Il-familja Caruana Galizia titlob li d-Deputat Kummissarju jitneħħa mill-investigazzjoni

  • Il-familja tisħaq li Silvio Valletta għandu kunflitt ta' interess għax martu Ministru
  • Jgħidu li qed jinżammu fid-dlam dwar l-investigazzjonijiet fuq il-qtil ta' Daphne Caruana Galizia

Id-Deputat Kummissarju ma' martu Justyne Caruana
Id-Deputat Kummissarju ma' martu Justyne Caruana

Il-familja ta' Daphne Caruana Gaizia qed jitolbu lill-Qorti Kostituzzjonali biex id-Deputat Kummissarju tal-Pulizija Silvio Valletta jitneħħa mill-investigazzjoni dwar il-qtil tal-istess Caruana Galizia permezz ta' bomba x-xahar li għadda. Huma qed jgħidu li dan jista' jkun li għandu kunflitt ta' interess, hekk kif martu hija l-Ministru t'Għawdex Justyne Caruana. 

L-Avukati tal-familja Caruana Galizia, Jason Azzopardi u Therese Comodini Cachia, qed jargumentaw illi hija ta' importanza personali kbira ħafna għall-familja ta' DCG li l-investigazzjoni issir skont il-prinċipji fundamentali tad-dritt tal-ħajja u d-dritt ta' smiegħ xieraq. 

'Id-Deputat Kummissarju huwa persuna politikament esposta, hekk kif definit fil-liġi, minħabba li huwa miżżewweġ ma' Ministru, filwaqt li huwa wkoll il-persuna appuntata fuq il-Bord tal-Financial Intelligence Analysis Unit (FIAU)', tgħid l-applikazzjoni tal-familja Caruana Galizia li tressqet quddiem il-Qorti illum. Il-familja qalet illi l-involviment ta' Valletta fl-investigazzjoni jista' iwaqqaf jew ibiddel mill-oġġettività tal-analiżi tal-evidenza. 

Il-familja qalet li mhux qed tinżamm infurmata bl-iżviluppi tal-investigazzjoni u qed issir taf l-affarijiet mill-midja. Il-familja Caruana Galizia kienet diġa talbet biex il-Maġistrat fl-investigazzjoni ma tibqax Consuelo Scerri Herrera, u dan minħabba li din kienet ta' sikwit fil-mira ta' Caruana Galizia. Din it-talba kienet milqugħa. 

Il-familja ta' Daphne Caruana Galizia fi Brussell
Il-familja ta' Daphne Caruana Galizia fi Brussell

 

More in Politika