Politika Kronaka Soċjali Intervisti Zekzik Poodle Għawdex Qrati u Pulizija

Il-Gvern alloka €60 miljun lill-iskejjel tal-Knisja f'sena waħda biss...l-Awditur 'imħasseb'

  • Il-Ministeru jżid l-ispiża lil dawn l-iskejjel b'€30 miljun f'10 snin
  • Fir-rapport annwali tiegħu l-Awditur jinsisti għal 'bżonn urġenti ta’ kontrolli tal-flus allokati lill-iskejjel tal-Knisja'
  • Jilmenta li ċerta dokumentazzjoni dwar l-allokazzjoni finanzjarja baqgħet qatt ma waslitlu

Albert Gauci Cunningham / 7 ta' Diċembru 2017 08:37
L-Awditur jitlob għal kontrolli fuq l-allokazzjoni finanzjarja lill-iskejjel tal-Knisja...
Fl-aħħar 10 snin pajjiżna ra n-nefqa tal-Gvern f’għajnuna li jagħti lill-iskejjel tal-knisja tirdoppja u tiżdied b’€30 miljun, anke jekk il-popolazzjoni studenteska żdiedet b’3% biss.

“Mingħajr ma nidħol fil-merti tal-aspett edukattiv, fin-nuqqas ta’ kontrolli adegwati li qed jissemmew f’dan ir-rapport, iż-żieda kontinwa fin-nefqa involuta hija ta’ tħassib sinifikanti.” Hekk saħaq l-Awditur fir-rapport annwali tiegħu, ppublikat din il-ġimgħa.  

Fis-sena skolastika 2007/2008 il-Gvern nefaq €32 miljun f’għajnuna lill-iskejjel tal-knisja. Matul is-sena skolastika 2016/2017 il-Gvern kien qed jonfoq €63 miljun.

Ir-rapport tal-Awditur juri kif l-akbar żidiet fl-għajnuna finanzjarja li jagħti l-Gvern seħħew mill-2013. Dan hekk kif minn sena skolastika għall-oħra bejn l-2007 u l-2013, iż-żidiet kienu ta’ bejn €1 miljun u €4 miljuni. Bejn l-2013 u s-sena skolastika 2014/2015 iċ-ċifra żdiedet €6 miljuni biex minn €48.4 miljuni telgħet għal €54.1 miljuni. Fis-sena skolastika sussegwenti l-għajnuna reġgħet żdiedet għal €60.2 miljuni.

L-Awditur jinnota kif dawn iż-żidiet li qed isejjaħ bħala ‘ta tħassib’ fissru illi l-Gvern f’temp ta’ 10 snin żied l-ispiża  ras għal ras b’€1,757, jiġifieri minn €1,923 għal €3,680.

Ir-rapport tal-Awditur jiżvela kif wara eżerċizzju illi fih jitqabblu n-nefqiet mal-għotjiet skont id-dokumenti provduti, l-Uffiċċju tal-Awditur ma setax jirrikonċilja ż-żewġ ammonti, b’differenza ta’ kważi €4 miljuni, jekk wieħed jikkunsidra wkoll interessi mill-Fondazzjoni tal-Iskejjel tal-Knisja.

Minkejja li l-ftehim tal-1991 bejn Malta u l-Vatikan jobbliga lis-Segretarjat tal-Edukazzjoni Kattolika jressaq ir-rikjesti baġitarji tiegħu għas-sena skolastika ta’ wara sa mhux iktar tard mill-aħħar t’Awwissu, ir-rikjest għall-baġit meħtieġ għas-sena 2016 kien mressaq għall-awditjar biss f’Lulju 2017. Apparti dan id-dewmien, ir-rapport jgħid illi dawn id-dokumenti ingħataw lill-Uffiċċju tal-Awditur erba’ ġimgħat wara li saret ir-rikjesta u wara ħafna tfakkiriet.

L-istess rapport jgħid illi minkejja diversi talbiet oħrajn mill-Awditur għal aktar dokumentazzjoni dwar l-allokazzjoni ta’ flus lill-iskejjel tal-Knisja mill-Ministeru tal-Edukazzjoni fl-2016, dawn id-dokumenti qatt ma waslu għandu.

Intant rappreżentanti tal-Ministeru tal-Edukazzjoni ammettew li fl-ebda ħin ma kienet qed issir rikonċiljazzjoni biex ikun aċċertat li l-allokazzjoni ta’ flus mogħtija mill-Gvern taqbel mal-ispiża relatata mal-istaff fl-iskejjel tal-Knisja.

Ir-rapport tal-Awditur itemm jgħid li għandha tkun priorità ‘imperattiva u urġenti’ li jkunu stabbiliti kontrolli interni u audit trails tal-flus li l-Gvern qed jgħaddi lil dawn l-iskejjel, “meta tikkunsidra l-ammont sostanzjali ta’ fondi pubbliċi li qed imorru għand l-iskejjel tal-Knisja.”

 

 

Albert Gauci Cunningham, 32 sena, ġie appuntat Editur tal-gazzetta Illum u tas-sit illum.com.mt f'Ġunju tal-2015. Gauci Cunningham kien ġurnalista mal-Union Print. Gauci Cunningham jispeċjalizza l-aktar fi stejjer analitiċi-politiċi u anke soċjali li l-gazzetta ILLUM issa saret iktar popolari għalihom, kif ukoll fi stejjer relatati ma' politika nazzjonali u internazzjonali. Gauci Cunningham irraporta minn diversi Istituzzjonijiet Ewropej. Għall-qalb Gauci Cunningham hemm kwistjonijiet soċjali, fosthom il-faqar, il-kirjiet u l-ġustizzja soċjali.
Stħarriġ
Segwina fuq Facebook