Id-disa' residenza fil-komunità għal persuni b'diżabilità f'Baħar iċ-Ċagħaq

Id-dar, li kienet tas-sorijiet se tgħaddi għand l-Aġenzija Sapport...

Illum kien iffirmat ftehim bejn l-Aġenzija Sapport u l-Franciscan Missionary Sisters of the Immaculate Heart of Mary li se jfisser illi dar li kienet tintuża mill-istess sorijiet, issa se ssir residenza għal persuni b'diżabilità. L-għan ikun li iktar persuni b'diżabilità jgħixu bħala parti minn komunità, f'dan il-każ ta' Baħar iċ-Ċagħaq. 

Dan il-kuntratt jippermetti li residenza f’Baħar iċ-Ċagħaq tgħaddi għand Aġenzija Sapport u tinfetaħ id-disa’ residenza fil-komunità għall-persuni b’diżabilità bħala parti mill-proġett Soċjetà Ġusta. Dan il-ftehim juri l-ħidma tas-Segretarjat Parlamentari għal Persuni b’Diżabilità u Anzjanità Attiva anke mal-Knisja biex tkompli ssir differenza fil-ħajja tal-persuni b’diżabilità u tal-familjari tagħhom.

Anthony Agius Decelis saħaq li l-għan ta’ dan il-ftehim hu li Aġenzija Sapport tiftaħ dar residenzjali għall-persuni b’diżabilità li tippromwovi l-għajxien indipendenti fin-naħa ta’ fuq ta’ Malta. Barra minn hekk din id-dar se tintuża bħala ċentru ta’ matul il-jum żgħir li jista’ jintuża wkoll bħala ċentru ta’ taħriġ dwar għajxien indipendenti. B’hekk in-numru ta’ servizzi li toffri Aġenzija Sapport se jiżdied.

Il-Kap Eżekuttiv ta’ Aġenzija Sapport Joseph Cini qal li Aġenzija Sapport se tagħmel il-bdil neċessarju biex id-dar tkun aċċessibbli skont il-linji gwida u tilħaq il-bżonnijiet tal-persuni b’diżabilità.

Il-Franciscan Missionary Sisters of the Immaculate Heart of Mary kienu sodisfatti li r-residenza li qabel kienu jagħmlu użu minnha huma issa se tkun ta’ benefiċċju għall-persuni b’diżabilità.

Anthony Agius Decelis sostna li l-proġett Soċjetà Ġusta qed jagħmel ħafna ġid fis-soċjetà Maltija kemm mal-persuni b’diżabilità kif ukoll mal-familjari tagħhom.

More in Politika