€25,000 għal riġenerazzjoni ta’ propjetà battala li tintuża għal Housing Soċjali

Taħt din l-iskema, il-propjetà rinnovata mbagħad tinkera għal għaxar snin lill-Awtorità tad-Djar

Is-Segretarju Parlamentari għall-Akkomodazzjoni Soċjali Roderick Galdes, f’konferenza tal-aħbarijiet li fiha spjega kif il-Gvern lest jagħti sa massimu ta’ €25,000 lil sidien ta’ postijiet battala li huma lesti li jirranġaw din il-propjetà.

Taħt din l-iskema, il-propjetà rinnovata mbagħad tinkera għal għaxar snin lill-Awtorità tad-Djar biex tintuża bħala akkomodazzjoni soċjali. Matul l-għaxar snin ta’ kirja, il-Gvern se jkun qiegħed ukoll iħallas kera lis-sid kull sitt xhur bil-quddiem.

 Galdes qal li "din hija miżura konkreta li għandha l-għan li tassisti sidien biex jerġgħu jagħmlu abitabbli propjetajiet li ġew abbandunati matul is-snin. B’hekk mhux biss qed nagħtu l-ħajja lura lil propjetà rieqda, iżda qegħdin ukoll nagħmlu użu minn riżors eżistenti biex tiżdied l-provvista ta’ units għall-akkomodazzjoni soċjali,” qal Galdes.

L-għotja għar-restawr sa massimu ta’ €25,000 tingħata għal xogħol meħtieġ biex il-propjetà tiġi konvertita f’livell aċċettabbli u abitabbli. Ix-xogħlijiet jinkludu tiswijiet strutturali straordinarji, xogħlijiet fuq sistemi ta’ dawl, ilma u drenaġġ, soluzzjonijiet permanenti kontra l-umdità, restawr ta’ faċċati, u tiswija jew bdil ta’ kamra tal-banju, madum tal-art, aperturi u bibien interni fost oħrajn.

L-Awtorità tad-Djar se tkun qed taċċetta biss propjetajiet li tqis li jistgħu jiġu f’livell aċċettabli bl-għotja massima filwaqt li l-propjetajiet irid ikunu ilhom mibnija minn tal-inqas 30 sena, u s-sid irid jippreżenta l-provi li l-post irid ikun ilu battal minn tal-inqas sena. Apparti minn hekk il-kera mħallsa lill-applikant tiġi mfassla fuq il-qisien, il-lokalità u t-tqassim tal-proprjetà flimkien mal-ammont ta’ għotja approvata. Il-kirjiet tal-proprjetà jiżdiedu b’rata fissa ta’ tnejn fil-mija (2%) fis-sena.

Il-kundizzjonijiet kollha flimkien mal-applikazzjoni jinsabu online fuq is-sit www.socialaccommodation.gov.mt

 

More in Politika