Muscat; 'Mhux se nippunta swaba...għadu wisq prematur'

Il-Prim Ministru intervistat fuq l-istazzjon CNN dwar il-qtil ta' Daphne Caruana Galizia

Il-Prim Ministru Joseph Muscat
Il-Prim Ministru Joseph Muscat

Il-Prim Ministru Joseph Muscat f'intervista fuq l-istazzjon CNN insista li mhux se jippunta swaba' lejn ħadd, "għadu wisq prematur", sostna Muscat.

"Huwa prematur biex ngħidu min seta' għamilha din, li nista ngħid huwa li qed nieħdu dak li ġara b'serjetà kbira," saħaq il-PM Malti. "Ninsabu mweġgħin," qal Muscat li kien mistoqsi wkoll dwar l-aħħar blogg li tellgħet Caruana Galizia, jiġifieri dak illi fih hija akkużat liċ-Chief of Staff tal-PM li huwa kriminal (crook) u qalet ukoll li pajjiżna mimli kriminali, kull fejn tħares. Mistoqsi jekk iħossx li dan l-artiklu kellux rabta mal-qtil, Muscat wieġeb li mhux ġust li wieħed jassoċja l-aħħar sentenza li kitbet fuq il-blogg, mal-qtil tagħha. 

"Qalet ħafna affarijiet qabel li kienu iktar ħorox, anke fil-konfront tiegħi. Kienet ilha tikteb kontrija għal aktar minn 10 snin, imma aħna dejjem ittollerajna l-veduti differenti. Hi kellha dritt tgħid li tħoss, kif kelli dritt jien immur il-Qorti jekk ħassejtni inġurjat. Hekk isiru l-affarijiet f'demokrazija u għalhekk aħna ixxukkjati b'dak li ġara." 

"Bħala Prim Ministru aħna rridu nkunu ċerti li kulħadd għandu d-dritt li jgħid dak li jrid u jħoss," sostna Muscat

 

More in Politika