Il-Bank Ċentrali Ewropew sieket dwar it-talba li tiġi revokata l-liċenzja tal-Pilatus

  • Sorsi indikaw mal-illum.com.mt li l-ECB jinsab fi stadju avvanzat li jiddeċiedi
  • Il-bank Pilatus jissemma fir-rapport tal-MEPs dwar is-saltna tad-dritt

L-ILLUM hija infurmata li l-Bank Ċentrali Ewropew (ECB) jinsab fi stadju avvanzat li jieħu pożizzjoni dwar it-talba li saritlu mill-MEP tal-Partit Nazzjonalista David Casa sabiex tiġi revokata l-liċenzja tal-bank Pilatus.

Għaldaqstant għall-mistoqsijiet li ntbagħtu lill-Bank Ċentrali Ewropew, l-Uffiċjal Għoli għall-Istampa Nicos Keranis ma kummentax fuq il-każ. Sostna li minħabba s-segretezza professjonali l-ECB ma jistax jgħaddi dettalji.

L-ILLUM staqsiet lill-ECB domandi speċifiċi fosthom jekk il-Bank Ċentrali Ewropew jistax jirrevoka l-liċenzja tal-bank Pilatus, ġaladarba din kienet ingħatat mill-MFSA u jekk sarux jew hemmx ħsieb li qabel isiru l-konklużjonijiet jsiru laqgħat mal-Kap Eżekuttiv tal-Pilatus Hamidreza Gambari.

L-MEP tal-PN David Casa
L-MEP tal-PN David Casa

Fl-24 ta’ Novembru li għadda, David Casa kiteb liċ-Chairperson tal-Bord tas-Superviżjoni tal-ECB, Daniéle Nouy sabiex tintervjeni u tiġi revokata l-liċenzja tal-bank Pilatus.

Il-Kap tad-Delegazzjoni Nazzjonalista fil-Parlament Ewropew qal li l-bank Pilatus jinsab fiċ-ċentru ta’ investigazzjonijiet li wettqet Daphne Caruana Galizia u saħaq li r-rapport tal-FIAU wera li l-klijenti tal-bank kienu Persuni Esposti Politikament (PEPs) mill-Ażerbajġan.

Dakinhar Casa appella lill-ECB biex juża l-poteri disponibbli biex tiġi revokata l-liċenzja lill-bank, speċjalment wara li l-Parlament Ewropew approva r-riżoluzzjoni dwar is-saltna tad-dritt f’Malta.

 

Il-bank Pilatus f'Tax-Xbiex
Il-bank Pilatus f'Tax-Xbiex

David Casa reġa’ għamel dan l-appell fil-mezzi soċjali wkoll wara li ġie ppubblikat l-abbozz tar-rapport tad-delegazzjoni tal-MEPs li ġew Malta f’Diċembru biex jistħarrġu s-saltna tad-dritt f’pajjiżna.

F’dan ir-rapport, l-MEPs ikkonkludew li l-Bank Ċentrali Ewropew u l-Awtorità Bankarja Ewropea għandha twettaq assessjar fuq il-liċenzja tal-bank Pilatus u jekk l-MFSA wettqitx l-obbligi kollha tagħha.

F’midja internazzjonali, Daniéle Nouy ġiet ikkwotata tgħid li l-liġijiet Ewropej jagħtu lill-Bank Ċentrali Ewropew li jimponi rekwiżiti aktar ħorox fuq il-kapital u l-likwidità fuq banek li uffiċjalment jinstab li kienu involuti f’ħasil tal-flus.

More in Politika