Maria Efimova: Il-bomba tal-ħin li ma trid tisplodi qatt

Ħadd ma kien jafha u issa sar jafha kulħadd. Min jgħid li hija vittma ta’ ‘Gvern korrott’ u min jgħid li hija ‘giddieba’ u ‘frodista’. L-istorja kkulurita tal-‘whistleblower’ Russa s’issa...

Efimova f'intervista mal-Malta Independent...
Efimova f'intervista mal-Malta Independent...

Maria Efimova. Isem Russu illi ftit li xejn qatt kien instema’ sa sentejn ilu u li fl-aħħar sena spiċċa f’titli ta’ gazzetti, kważi daqs l-aktar politiku jew personaġġ popolari. Id-diskussjonijiet jibqgħu għaddejjin, l-aġġettivi jibqgħu għaddejjin u l-ikbar mistosqsija tibqa’ dejjem; Din il-mara, misterjuża għal ħafna Maltin li teżisti fl-immaġinazzjoni kollettiva, kellha informazzjoni korretta dwar Michelle Muscat? Hija verament il-mara li kixfet l-akbar skandlu u gidba fl-istorja politika jew hija l-akbar giddieba li ġiet użata jew użat, biex ikunu ppuntati s-swaba’ lejn  Muscat dwar Egrant Inc?

Il-kuntest huwa neċessarju biex wieħed jibda, forsi, jasal għal xi forma ta’ ħsieb dwar din il-mara, li temgħet ħafna l-immaġinazzjoni politika, ta’ poplu politiku u li l-aħħar kapitlu tal-istorja tagħha għad irid jinkiteb.

L-ILLUM tat ħarsa lejn l-istorja wara Efimova u l-istorja ‘Egrant’ minn meta kienet żvelata sal-lum.

Michelle Muscat mart il-Prim Ministru
Michelle Muscat mart il-Prim Ministru

Tfaqqa’ l-istorja...

Kollox beda nhar l-20 ta’ April. Wara jiem ta’ stennija u preparazzjoni dwar l-istorja b’bosta jistaqsu ta’ min hija Egrant, Daphne Caruana Galizia tikteb artiklu fuq il-blogg tagħha illi fih tallega li 1) - Fil-kċina tal-Bank Pilatus hemm ‘safe’ b’dokumenti ta’ segretezza assoluta u li fih hemm dokumenti li juru illi Egrant hija ta’ Michelle Muscat. 2) - Hija tallega wkoll illi minn dan il-kont għaddew $1 miljun, allegatament minn kont ta’ bint il-President tal-Ażerbajġan.

F’intervista li kienet għamlet mal-Malta Independent aktar tard, Efimova allegat illi ċerta Dr. Sant Fournier kienet tatha ċ-ċwievet ta’ dan is-‘safe’ f’ġurnata impenjattiva ħafna. Hija allegat illi s-‘safe’ ma kienx baqa’ fl-uffiċċju tal-Kap Eżekuttiv tal-Bank Pilatus Hamidreza Ghanbari u tpoġġa fil-kċina fejn hi qalet li ma kienx hemm CCTV cameras.

Qalet illi tat ħarsa lejn id-dokumenti u fejn kien hemm id-dokument dwar Egrant, allegat illi rat il-kunjom ‘Muscat’. Hija tgħid li dan ġara qabel ma kienu żvelati l-Panama Papers.

‘Għandi whistlebower’... imma min hi?

L-istorja titfa’ lill-pajjiż kollu f’nofs urugan politiku. Il-Prim Ministru jiddeskrivi din bħala “l-akbar gidba fl-istorja politika Maltija”. Il-PN isejjaħ għar-riżenja tal-Prim Ministru u saħansitra jitilgħu strixxuni illi juru lill-Prim Ministru arrestat, wara l-ħadid tal-ħabs.

Tlett ijiem wara biss Daphne Caruana Galizia tkun irrappurtata fuq is-Sunday Times tgħid illi għandha whistleblower u dokumenti li juru illi Egrant Inc. hija ta’ Muscat. Sa dakinhar, ħadd ma kien jaf eżatt min hija din il-whistleblower.

Efimova marret tixhed quddiem il-Maġistrat Bugeja
Efimova marret tixhed quddiem il-Maġistrat Bugeja

Titla’ tixhed quddiem il-Maġistrat

Waqt li l-pajjiż kompla għaddej b’dibattitu jaħraq fost botti, risposti u dimostrazzjonijiet fit-toroq tal-Belt Valletta mill-Partit Nazzjonalista, nhar it-28 ta’ April 2015 Daphne Caruana Galizia, fi blogg ieħor qalet illi din il-whistleblower (li sa dakinhar ħadd ma  kien jaf wisq dwarha) kienet telgħet tixhed quddiem il-Maġistrat Aaron Bugeja.

Dan wara li Muscat talab illi tibda Inkjesta Maġisterjali fl-allegazzjonijiet li warajhom hemm Efimova.

Caruana Galizia żvelat ukoll iżda li din kienet eks impjegata tal-Bank Pilatus u li damet quddiem il-Maġistrat Bugeja tliet sigħat. Hija qalet ukoll li kienet qed tikteb il-blogg bil-permess tagħha.

Il-bank Pilatus f'Ta' Xbiex
Il-bank Pilatus f'Ta' Xbiex

Nibdew insiru nafu min hija l-mara...

L-għada, it-28 ta’ April, is-sit illum.com.mt żvela kif quddiem il-Maġistrat il-‘whistleblower’ ma ressqet ebda dokumenti jew fatt dokumentat li juri illi Egrant hija ta’ Muscat. Is-sit jiżvela wkoll li din il-mara kienet tkeċċiet mill-Bank f’Marzu 2016 u qed tiġi mfittxija talli użat fondi mill-bank għal skopijiet privati. Kien żvelat ukoll kif kienet diġà ġiet investigata mill-pulizija u kienet il-Qorti akkużata bi frodi u rapporti foloz.

Min-naħa tagħha, Efimova dejjem sostniet illi hi qatt ma tħallset ta’ internship li kienet għamlet mal-Bank Pilatus. Il-Bank ċaħad u sostna illi din kienet allegazzjoni ‘falza’.

Il-Bank akkużaha wkoll u allega illi fi proċess ta’ ‘booking’ tal-lukanda fil-Ġermanja hi bbukkjat kamra addizzjonali għaliha u tellgħet lill-familja għall-ispejjeż tal-bank.

Kien żvelat ukoll kif il-mara kienet biddlet l-avukat tagħha u sussegwentement beda jidher għaliha avukat mill-uffiċċju ta’ Ann Fenech.

Caruana Galizia tispjega f’isem Efimova...

L-għada, Caruana Galizia tgħid li mhu veru xejn illi Efimova wettqet reat ta’ frodi. F’artiklu fil-blogg tagħha tispjega kif ‘Mrs. X’ (għax sa dak iż-żmien ma kienx magħruf isimha), ħadmet fil-Bank Pilatus għal tliet xhur u qatt ma tħallset, anke jekk kienet imwiegħda illi l-paga se tirċeviha fil-posta. Caruana Galizia spjegat kif għamlet rapport lill-awtoritajiet kompetenti.

“Malli l-Bank sar jaf bir-rapport, huma (il-Bank Pilatus) mill-ewwel fetħu rapport b’ritaljazzjoni kontriha u akkużawha li kienet qed tuża l-flus tal-bank biex issiefer mal-familja... żammewha f’ċella minn filgħodu sa filgħaxija u l-uffiċjal li kien qed jinterrogaha beda repettutament jgħidilha ‘għamiltha. Ammetti. Għamiltha.’ Hi rrispondiet “għamilt xiex? Kif nista’ nammetti għal xi ħaġa li jien m’għamiltx... f’Ottubru li għadda ommha mietet u l-Pulizija ma tawhiex il-permess li tmur id-dar biex tara lil ommha tindifen.”

Hekk kitbet Daphne Caruana Galizia fi blogg nhar id-29 ta’ April 2017. Hija tispiċċa l-blogg tgħid; “Daqshekk hija ħażina l-affari. Din hija l-gravità tal-abbuż li qed niffaċċjaw.”

Daphne tixkef ‘transcript’... Muscat jgħid li huwa falz

Nhar il-21 ta’ April 2017 Daphne Caruana Galizia tippubblika dak li qed tgħid illi huwa t-traskrizzjoni tad-dokument illi allegatament juru illi Egrant inc. hija ta’ Muscat.

Fuq il-programm Xarabank il-Prim Ministru Joseph Muscat qal illi Egrant ma jistax ikollha indirizz Malti, kif hemm fit-traskrizzjoni li ppubblikat Caruana Galizia. Muscat qal illi d-data tad-‘declaration of trusts’ (2015) ma taqbilx maċ-ċertifikat li juri illi “Brian Tonna kien xtara l-kumpanija Egrant fl-2013.”

Iktar tard il-PN qal illi l-indirizz Malti fuq it-traskrizzjoni fil-fatt huwa tan-Nexia BT, jiġifieri l-kumpanija li allegatament fetħet Egrant Inc.

Taħrab mill-pajjiż...

Iktar tard, nhar it-3 ta’ Awwissu 2017, ikun irrapportat li Maria Efimova ma baqgħetx Malta. Il-Maġistrat Joe Mifsud poġġieha fuq il-lista ta’ persuni ‘wanted’ b’rapporti jgħidu illi l-aħħar kuntatt li kellu l-avukat tagħha kien f’Ġunju 2017, ix-xahar illi matulu saret elezzjoni ġenerali li tat lill-Partit Laburista rebħa kbira oħra.

Wara mandat ta’ arrest nhar il-21 ta’ Lulju, il-Pulizija marru fil-post fejn kienet tgħix u sabu li kollox kien imbattal. Jirriżulta, skont informazzjoni mill-Jobs+ illi hija kellha l-impjieg itterminat nhar is-27 ta’ Ġunju.

Sid il-post li kienet qed tikri Efimova qal illi kienet ħallietlu biss email li fiha qalet illi kellha titlaq mill-pajjiż minħabba s-sitwazzjoni li tinsab fiha.

Il-Partit Nazzjonalista talab li Efimova tingħata status ta’ whistleblower.

L-email ta' Efimova ippublikata minn Daphne Caruana Galizia
L-email ta' Efimova ippublikata minn Daphne Caruana Galizia

‘Jekk jogħġbok, Joseph Muscat...’

Tmient ijiem wara Daphne Caruana Galizia tippubblika email li allegatament intbagħtet lill-Prim Ministru Joseph Muscat. Din l-email kienet tgħid illi Muscat ma kellux għalfejn iqabbad investigatur (detective) f’Moska biex jiċċekkja ommha hux vera mietet. Hija allegat ukoll illi numru ta’ nies suspettużi kienu qed jintimidaw lill-missierha.

Daphne Caruana Galizia nqatlet b'karozza bomba
Daphne Caruana Galizia nqatlet b'karozza bomba

Tmut Daphne Caruana Galizia...

Nhar is-16 ta’ Ottubru tinqatel Daphne Caruana Galizia, permezz ta’ karozza bomba. Dan il-qtil jixxokkja lill-pajjiż u jqajjem diskussjoni taħraq dwar is-saltna tad-dritt, il-libertà tal-espressjoni, is-sigurtà u anke jerġa’ jirxoxta bosta mill-każi li qajmet Caruana Galizia, fosthom ovvjament dak konness ma’ Efimova.

Efimova tgħid li tinqatel jekk tiġi lura Malta
Efimova tgħid li tinqatel jekk tiġi lura Malta

Tgħid li jekk tiġi Malta tinqatel

Kważi xahar wara l-qtil ta’ Caruana Galizia, Efimova tkun intervistata mit-Times ta’ Londra. Hija ssostni illi telqet minn Malta għax beżgħet għal ħajjitha. Aktar minn hekk hija allegat, liema allegazzjoni għamlet it-titlu tal-istess gazzetta ewlenija Ingliża, illi jekk terġa’ tiġi Malta hi tinqatel.

Hi qalet ukoll li kienet wissiet lil Daphne Caruana Galizia biex tagħmel l-istess u titlaq għax kemm iddum Malta, anke ħajjitha tinsab fil-periklu.

Titkellem mal-MEPs li ġew Malta

F’Diċembru delegazzjoni ta’ Membri Parlamentari Ewropej ġiet Malta biex tistħarreġ aktar dwar is-saltna tad-dritt f’pajjiżna. Din id-delegazzjoni kellha tipprepara rapport dwar pajjiżna.

Jirriżulta li bħala parti mill-preparamenti għal dan ir-rapport dawn l-istess MEPs, fosthom il-Malti David Casa u l-Portugiża u Soċjalista Ana Gomes, kienu tkellmu ma’ Efimova permezz ta’ video conference.

Il-gazzetta ILLUM permezz ta’ intervista ma’ Gomes kienet żvelat illi, minkejja rapporti l-kuntrarju, Efimova m’għaddietx dokumenti lil dawn il-Membri Parlamentari Ewropej.

Gomes qalet ukoll iżda li dawn l-MEPs jinsabu ferm imħassbin għas-sigurtà ta’ Efimova u żvelat illi sar kuntatt mal-awtoritajiet tal-pajjiż fejn tinsab biex tkun aċċertata s-sigurtà taggħa u tal-familja tagħha...

Intant r-rapport finalizzat ta’ dawn l-MEPs reġa’ qajjem diskussjoni hekk kif l-istess rapport jikkwota lil Efimova tindika li hija ma kinitx is-sors oriġinali tal-istejjer li ħarġet Daphne Caruana Galizia .

Dan qajjem bosta mistoqsijiet hekk kif s’issa kien kważi fatt aċċettat u dejjem irrapportat li Efimova kienet il-mara wara dawn l-allegazzjonijiet.

Titlob għall-ażil u jriduha arrestata f’Ċipru...

U finalment din il-ġimgħa kien żvelat fuq gazzetta Ċiprijotta illi ditta legali mill-istess pajjiż qed titlob lill-pajjiż biex Efimova tkun arrestata u dan wara li qed jakkużawha illi erba’ snin ilu serqet mill-istess post tax-xogħol.

Il-Pulizija qalu li damu biex ħarġu l-mandat t’arrest internazzjonali minħabba li l-investigazzjonijiet damu għaddejjin.

Intant l-istess gazzetta Ċiprijotta żvelat kif Efimova qed titlob ażil politiku.

Indħil politiku mir-Russja

Finalment f’nofs kampanja elettorali artiklu fuq is-sit intelligenceonline.com, allega illi Efimova kienet parti minn logħba minn Putin biex jiddistabbilizza l-Gvern Malti. Dan minħabba li ma konniex tajna permess lis-sottomarini Russi biex jidħlu fil-baħar Malti u jingħataw il-fjuwil huma u sejrin is-Sirja.

Naturalment l-aħbar kienet milqugħa b’ammont mhux żgħir ta’ ċiniżmu.

Il-kapitlu finali ta’ Efimova għad irid jinkiteb... li huwa ċert hu li xi ħadd qed jigdeb. Xi ħadd qed jaħbi jew jinħeba. U l-mannara se taqa’ fuq għonq xi ħadd. Issa naraw...

More in Politika