Għall-bejgħ: sperma, bajda u ġuf... Il-kontroversja tal-ħajja

L-ILLUM indagat ir-realtà ta’ din il-kwistjoni u tat ħarsa lejn is-sitwazzjoni ta’ kiri ta’ ġuf u donazzjoni tal-gamita fir-Renju Unit u fl-Istati Uniti

Ir-riproduzzjoni hija kontroversja ta’ dejjem, id-donazzjoni tal-isperma, il-bajda u l-kiri tal-ġuf lil dawk li ma jistgħux ikollhom tfal toffri dillemma politika u morali. L-ILLUM tati ħarsa profonda lejn dawn it-tliet kwistjonijiet f’analiżi maqsuma fit-tnejn

Is-seduta parlamentari ta’ nhar it-Tlieta 13 ta’ Novembru kienet evidenza ċara li l-kiri tal-ġuf (Surrogacy) u d-donazzjoni tal-gamita, jiġifieri d-donazzjoni tal-ova jew l-isperma ċertament se jkunu żewġ kwistjonijiet li fil-futur qrib se jqanqlu klima ta’dibattitu f’pajjiżna.

Dawn il-kwistjonijiet iddominaw is-seduta hekk kif id-deputati tal-gvern skrutiniżaw mozzjoni li ressaq il-Partit Nazzjonalista. Din kienet immottivata mill-att legali tal-Gvern li ppropona lura f’Mejju 2017, li bażikament se jkun qed jagħti 100 siegħa frank lil koppji liżbjani li jgħaddu minn proċess ta’ IVF barra l-pajjiż.

Fid-dawl ta’ dan, il-gazzetta ILLUM, indagat fir-realtà ta’ din il-kwistjoni. Billi tat ħarsa lejn is-sitwazzjoni ta’ kiri ta’ ġuf u donazzjoni tal-gamita fir-Renju Unit u fl-Istati Uniti. L-ILLUM, irriċerkat il-proċess ta’ donazzjoni, il-liġi fis-seħħ u dik proposta, min hu eliġibbli biex jagħti jew jirċievi donazzjoni kif ukoll il-bosta kwistjonijiet soċjali, etiċi u reliġjużi madwar dan kollu.

Kemm wieħed jaqbad u jagħmel donazzjoni?

L-ILLUM tat ħarsa lejn l-operat ta’ bank fir-Renju Unit li jaħżen kemm l-isperma kif ukoll l-ova. Dan il-bank jitlob li, id-donatturi prospettivi jilħqu bosta kriterji sabiex ikunu jistgħu jagħmlu din id-donazzjoni. Ċertu rekwiżiti speċifiċi huma stabbiliti mill-Awtorità tal-Fertilizzazzjoni u l-Embrijoloġija tal-Bniedem (HFEA) tar-Renju Unit.

L-ewwel nett il-Bank jeżamina l-applikanti biex ikunu żguri li huma b'saħħithom, mingħajr kundizzjonijiet mediċi serji u li għandhom biżżejjed sperma ta 'kwalità tajba biex jipproduċu.

Il-bank iħares ukoll lejn l-istorja tal-familja ta' applikant u jaċċerta ruħu jekk ikollhomx kundizzjonijiet ġenetiċi familjari li jkunu ta’ detriment lill-ulied prospettivi fil-futur.

Hemm ukoll eżami fiżiku, testijiet tad-demm għall-iskrin ta' mard infettiv u fl-aħħar nett l-ittestjar tal-isperma. Dan l-aħħar test jinvolvi l-applikant li jipproduċi kampjun f'wieħed mill-kmamar tal-bank u mbagħad jagħtih lill-bank tal-isperma għall-ittestjar immedjat mal-androloġist.

Id-donaturi jistgħu jiġu mistoqsija dwar il-personalità, l-edukazzjoni, il-passatempi u anki d-drawwiet ħżiena tagħhom biex tinbena stampa sħiħa.

Fil-każ ta’ donazzjoni ta’ ova, id-donaturi għandhom ikunu bejn l-etajiet ta' 18 u 35 sena, ma jpejpux, bi provvista tal-bajd fil-medda normali, bl-ebda storja ta’ mard trażmissibbli sesswalment jew dak ġenetiku u notevolment bla ebda storja ta' rispons baxx għall-istimulazzjoni tal-ovarji għall-IVF.

Ħlas għad-donazzjoni jew kumpens?

Jekk taħseb li bil-possibbiltà ta’ bank tal-isperma f’Malta,  tista’ tbiddel il-karriera tiegħek u tintefa’  taqla' l-ħobża ta’ kuljum minn dawn it-tip ta’ donazzjonijiet, aħsibha darbtejn. Dan għaliex  is-sistema preżenti ta’ donazzjoni fir-Renju Unit,  ma tippermettix li l-banek tal-isperma u l-ova jħallsu lura lid-donaturi. Għaldaqstant, il-banek joffru lura £35 għal kull donazzjoni tal-isperma u £750 għal kull donazzjoni ta’ ova.

L-anonimità tad-donatur hi sigura?

Jekk nieħdu l-liġi Ingliża bħala punt ta’ referenza, l-anonimità tad-donaturi hi mistoqsija li taf tbeżża' donaturi prospettivi. Dan għaliex l-istess liġi tippermetti lit-tfal imwielda mid-donazzjonijiet tal-isperma aċċess għal informazzjoni dwar id-donatur. Dan minħabba raġunijiet mediċi, soċjali u emozzjonali.

Il-liġi teħtieġ li d-donaturi jirreġistraw kemm informazzjoni li ma tidentifikax, bħal karatteristiċi fiżiċi,sfond mediku u  kif ukoll informazzjoni ta’ identifikazzjoni bħal l-isem, kunjom u d-data tat-twelid. Din l-informazzjoni hija pprovduta lill-klinika u maħżuna b’mod kunfidenzjali.

Kwalunkwe individwu kkonċeput bl-isperma tad-donatur għandu d-dritt li jitlob informazzjoni li ma tidentifikax lid-donatur mill-età ta' 16-il sena u informazzjoni li tidentifika lid-donatur mill-età ta' 18-il sena.

Madankollu, il-liġi tgħid ukoll li d-donaturi tal-isperma m'għandhom l-ebda responsabbiltà legali jew finanzjarja għal kwalunkwe tifel imnissel bl-użu tal-isperma tagħhom.

Il-kiri tal-ġuf u l-każ ta’ ‘Baby M’

Il-Kiri tal-ġuf jew inkella ‘surrogacy’ hu meta mara ġġorr tarbija għal koppja li ma tkunx tista' tikkonċepixxi.

L-ewwel kuntratt formali ta’ dan it-tip tfassal fl-1976 fl-Amerika. Għaxar snin wara, "Baby M", spiċċa f’nofs kontroversja nazzjonali, meta s-surrogat (il-mara li welldet it-tarbija) bidlet il-ħsieb tagħha u fetħet każ legali, mingħajr suċċess, għall-kustodja tat-tifel, li ġenetikament kien tagħha. Il-furur ta’ dan il-każ wassal għal projbizzjonijiet fi New York u diversi stati oħra.

Madankollu, skont Surrogacy UK, Għaqda karittativa, Brittanika, s’issa ma kien hemm l-ebda każi simili ta’ ‘Baby M’ fl-Ingilterra f’dawn mill-2002, li minn dak inhar ’l hawn madwar 180 tarbija twieldu bis-surrogacy.

L-istess għaqda tinkoraġġixxi liż-żewġ partijiet fil-qbil biex isiru jafu lil xulxin għal mill-inqas tliet xhur qabel jippruvaw jikkonċepixxu. Nuqqas ta' qbil dwar xi ħaġa importanti sservi bħala twissija biex ma titkompliex.

Is-Surrogacy huwa legali fir-Renju Unit, iżda, l-ebda parti fil-qbil ma tista’ tkun involuta kummerċjalment, jiġifieri, tirċievi miżati għal kiri tal-ġuf. Apparti minn hekk, ir-reklamar għal kiri ta’ ġuf mhux permess, is-surrogat jista' jirċievi biss ħlas biex ikopri l-ispejjeż li ġarrab meta kien tqil għall-ġenituri maħsuba tiegħu. Kiri tal-ġuf kummerċjalizzat huwa legali biss f’xi Stati Amerikani, l-Ukranja u l-Ġorġja.

Apparti minn hekk, persuni waħedhom huma projbiti milli jagħmlu użu minn surrogacy għalhekk bosta ċittadini Ingliżi, jivvjaġġaw sabiex ikunu jistgħu jagħmlu dan. Fir-Renju Unit ukoll, minn April 2010 kien possibbli wkoll għall-koppji tal-istess sess biex iwettqu surrogacy fir-Renju Unit.

X’tgħid il-liġi Maltija?

Kemm il-kiri tal-ġuf kif ukoll id-donazzjoni tal-gamita huma illegali f’Malta.

Dan għaliex id-donazzjoni tal-isperma jew inkella tal-bajd u l-kiri tal-ġuf imorru kontra dritt ta’ identità ta’ kull wild, skont l-artiklu 8 tal-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tat-Tfal tal-Ġnus Magħquda li daħlet fis-seħħ fit-2 ta' Settembru 1990 u li bażikament tgħid li “L-Istati Membri għandhom jirrispettaw id-dritt tat-tfal li jippreservaw l-identità tagħhom, inklużi n-nazzjonalità, l-isem u r-relazzjonijiet familjari kif rikonoxxuti mil-liġi mingħajr indħil illegali.

Meta t-tfal ikunu mċaħħda illegalment minn xi elementi jew mill-elementi kollha tal-identità tiegħu, l-Istati Partijiet għandhom jipprovdu assistenza u protezzjoni xierqa, bil-għan li jerġgħu jistabbilixxu malajr l-identità tiegħu jew tagħha.”

Min jista' jagħmel użu mill-IVF f’Malta?

L-Att dwar il-Protezzjoni tal-Embrijun tal-2012 jagħmilha ċara li l-IVF jista' jingħata lil koppji eterosesswali li huma miżżewġin jew f'relazzjoni ‘stabbli’. Koppji omosseswali ma jistgħux jużaw l-IVF. Persuni waħedhom għal darboħra ma jistgħux jużaw l-proċess ta’ IVF.

Nhar il-Ħadd li ġej, il-gazzetta ILLUM se tagħti ħarsa lejn id-donazzjoni tal-gamita, il-kiri tal-ġuf u mistoqsijiet etiċi u politiċi relatati magħhom. Se ngħatu ħarsa wkoll lejn il-pożizzjoni tal-partiti politiċi f'Malta.

More in Politika