'Kamra tal-aħbarijiet wara l-oħra qed tkun mhedda b’rovina minn kumpaniji kbar'

Id-Deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi jressaq Private Members Bill biex il-Qrati Maltin ma jippermettux kawżi minn barra li jintimidaw lill-midja

Id-Deputat Jason Azzopardi
Id-Deputat Jason Azzopardi

Id-Deputat Nazzjonalista, Jason Azzopardi ressaq Private Members Bill illi fih qed jitlob illi l-midja Maltija tkun protetta mill-azzjonijiet tal-iStrategic Lawsuit Against Public Participatuon (SLAPP). Azzopardi jgħid illi l-għan ta’ din l-istrateġija hija li ssikket lil min xogħlu huwa li jinvestiga u jippubblika.

SLAPP hija tip ta’ kawża legali li għandha l-intenzjoni li tiċċensura, tintimida jew saħansitra tagħlaq ħalq kritiċi hekk kif jheddu b’każijiet il-Qorti li jkunu jġorru spejjeż eżorbitanti, liema spejjeż iwasslu biex il-ġurnalist jew il-midja twaqqaf milli tkompli titkellem dwar każ, jew saħansitra tħassar artikli li jkunu ppublikati.

Azzopardi sostna illi dan il-fenomenu dieħel f’pajjiżna wkoll; “issa qed imiss lill-mezzi tax-xandir f’pajjiżna wkoll, b’kamra tal-aħbarijiet wara l-oħra jkollhom iħassru dak li jkunu ppublikaw meta kumpaniji kbar jhedduhom b’rovina finanzjarja permezz ta’ kawżi miġjuba apposta fi Qrati barranin bi spejjeż legali eżorbitanti.”

Id-Deputat tal-PN sostna illi kemm “Henley&Partners kif ukoll il-Bank Pilatus abbużaw b’dan il-mod u qed jippruvaw jagħmlu sarima ma’ ħalq il-ġurnalisti. Dawn iż-żewġ kumpaniji,” tenna Jason Azzopardi, “huma qrib ħafna tal-Gvern ta’ Joseph Muscat u għalhekk nappella lill-Prim Ministru biex jagħti sinjal ċar u jgħid fuq liema naħa qiegħed – fuq in-naħa tal-libertà tal-espressjoni jew in-naħa tas-soppressjoni tal-informazzjoni.”

nappella lill-Prim Ministru biex jagħti sinjal ċar u jgħid fuq liema naħa qiegħed – fuq in-naħa tal-libertà tal-espressjoni jew in-naħa tas-soppressjoni tal-informazzjoni Jason Azzopardi

Jason Azzopardi spjega kif il-Private Member’s Bill li ressaq għad-diskussjoni tal-Parlament tipproponi Abbozz ta’ Liġi li ġġib emenda f’Artiklu 827 tal-Kodiċi ta’ Organizzazzjoni u Proċedura Ċivili. L-għan ta’ dan l-Abbozz, qal Jason Azzopardi, huwa biex il-Qrati Maltin ma jippermettux kawżi miġjuba minn Qrati barra minn Malta meta dawn ikunu maħsuba biex jiċċensuraw, jintimidaw, jew iwaqqfu xi forma ta’ kritika milli ssir f’Malta billi jġiegħelu lill-organizzazzjonijiet ta’ pubblikazzjoni jħallsu spejjeż legali projbittivi.

More in Politika