PL: 'Kien Jason Azzopardi li għadda l-art ta' Bulebel biex issir fabbriki'

Il-PL jakkuża lil Delia li għażel bħala Kelliem tal-Ambjent "lil Deputat li vvota favur l-ikbar estensjoni fiż-żoni ta' żvilupp'

Fi stqarrija l-Partit Laburista qal illi dwar il-kwistjoni ta' Bulebel kien il-kelliem tal-Partit Nazzjonalista għall-Ambjent, Jason Azzopardi "li kien politikament responsabbli meta l-Gvern Nazzjonalista għadda art f’Bulebel lil Malta Industrial Parks. Dan biex tintuża għal żvilupp ta’ fabbriki. It-trasferiment kien sar b’effett mill-ewwel ta’ Diċembru 2009 permezz ta’ avvviż legali."

Il-PL kompla jgħid illi dan juri n-nuqqas ta’ kredibiltá tal-Partit Nazzjonalista u l-kelliema tiegħu dwar kwistjonijiet ambjentali. Bil-kelliem għall-Ambjent Jason Azzopardi "ma jistax ikun kredibbli meta joħroġ jikkundanna lill-MIP għax kienet qed tistħarreġ il-possibbiltà li tuża din l-art meta kien hu stess li għaddijilha biex tużaha għall-fabbriki.

"Fuq kollox dan juri kemm il-mod ġdid ta’ Adrian Delia mhu mod ġdid xejn. Għax meta ġie biex jaħtar kelliem għall-ambjent għażel deputat li vvota favur l-ikbar estensjoni fiż-żoni tal-iżvilupp u deputat li ma’ ismu għandu marbuta każi skandalużi ta’ kif intużat art pubblika."

Il-PL temm jgħid li "daqs kemm jgħid fuq l-ipokrezija ta’ Azzopardi, dan il-każ jesponi wkoll in-nuqqas ta’ ġudizzju politiku ta’ Adrian Delia."

 

More in Politika