L-Imħallef Mizzi se jkompli bis-smigħ tal-appelli tal-Panama Papers

Busuttil kien talab li l-Imħallef Mizzi m’għandux jisma’ u jiddeċiedi fuq dawn l-appelli għax huwa r-raġel tal-MEP Laburista Marlene Mizzi 

Ritratt | Arkivji
Ritratt | Arkivji

Simon Busuttil se jressaq rikors quddiem il-Qorti Kostituzzjonali wara li l-Imħallef Antonio Mizzi se jkompli jisma’ hu l-appelli dwar każijiet ta’ allegat ħasil ta’ flus assoċjati mal-Panama Papers.

Busuttil kien talab li l-Imħallef Mizzi m’għandux jisma’ u jiddeċiedi fuq dawn l-appelli għax huwa r-raġel tal-MEP Laburista Marlene Mizzi.

L-appelli saru mill-Prim Ministru Joseph Muscat, il-Ministru Konrad Mizzi u c-Chief of Staff Keith Schembri fost l-oħrajn, fuq id-deċiżjoni tal-Maġistrat Ian Farrugia, li ssir inkjesta.

Il-Maltatoday qed tirrapporta li l-Imħallef Mizzi enfasizza li hu qatt ma kien membru ta’ partit politiku u qatt ma għadda kummenti politiċi fil-pubbliku.

Qal li għalkemm martu hija MEP Laburista ma jfissirx li necessarjament hu jaqbel mal-opinjonijiet politiċi tagħha.

Quddiem il-bini tal-Qorti, Simon Busuttil ħabbar li se jressaq it-talba tiegħu fil-Qorti Kostituzzjonali.

Il-każ se jkompli fis-6 ta’ Novembru li ġej.

More in Politika