Filmat | ‘Fil-partit hemm linja li ma tistax tinqabeż’

Clyde Puli jgħid mal-ILLUM li fil-kwistjoni tal-‘Gay Marriage’ kien hemm min xtaq li jingħata l-‘free vote’ u dan ma kienx ingħata

Ritratt | James Bianchi
Ritratt | James Bianchi

Assolutament ma kien hemm l-ebda tip ta’ ħadma fil-konfront ta’ David Casa. Hekk stqarr mal-ILLUM is-Segretarju Ġenerali l-ġdid tal-Partit Nazzjonalista Clyde Puli, li kien l-uniku wieħed li tefa’ n-nomina għal din il-kariga hekk kif kollox kien qed jindika li kienu se jkunu David Casa u Pierre Portelli li jikkontestaw.

Jum qabel għalqu n-nomini David Casa għażel li jibqa’ MEP filwaqt li Pierre Portelli nħatar ‘chairman’ tal-midja tal-partit, il-Media.Link.

Matul l-intervista mal-ILLUM, Clyde Puli għamilha ċara li din ma kinitx xi ħadma kontra Casa, u li hu għandu relazzjoni tajba mal-MEP Nazzjonalista.

Puli qal li mhux l-istil tiegħu li jagħmel dawn it-tip ta’ ħadmiet u li “nista’ ngħidlek illi jiena tant għandi relazzjoni tajba ma’ David Casa, tant għandna ħbiberija illi tmur lura, li ma nafx u m’iniex ċert liema kandidatura kienet toħloqlu l-akbar diffikultà. Jekk hux jikkontesta lil ħaddieħor (Pierre Portelli) jew lili.”

Sostna li David Casa tkellem ċar li ma kkontestax il-kariga ta’ Segretarju Ġenerali irrispettivament mill-persuna u min kien se jikkontestaha. Puli qal li jinsab lest li jkompli jaħdem ma’ David Casa.

Mal-ILLUM, Clyde Puli qal li kkontesta għal Segretarju Ġenerali għax intalab li jagħmel dan mill-Kap Adrian Delia, għalkemm kien għamel żmien jikkunsidra li jikkontesta għall-kariga ta’ Viċi Kap.

Puli qal li kien Delia li ssuġġerixxa li Pierre Portelli jingħata r-responsabbilità tal-midja u li hu jkun Segretarju Ġenerali, u dan minħabba l-esperjenza rispettiva tagħhom fiż-żewġ setturi.

Clyde Puli żvela li Adrian Delia stqarr magħhom li kien jagħmel aktar sens li jindirizzaw l-affarijiet fejn għandhom l-aktar esperjenza, u li qallu “jekk il-partit għandu bżonni bħala segretarju ġenerali jiena nservi bħala segretarju ġenerali.”

Dwar id-deċiżjoni li ma jikkontestax għall-kariga ta’ Viċi Kap, Clyde Puli stqarr li “deherli li fil-mument partikolari kelli nagħmel pass lura għall-għaqda tal-partit”

Kien hemm kwistjonijiet li kienu morali fejn ma kienx ingħata ‘free vote’
“Huwa ċar li huma ma fehmux il-mozzjoni, kif fehmitha l-maġġoranza tal-Grupp Parlamentari.” Hekk stqarr Clyde Puli għall-mistoqsija tal-ILLUM dwar il-pożizzjoni li ħadu numru ta’ deputati tal-Grupp Parlamentari tal-Partit Nazzjonalista dwar il-mozzjoni tal-għoti tal-‘leave’ għall-prokreazzjoni assistita.

Qal li din ma kinitx mozzjoni li kellha l-intenzjoni li twaqqaf lil dak jew lil ieħor.

Dwar id-dikjarazzjoni li għamlu d-deputati Simon Busuttil, Mario De Marco, Chris Said, Therese Comodini Cachia, Karol Aquilina u Karl Gouder li din kienet kwistjoni morali, Puli qal li ma kien hemm xejn morali fil-mozzjoni u li l-linja tal-partit kienet fuq kwistjoni legali.

Spjega li għalkemm dawn id-deputati ħadu l-pożizzjoni li ħadu, xorta m’għażlux li jivvutaw mal-Gvern u astjenew mill-votazzjoni. Is-Segretarju Ġenerali l-ġdid tal-Partit Nazzjonalista qal iżda li fil-passat, taħt tmexxija oħra, kien hemm kwistjonijiet li kienu morali u fejn ma kienx ingħata ‘free vote’, “kien hemm il-kwistjoni tal-‘Gay Marriage’, fejn kien hemm min xtaq li jingħata l-‘free vote’ u dan ma ngħatax”.

Qal li bit-tmexxija ta’ Adrian Delia qed jingħad ċar u tond li meta jkun kwistjoni morali se jingħata l-‘free vote’.

Dwar il-mozzjoni, Clyde Puli qal li l-Gvern kellu quddiemu liġi li tirregola l-IVF u li l-Gvern ried ibiddel il-liġi, “b’tibdil li ma kienx fil-programm elettorali u jista’ jkun li m’għandux l-appoġġ sħiħ. Ipprova jgħaddi mit-tieqa u jingħata l-100 siegħa ‘leave’ lil kull min irid jagħmel l-IVF.”

Saħaq li l-oġġezzjoni tal-Oppożizzjoni dejjem kienet waħda legali fuq li jingħata ‘leave’ biex issir xi ħaġa li preżentament hija llegali f’Malta. “Mela le ma nagħtux 100 siegħa, tridx nagħtu 150 siegħa, iżda ma kienx dak l-argument. Daħħalna l-IVF aħna se nkunu kontra? Imma ejja ndaħħluha fuq il-prinċipji tal-liġi Maltija, min jista’ jagħmilha u min ma jistax.”

Clyde Puli qal li hawn kwistjonijiet bħalma huma l-kiri tal-ġuf, li huma illegali li jsiru f’Malta u għalhekk l-Oppożizzjoni qalet li jekk se tinbidel il-liġi jeħtieġ li ssir diskussjoni fuqha u li fi tmiemha kien jingħata ‘free vote’. Sostna li din kienet il-linja uffiċjali tal-partit, li hija kwistjoni legali u li l-‘free vote' kellu jingħata wara li ssir diskussjoni.

Fil-Grupp Parlamentari jrid ikun hemm parametri li ma jistgħux jinqabżu
L-ILLUM staqsiet jekk hemmx xi pożizzjoni minn xi deputati fil-Grupp Parlamentari kontra Adrian Delia u dwar il-ħsieb li kien hemm li jittieħed xi vot ta’ sfiduċja fih. Clyde Puli qal li “jiena lili ħadd ma avviċinani u qatt ma smajt b’din id-diskussjoni, jiena kulma smajt opinijonijiet differenti fuq kwistjonijiet differenti.”

Puli saħaq li filwaqt li jista’ jkun hemm ‘issues’ li mhux kulħadd jindirizzahom bl-istess mod, jista’ jingħata l-ispazju, iżda jrid ikun hemm parametri li jkunu ċari u li ma jistgħux jinqabżu.

Qal li  “jekk taqbeż dik il-linja tkun qbiżtha u naħseb illi wieħed irid jistaqsi dwar postu. Sakemm ma tinqabiżx dik il-linja ma narax għaliex għandna noħolqu diskussjoni.”

Is-Segretarju Ġenerali ġdid tal-Partit Nazzjonalista qal li l-ħsibijiet differenti fil-Grupp Parlamentari huma parti mir-rikkezza tal-partit għax il-ħsibijiet jirrappreżentaw setturi differenti tas-soċjetà u b’hekk il-partit ikun mużajk. Qal illi jinstab il-mod kif kulħadd jaħdem flimkien, hija l-isfida għall-ġimgħat li ġejjin.

It-tieni parti tal-intervista mas-Segretarju Ġenerali l-ġdid tal-Partit Nazzjonalista Clyde Puli se tiġi pubblikata nhar il-Ħamis li ġej.

More in Politika