Marda sesswali tpoġġina l-ewwel fl-Ewropa

  • Malta bl-akbar rata ta’ nies infettati bis-Syphillis fl-UE kollha
  • Iż-żieda fil-Massage Parlours jikkontribwixxu bil-qawwi
  • Id-Direttur tal-GU Clinic tgħid li l-affarijiet jistgħu jkomplu jiggravaw

Malta għandha l-ogħla rata ta’ inċidenza tal-marda trażmessa sesswalment, is-Syphillis, mill-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea.

Fil-fatt pajjiżna għandu inċidenza ta’ nies infettati b’din il-marda li hija saħansitra d-doppju tal-medja Ewropea. Għalkemm tista’ tfieq mis-Syphillis, jekk mhux ikkurata tista’ toħloq kumplikazzjonijiet fil-moħħ u l-qalb.

L-istatistika li toħroġ minn rapport tal-Kummissjoni Ewropea ‘Health at a Glance Europe 2016’, ippubblikat din il-ġimgħa, turi illi minn kull 100,000 persuna f’Malta hawn 11.5 persuni li ġew dijanjostikati bis-Syphillis.

Dan huwa aktar mid-doppju tal-medja fil-pajjiżi kollha tal-UE fejn ir-rata hija ta’ 5 persuni minn kull 100,000. Imqabblin mal-ġirien Taljani fejn ir-rata hija l-aktar baxxa, Malta għandha rata 11-il darba iktar għolja ta’ nies li ġew infettati bis-Syphillis.

Is-Syphillis tittieħed u tinxtered pjuttost malajr permezz ta’ attività sesswali, li jinkludi sess orali u anali. Xi kultant din il-marda tista’ tittieħed permezz ta’ bews fit-tul ukoll. Jekk tkun infettata mara tqila, t-tarbija tittieħed u tista’ saħansitra tmut.

F’kummenti mal-ILLUM id-Direttur tal-GU Clinic Valeska Padovese spjegat kif hemm diversi raġunijiet għall-fatt li n-numru ta’ persuni infettati bis-Syphillis huwa l-ogħla f’Malta u li ‘nistgħu nistennew illi r-rata se tibqa’ tiżdied.’

Padovese tippunta subgħajha lejn nuqqas gravi ta’ għarfien imma wkoll lejn il-proliferazzjoni ta’ ‘Massage parlours’ f’pajjiżna. ‘Kulħadd jaf x’jiġri f’dawn il-ħwienet, mhux xi sigriet,’ kompliet issostni.

Hija tgħid li l-problema allura hija nuqqas ta’ għarfien dwar il-marda nnifisha, il-fatt li l-ħaddiema tas-sess li joperaw f’dawn il-ħwienet u l-ħaddiema tas-sess inġenerali mhux qed jiġu ‘screened’ u biex tikkumplika l-affarijiet, il-fatt li ftit nies jagħmlu check ups regolari.

Il-fatt li l-prostituzzjoni f’Malta għadha teżisti taħt mantell ta’ illegalità jfisser illi ħafna minn dawn il-ħaddiema tas-sess mhux qed ikunu ‘screened’ biex ikun aċċertat li ma jkunux qed iġorru mard trażmess mis-sess.

Il-ħaddiema tas-sess, min ikollu x’jaqsam magħhom u l-omosesswali fost is-setturi ‘high risk’  - Padovese

Mistoqsija minn din il-gazzetta jekk il-massage parlours humiex waħda mill-kaġuni jew il-kaġun ewlieni ta’ din iż-żieda fil-mard, Padovese sostniet li dawn huma parti mill-problema mhux il-problema nnifisha.

Hija sostniet ma’ din il-gazzetta iżda illi l-persuni eterosesswali li qed imorru l-klinika u jirriżulta li jkollhom is-Syphillis ħafna minnhom ikunu marru f’massage parlour u kellhom kuntatt sesswali ma’ prostituta jew mal-persuna li tathom is-servizz.

Padovese tgħid li mingħajr ma trid tidher illi qed tippunta subgħajha, ikollha tgħid il-fatti kif inhuma. “Apparti l-ħaddiema tas-sess hemm setturi oħrajn li huma ta’ riskju għoli, fosthom hemm il-komunità omosesswali.”

Mistoqsija jekk din iż-żieda tal-marda, li f’nofs is-snin 80 kienet rat tnaqqis qawwi u kważi eradikazzjoni kompleta, tistax ukoll tkun marbuta ma’ żieda fin-numru ta’ immigranti, hija sostniet li ma jirriżultax li din hija xi problema ta’ immigranti deħlin mill-Afrika imma, iktar minn hekk, marda relatata ma’ ħaddiema tas-sess minn pajjiżi fil-Punent tal-Ewropa.

Din l-istatistika għalkemm hija ta’ tħassib, tiġi wkoll wara snin ta’ twissijiet li s-sitwazzjoni ta’ mard sesswali f’pajjiżna qed taħrab mill-kontroll. Lura fl-2008 rapport wera li kienet diġà teżisti xejra ‘ta’ tħassib’ ta’ ‘sess każwali rampanti’.

F’rapport fuq is-Sunday Times tal-1 ta’ Ġunju 2008 l-eks Chairman tal-GU Clinic Philip Carabot kien qal li t-tixrid ta’ mard trażmess sesswalment kien qed jiġi sottovalutat. Sal-2008 kienu diġà ġew dijanostikati 18-il persuna f’sena waħda biss, ħafna minnhom nisa tqal.

Sal-2011 diġà kienu rreġistrati numri rekord ta’ Syphillis bin-numru ta’ każi jirdoppjaw mill-2010, b’total ta’ 24 każ sal-2011, b’46 każ. Carabot kien irrapurtat jgħid illi f’pajjiżna ‘għandna rata għolja ħafna ta’ sess każwali u rata baxxa ħafna ta’ nies li jużaw il-kondoms.

Malta bil-ħames l-ogħla rata ta’ HIV

Intant mill-istess rapport jirriżulta li Malta għandha l-ħames l-ogħla rata ta’ HIV fost il-pajjiżi membri tal-Unjoni Ewropea, bl-aktar tkun l-Estonja u l-inqas is-Slovakkja.

L-HIV jibqa’ l-akbar tħassib għas-sistema tas-saħħa fl-Ewropa, b’aktar minn 500,000 persuna infettati u bin-numru qed ikompli jikber.

Fl-2014, kien hemm sitt każijiet ġodda ta’ HIV f’kull 100,000 persuna, bi tliet kwarti tal-każijiet ikunu fost l-irġiel. 42% tal-każijiet waslu minn sess fost persuni omosesswali filwaqt li 33% kienu każijiet ta’ persuni eterosesswali. Il-każijiet ġodda baqgħu jiżdiedu sena wara l-oħra bl-istess rata sa mill-2008.

Is-sistema tas-saħħa f’Malta; tajba

Mir-rapport tal-Kummissjoni Ewropea deher biċ-ċar li s-sistema tas-saħħa f’Malta hija waħda tajba u dan qed jirriżulta fuq l-ammont tas-snin li persuna tgħix.

L-akbar problema ta’ saħħa li jirriżulta minn dan ir-rapport hija l-obeżità fejn għal darb’oħra pajjiżna rreġistra rata kbira ta’ persuni li huma obeżi, liema rata hija akbar mill-medja tal-Unjoni Ewropea u hija l-ogħla fl-Ewropa.

Ir-rapport jindika li s-sistema tas-saħħa ta’ pajjiżna se ssib quddiemha problemi ġodda li huma relatati mal-fatt li l-popolazzjoni qed issir aktar anzjana. Dan għaliex Malta kklassifikat bħala fost l-aktar pajjiżi fejn iċ-ċittadini jgħixu fit-tul.

F’parti mir-rapport li tista’ titqies bħala iktar pożittiva għal pajjiżna hija dik li titratta l-mard sesswali tal-Chlamidya u l-Gonorrhea b’rati baxxi ħafna ta’ nies infettati.

Fil-fatt, fil-każ tal-Chlamidya f’Malta r-rata hija ta’ 23 persuna kull 100,000 meta r-rata medja fl-UE hija ta’ 187 kull 100,000. Fil-każ tal-Gonorrhea f’Malta r-rata hija ta’ 12-il persuna għal kull 100,000, meta r-rata medja fil-pajjiżi tal-UE hija ta’ 20 persuna kull 100,000 persuna.

Syphillis: dak li għandek tkun taf dwarha…

  • Tinxtered permezz ta’ kuntatt sesswali, anke orali
  • Jekk inti tqila u tkun infettata, il-marda tista’ tgħaddi għand it-tarbija u tista’ saħansitra twassal għall-mewt tat-tarbija
  • Ma tistax tittieħed minn toilets, banjijiet, ħwejjeġ jew frieket u skieken
  • Bejn l-2005 u l-2013 kien hemm żieda qawwija ta’ infezzjonijiet
  • Wieħed mill-effetti huwa irritazzjoni fil-ġilda fejn jitilgħu qishom ulċeri fil-partijiet ġenitali wkoll. Dawn ifiequ f’temp ta’ sitt ġimgħat.
  • Effett ieħor huwa ta’ raxx f’saqajk u anke jdejk kif ukoll fil-ħalq u anke jintefħu l-glandoli
  • Is-Syphillis tistà tkun dijanjostikata b’mod faċli, sempliċiment minn test tad-demm
  • Jekk tkun infettat trid tastjeni mis-sess filwaqt li l-partner tiegħek għandu jkun ittestjat
  • Jekk ma titrattax il-marda tas-Syphillis jista’ jkollok problemi permanenti bħal dimensja, tibda titlef id-dawl u anke, f’xi każi, tmut.

More in Politika