il-White Paper tkun ippubblikata u tmur għal diskussjoni.

Huwa jiċċara li postijiet li qed jintużaw għal skop turistiku mhux se jkunu inkużi f’din il-White Paper u allura dawn se jkollhom aktar flessiblitlità.

It-tkabbir ekonomiku għandu jasal għand dawk li ma jistgħux iħallsu l-kirjiet ukoll...

Imma allura, jekk isiru restrizzjonijiet fuq kirjiet residenzjali imma mhux kirjiet għal skopijiet turistiċi (Airbnb...), ma jħossx Galdes li jsir iktar jagħmel sens li sidien jikru għal skopjijiet ‘short let’ milli residenzjali?

“Huwa appuntu għalhekk,” jibda jirrispondi Galdes, “li ma rridux kontroll qawwi imma regolarizzazzjoni. Għax iktar kemm timponi, iktar toħloq sitwazzjoni fejn kollox imur ‘underground’. F’ċirkostanzi imma fejn l-ekonomija serja tajjeb u li qed tħalli riżultati, irridu naċċertaw li l-ekonomija tasal għand dawk li l-aktar li ma jifilħux iħallsu u għalhekk qed nitrattaw din il-kwistjoni.”

Galdes jinsisti li bħala Gvern Soċjalista Demokratiku, dan il-Gvern jemmen li l-ġid għandu jitqassam ma’ kulħadd inkluż dawk li ma jifilħux iħallsu għall-ispejjeż kbar tal-kirjiet.

Bħala Partit Soċjalista Demokratiku jitqassam ma’ kulħadd inkluż dawk li ma jaslux iħallsu.

‘Malta mhux qed tivvinta r-rota...’

Mistoqsi kif se jiffaċċja l-attitudni ta’ sid illi ladarba dik hija proprjetà tiegħu, allura jemmen li jista’ jagħmel biha dak li jrid hu, Galdes qal li jifhem li hemm min irid libertà assoluta, imma jsostni li f’pajjiżna mhux qed nivvintaw ir-rota.

“Jiena nifhem li hemm min irid il-libertà assoluta, imma jekk tara x’jiġri f’pajjiżi bħall-Italja, Ċipru, l-Olanda u diversi pajjiżi oħrajn tara illi dan is-suġġett qed ikun diskuss u qed issir leġiżlazzjoni dwaru. Aħna se nagħtu ħarsa lejn il-liġijiet li qed isiru f’pajjiżi oħrajn, imbagħad permezz ta’ din il-White Paper,” kompla jgħid Galdes, “se noħolqu xenarju ta’ kif dawn il-miżuri jistgħu jaħdmu f’pajjiżna.”

Nagħtih xenarju partikolari ta’ persuna li qed tikri u fil-perjodu ta’ matul il-kirja s-sid jiddeċiedi li jgħolli l-kera. Din il-White Paper kif se ssolvi din il-problema?

Donnu riluttanti li jagħti aktar dettalji dwar dak li hemm fil-White Paper Galdes jgħid biss li din qed tipporponi mudell u liġijiet li jibdew ikunu infurzati minn data partikolari ’l quddiem, mhux b’mod retroattiv u dejjem dwar kirjiet residenzjali. “Se naħdmu fuq id-durata tal-kirja, kif jitħaddem id-depożitu u inċentivi fiskali kif diġà ħa l-Gvern, fosthom bit-tnaqqis tat-taxxa li tħallas persuna fuq il-qligħ mill-kirja.”

Inwaqqfu hemmhekk u nistaqsih kemm ħalliet frott din l-inizjattiva li permezz tagħha dħul mill-kirja tkun intaxxata b’rata ta’ 5% biss. “Ħafna nies, imma nixtiequ li jkollna aktar. M’għandix ċifri imma hemm ammont kbir ta’ nies...”

Dwar dan il-punt itemm jispjega kif mill-istudji li saru biex setgħet tkun iffurmata din il-White Paper, is-sidien qalu li huma jaqblilhom li jkollhom ċertezza u stabbilità ta’ inkiwilini li jkunu jistgħu joqogħdu fuqhom.

Imma nfakkru li hemm limitu ta’ kemm nistgħu noffru stabbilità u ċertezza. Jekk sid il-post jiddeċiedi li se jgħolli l-kirja ladarba jkun mġedded il-kuntratt ma jista’ jsir xejn jekk l-inkwilin ma jkunx jista’ jħallas tali kirja.

Kontroll hija kelma iebsa. Meta l-Maltin jisimgħu bil-kelma kontroll, ħsiebhom imur fuq il-kontrolli ta’ wara l-gwerra meta saru kontrolli qawwija fuq l-użu tal-proprjetà

Galdes jirrispondi billi jfakkar illi s-suq ma jistax ikun ikkontrollat u li dak li jrid il-Gvern huwa joħloq parametri u qafas li jitratta ż-żmien li ddum kirja, fost oħrajn.

Ifakkar li l-Gvern jagħti sussidju lil 1,700 familja u se jkompli jwessa’ dan is-sussidju lil aktar persuni hekk kif kien ħabbar l-istess Gvern fil-baġit.

‘Il-barranin qed ibatu daqs il-Maltin’

L-ILLUM tistaqsih jekk kienx hemm xi ħaġa fil-proċess kollu ta’ riċerka li forsi ħallieh xi ftit sorpriż jew li ma kienx qed jistenna li jaqra dwarha. “L-aktar li laqtitni kienet li mhux il-Maltin biss, imma anke l-barranin li qed jintlaqtu bil-prezzijiet ogħla tal-kirjiet privati, kemm biex isibu fejn jikru kif ukoll biex iħallsu l-kirjiet.

“Anke dawn, jew uħud minn dawn, qed isibuha diffiċli biex iħallsu l-kirjiet u huwa porprju għalhekk li qed nisħqu għar-regolarizzazzjoni, għax jien irrid li dawk il-barranin li qed jaħdmu, iħallsu t-taxxa hawn u li qed iqallgħu ewro tajjeb lil bosta li jikru jibqgħu f’pajjiżna.”

Dan l-argument filfatt huwa eku ta’ artiklu ieħor li kien ippubblikat fuq il-gazzetta ILLUM dwar dan is-suġġett. Fil-fatt nhar il-Ħadd 15 ta’ Ottubru din il-gazzetta rrappurtat kif ħafna ħaddiema fil-gaming qed ikunu sfurzati jfittxu kirjiet irħas f’lokalitajiet lil hinn minn fejn qed jgħixu llum. Dan speċjalment fost dawk il-ħaddiema li jaqilgħu pagi ikkunsidrati baxxi u medji f’dan il-qasam u li qed jgħixu f’kirjiet li jibdew minn madwar €750 u jibqgħu telgħin sa €1,300 fix-xahar. Dan kienu kkonfermawh mal-ILLUM diversi ħaddiema f’dan is-settur.

‘L-akkomodazzjoni soċjali xogħol il-Gvern mhux il-privat...’

Il-Partit Demokratiku ħareġ bi propsta li kull min jibni 10 sulari jew iktar ghandu jkun jew intaxxat, bil-ħlas imur għall-akkomodazzjoni soċjali jew inkella parti mill-istess binja (jekk tkun binja residenzjali) tmur għall-akkomodazzjoni soċjali.

Galdes ma jaqbilx ma’ dan u jinsisti li l-privat m’għandux jissussidja l-akkomodazzjoni soċjali, “għax huwa dmir u l-obbligu tal-istat. Għalhekk qed naħdmu biex ikollna ekonomija b’saħħitha. Biex ikollna l-finanzi biżżejjed biex nibnu akkmodazzjoni soċjali.”

Infakkru kif il-Partit Laburista huwa ħafna drabi akkużat illi kemm ilu fil-Gvern, jiġifieri ħames snin għadu ma beniex appartament wieħed.

Galdes pront ifakkar li din l-kritika mhix ġusta għaliex fil-fatt il-Gvern beda x-xogħol fuq madwar 680 appartament madwar il-pajjiż u bħalissa għaddej il-proċess għall-finanzjament ta’ 500 appartament ieħor.

“Taf kemm ilhom ma jinbnew appartamenti għall-kiri għal dawk li mhuma se jifilħu qatt illi jkunu sidien ta’ darhom? 20 sena... illum imma għandna Gvern xellugi u soċjali li għall-ewwel darba qed jibni akkomodazzjoni soċjali lil min ma jiflaħx iħallas.

Nistaqsih meta se jibda x-xogħol fuq l-akbar proġett ta’ housing mill-proġett kollu madwar il-pajjiż u li se jiswa €50 miljun, jiġifieri l-proġett ta’ qasam tad-djar f’Ħal Farruġ.

Galdes jgħid li bħalissa qed ikunu evalwati t-tenders u wara li jgħaddi dan il-proċess jibda x-xogħol. Naturalment ifakkar kif f’postijiet bħal Bormla hemm iktar tul ta’ żmien sakemm jgħaddu minn proċessi tal-Awtorità tal-Ippjanar minħabba bini ta’ wirt storiku.

‘Kieku l-ġenituri tiegħi ma gawdewx mill-benefiċċji tal-Gvern ta’ Mintoff...’

“Fi żmien is-sena, is-sentejn u t-tlieta li ġejjin se ngawdu mill-frott ta’ dak li qed nagħmlu llum. L-investiment li qed nagħmlu qed nagħmluh l-aktar għat-tfal ta’ dawn il-familji, biex ikun garantit li jkollhom saqaf fuq rashom. Jekk ma nagħmlux dan ikollna nies li jispiċċaw f’ċirku vizzjuż

“Nieħu minni u minn ommi u missieri. Kienu bbenefikaw mill-għajnuna tal-Gvern ta’ Mintoff biex isiru sidien ta’ darhom. Kieku ma kienx hekk kieku forsi lanqas kien ikollhom biżżejjed biex jibagħtuni nieħu edukazzjoni u ma wasaltx fejn wasalt f’ħajti,” jgħid id-Deputat minn Ħal Qormi f’anedottu dwar ħajtu li jallaċċja tajjeb mal-argument tiegħu fl-intervista bħalissa. Huwa jfakkar kif hemm madwar 3,200 persuna tistenna u se tingħata skont min ilu jistenna u l-aktar każi li jkunu gravi.

L-MDA: L-idejn fuq it-tmun tal-White Paper?

Resqin lejn tmiem din l-intervista u nistaqsi kemm qed tilgħab parti importanti l-Malta Developers Association (MDA) fid-diskussjoni dwar il-kirjiet

L-MDA; kemm qed jilagħbu parti importanti fid-diskussjoni u kemm qed għamlu parametri f’din l-istess diskussjoni li għaddejja bħalissa?

Taf kemm ilhom ma jinbnew appartamenti għall-kiri għal dawk li mhuma se jifilħu qatt illi jkunu sidien ta’ darhom? 20 sena...illum imma għandna Gvern xellugi u soċjali

“Jiena min-naħa tiegħi ltqajt ma’ kulħadd, inkluż mal-MDA, naturalment għax huma stakeholders. Wiżinna dak kollu li qalilna kulħadd. Issa meta ġejna biex niddeċiedu ma konna preġudikati favur jew kontra ħadd, smajna lil kulħadd u qisna lil kulħadd.”

U meta se tkun ippubblikata l-White Paper? “Fiż-żmien li ġej” iwieġeb Galdes.

Imma se nkunu qed niddiskutu din il-White Paper matul l-2018 jew le?  “Persważ li iva”

Se jkollok l-appoġġ tal-kabinett kollu? “Il-proposti li qed naħdmu fuqhom huma fil-fatt parti mill-manifest Laburista tal-aħħar elezzjoni ġenerali.

“Nassigurak li meta taqraha u tara riċerka, konvint li din il-White Paper tista’ tagħti direzzjoni tajba,” itemm jgħid is-Segretarju Parlamentari ma’ din il-gazzetta.

Naturalment dawk li qed ibatu jridu l-għajnuna issa, imma l-affarijiet jieħdu ż-żmien. Din il-gazzetta u ċerti li bosta organizzazjonijiet u għaqdiet se jkunu attenti biex jaraw kif il-White Paper se tbiddel il-ħajja taċ-ċittadin li jinsab imsallab bejn l-ispejjeż biex jgħix u l-kirja li dejjem togħla.

Nistennew u naraw. Biss għall-ġid tal-vera batut u ta’ dak li l-forzi tas-suq insew, nisperaw li ma jkollniex għalfejn nistennew wisq.

More in Politika