Editorjal Speċjali | Pajjiżna ma jixraqlux hekk. Pajjiżna jixraqlu ferm aħjar minn hekk.

Il-qtil ta' Daphne Caruana Galizia, il-kisbiet tagħha u l-kitbiet tagħha, il-Korp tal-Pulizija, s-sigurtà fl-ibħra ta' madwarna u Malta tagħna...

 

Il-bandietra ta' pajjiż b'dinjità u kburija tperper biex tfakkarna li din l-art ħelwa hija tagħna biex ngħożżuha, mhux nużawha
Il-bandietra ta' pajjiż b'dinjità u kburija tperper biex tfakkarna li din l-art ħelwa hija tagħna biex ngħożżuha, mhux nużawha

Il-mewt kerha. Il-qtil huwa agħar. Il-qtil biex iżżomm lil xi ħadd fis-silenzju, ħalli tkun tista’ tibqa’ għaddej bil-ħniżrijiet hija l-agħar forma ta’ viljakkerija minn min hu korrott, bla ħniena u min għalih il-valur tal-ħajja ma jeżistix. Ta’ min għandu x’jaħbi u min għandu xi jgawdi. U min għandu x’jaħbi u min għandu xi jgawdi mill-mewt ta’ Caruana Galizia? Min kellu l-faħam miblul? Min kellu ħobżu maħbuż bil-mewt ta’ din il-mara? Fl-interess ta’ min seħħ dan l-attakk kodard li ħalla ġurnalista mejta u isem pajjiżna mċappas ma’ kull rokna tad-dinja?

Qabel biss nispekulaw, u min qed jispekula u agħar minn hekk min qed jagħmel assunzjonijiet politiċi qed jagħmel żball kbir, irridu nħallu lill-awtoritajiet u lil min huwa involut jagħmel xogħlu u jasal biex b’xi mod isolvi dil-kobba mħabbla. U hija kobba mħabbla tassew. Daphne Caruana Galizia tibqa’ persuna maħbuba minn ħafna li għalihom kienet qisha l-vanġelu u mibgħuda minn ħafna oħrajn, li għalihom ma kienet xejn għajr mara li tivvinta u tweġġa’ minn wara l-laptop, u fil-proċess tkisser il-ħajjiet tan-nies. Għal min kienet ‘saħħara’ u għal min kienet ‘l-iprem ġurnalista ta’ Malta’.

kull għajta ta’ ‘qtil politiku’ kienet prematura u immatura, tant li kellha tkun ikkwalifikata minn min qalha

Fil-fatt, il-verità tinsab xi mkien fin-nofs. Dan l-editorjal iħoss li Daphne Caruana Galizia kellha biżżejjed kuntatti u sorsi, li ma kellhiex bżonn titħalla tintuża minn min ried jużaha għall-iskopijiet purament partiġġjani. Caruana Galizia, kixfet il-fatt li l-Ministru Konrad Mizzi flimkien maċ-Chief of Staff tal-PM kellhom kumpanija l-Panama, kixfet kont bankarju f’Jersey tal-Kap tal-Oppożizzjoni preżenti u allegat li ntuża għall-prostituzzjoni u kixfet ukoll diversi stejjer oħrajn li ċaqalqu dan il-pajjiż mill-fundament tiegħu. Fil-fatt meta wieħed ipoġġi kollox fil-miżien, il-kxif tal-istorja tal-Panama kienet l-akbar kisba ġurnalistika li Caruana Galizia qatt setgħet għamlet u l-akbar kisba ġurnalistika li qatt għamel ġurnalist fis-snin riċenti. Storja li heżżet mill-pedament lill-klassi politika, imma speċjalment lill-Gvern Laburista. Ftit hemm ġurnalisti li kapaċi jiktbu storja li jkollha l-istess effett. U bil-wisq inqas hemm ġurnalisti li jibqgħu determinati wara li jagħmlu dan.

Dan minnu nnifsu jikkonferma l-isfortuna ta’ kemm il-persuna ma kellhiex għalfejn tuża l-pinna biex xi minn daqqiet tatakka lin-nies bl-aktar mod klassist, skont l-apparenza jew inkella skont il-partit.

Hu x’inhu, xorta jibqa’ l-fatt li Caruana Galizia rifset ħafna kallijiet, kif wara kollox suppost jagħmel ġurnalist u meta tirfes ħafna kallijiet, iddejjaq ħafna nies. U meta ddejjaq ħafna nies, tikkrea reazzjoni. U min jiftaħlek libell, u min joffendik u min jaqta’ l-kuntatti minn miegħek. Imbagħad sfortunatament hemm min jasal biex joqtol. Traġikament, jidher li Caruana Galizia rifset kallu ta’ min kien lest mhux biss joqtolha, imma juża l-istess splussiv li ntuża biex iwaqqa’ ajruplan, biex jeliminaha minn fuq wiċċ id-dinja.

Mod wieħed biss hemm biex ma jerġax ikollna sħaba sewda fuq Kummissarju tal-Pulizija f’mument ta’ kriżi; Li tintlaqa’ l-proposta Nazzjonalista biex il-Kummissarju jkun maħtur biż-żewġ terzi

U għalhekk irridu noqogħdu attenti. U għalhekk kull għajta ta’ ‘qtil politiku’ kienet prematura u immatura, tant li kellha tkun ikkwalifikata minn min qalha. Għalhekk għandna nistennew u nħallu l-investigazzjoni li qed issir mill-Pulizija Maltija, flimkien mal-FBI u tim forensiku mill-Olanda, tieħu l-kors kollu tagħha.

Minkejja dan u minkejja li nifhmu li l-Pulizija trid titħalla tagħmel xogħolha fis-serenità, jkollna ninnutaw b’dispjaċir illi meta wasal għall-akbar test, il-Korp tal-Pulizija jinsab f’fondoq f’dak li jirrigwarda l-fiduċja tal-pubbliku. Huwa minnu li l-Partit Nazzjonalista fetaħ attakk kontinwu li m’għamel ġid xejn għall-immaġini tal-korp, jew aħjar fuq il-Kummissarji li kellu, imma huwa minnu wkoll li Gvern Laburista f’dawn l-aħħar erba’ snin u nofs għamel għażliet li ma jirrispettawx it-talba biex il-Kummissarju jkollu l-appoġġ tal-oqsma kollha politiċi u tal-poplu inġenerali.

Ikun ta’ xejn li l-PM Muscat ifakkar li hu seta’ kkritika biex jimmina lill-istituzzjonijiet imma m’għamilhiex, għax il-punt jibqa’ li seta’. Il-punt jibqa’ li għax il-Kummissarju huwa appuntat politikament, l-għażla tal-Gvern tal-ġurnata, jibqa’ miftuħ għall-kritika, kemm kostruttiva, imma wkoll għal ħafna kritika partiġġjana u distruttiva.

Xi ħadd huwa konċernat f’din il-bużżieqa jisimha Malta, li madwarna għaddejja attività tal-biża’ u li taħtna għandna pajjiż fi stat anarkiku. Xi ħadd jimpurtah? Fejn taf, forsi Daphne Caruana Galizia kien jimpurtaha u ħallset prezz qares? Min jaf?

Mod wieħed biss hemm biex ma jerġax ikollna sħaba sewda fuq Kummissarju tal-Pulizija f’mument ta’ kriżi; li tintlaqa’ l-proposta Nazzjonalista biex il-Kummissarju jkun maħtur biż-żewġ terzi. B’hekk biss naċċertaw li f’dan il-pajjiż polarizzat, fejn jeżistu żewġ tribujiet u fejn l-għan aħħari jidher li  jiġġustifika kull mezz, li kull min imexxi l-Korp tal-Pulizija jkollu l-akbar fiduċja politika. Biex meta jerġa’ jkollna kriżi li fiha l-ħidma tal-Pulizija tkun ċentrali, il-Kummissarju jkun jikkmanda r-rispett assolut ta’ min huwa ta’ rieda tajba. Hekk hu sewwa u hekk hu xieraq.

Lil hinn minn dan iżda l-klassi politika u aħna lkoll bħala stat irridu nagħtu ħarsa tajba madwarna. Kemm hi sigura Malta? X’qed jiġri madwarna? X’qed jiġri fl-ibħra tagħna? X’inhu għaddej minn pajjiżna?  Sirna gżira li minnha jew minn ħdejha jgħaddu ċrieki kriminali li jmexxu traffikar tal-bnedmin, żejt, kuntrabandu, drogi u aktar? Apparti l-hubs kollha li niftaħru li rridu nsiru (u li ħafna minnhom għadhom fuq il-karta), Malta qed issir hub ta’ kriminalità wkoll? Ftaħna l-bibien beraħ biex jgħaddi kulħadd qisna passatur, mingħajr ebda kontrolli?

Għalfejn ħadd, imma ħadd f’dan il-pajjiż mhu qed jitkellem dwar il-baħar ta’ madwarna? Baħar mimli bi kriminali,iktar milli b’ħut.

Pajjiżna ma jixraqlux li jerġa’ jgħaddi minn din it-traġedja. Pajjiżna jixraqlu aħjar, ħafna aħjar minn hekk. Pajjiżna ma jixraqlux li jkun mekka ta’ ħażen u kuritur għall-korrotti u l-kriminali. Pajjiżna jixraqlu l-aqwa u l-aħjar

U x’għandu x’jaqsam dan kollu mal-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia? Min jaf, xi ħadd jaf? Xi ħadd staqsa? Xi ħadd huwa konċernat f’din il-bużżieqa jisimha Malta, li madwarna għaddejja attività tal-biża’ u li taħtna għandna pajjiż fi stat anarkiku. Xi ħadd jimpurtah? Fejn taf, forsi Daphne Caruana Galizia kien jimpurtaha u ħallset prezz qares? Min jaf?

Hu x’inhu, din il-ġimgħa ntilfet ħajja bl-aktar mod brutali. Hu x’inhu, isem pajjiżna kien imperreċ u mħammeġ bl-aktar mod terribbli madwar l-Ewropa u madwar id-dinja. Hu x’inhu, din kienet ġimgħa kerha ħafna  għal pajjiżna. Kienet ġimgħa illi se tibqa’ mfakkra għas-swidija tagħha.

Imma lil hinn minn hekk, kienet ġimgħa li minnha rridu nitgħallmu. Trid tkun ġimgħa li fiha niftakru li l-libertà tal-espressjoni hija valur imprezzabbli, trid tkun ġimgħa illi fiha niftakru li minkejja d-differenza, ir-rispett għandu jirabaħ fuq kollox. Hija ġimgħa illi fiha rridu niftakru u nfakkru li dan il-pajjiż ma jista’ qatt jinżel għarkopptejh quddiem il-forzi korrotti tal-ħażen, il-mibgħeda u r-rgħiba.

Pajjiżna ma jixraqlux li jerġa’ jgħaddi minn din it-traġedja. Pajjiżna jixraqlu aħjar, ħafna aħjar minn hekk. Pajjiżna ma jixraqlux li jkun mekka ta’ ħażen u kuritur għall-korrotti u l-kriminali. Pajjiżna jixraqlu l-aqwa u l-aħjar.

Dan l-Editorjal jixtieq itemm billi jgħaddi l-kondoljanzi lil familja Caruana Galizia u speċjalment lil dak it-tifel li kellu l-iżvintura krudili li jara lil ommu mbiċċra. Ħadd ma ħaqqu hekk, ħadd u qatt. 

Ejja nużaw dan il-kapitlu iswed, biex nibdew mill-ġdid. 

Xemgħat u nota fuq il-ġurnalista li nqatlet | Ritratt james Bianchi
Xemgħat u nota fuq il-ġurnalista li nqatlet | Ritratt james Bianchi

More in Politika