Politika Kronaka Soċjali Intervisti Zekzik Poodle Għawdex Qrati u Pulizija Kummerċjali

[Aġġornat] Il-PN juri lil Adrian Delia il-bieb ta' barra...

  • Il-Kunsill Amministrattiv jitlob lil Adrian Delia biex 'jikkunsidra l-pożizzjoni tiegħu' bħala kandidat għal Kap tal-PN
  • Adrian Delia ikkunsidra u se jibqa' fit-tiġrija 'biex il-partit ma jibqax tal-ftit imma jsir tal-ħafna'

Albert Gauci Cunningham / 30 t'Awwissu 2017 23:09
Adrian Delia..il-PN qed jgħidlu biex 'jikkunsidra' l-pożizzjoni tiegħu
Il-Kunsill Amministrattiv ħareġ bid-deċiżjoni tiegħu u qed iħeġġeġ lil Adrian Delia biex jikkunsidra l-pożizzjoni tiegħu bħala kandidat għall-kariga tal-PN, fi ftit kliem qed jitolbu jikkunsidra li jirtira. Din it-talba qed issir 48 siegħa biss qabel mal-Kunsillieri jibdew jivvutaw. 

Minkejja dan, l-istess Kunsill ma sab xejn ħażin fil-kandidaturi ta' Frank Portelli, Alex Perici Calascione jew Chris Said. 

Fl-istqarrija l-Kunsill sostna li jinnota li, “filwaqt li japprezza l-limitazzjonijiet, inkluż ta’ kunfidenzjalità  professjonali li jista’ għandu Dr Delia bħala avukat, il-Kumitat iqis li hemm aspetti oħra pendenti li għadhom m’humiex verifikati, u li Dr Delia baqa’ ma spjegax, kemm dwar il-kont f’Barclays International Jersey Bank allegatament f’isem Dr Delia, l-iskop u l-użu ta’ dan il-kont u l-legalita’ tal-provenjenza ta’ dawn il-fondi.”

Il-Kumitat ta’ Etika irriżultalu wkoll li “fl-1 ta’ Lujlu 2003 il-Pulizija Ingliża għamlet raid fuq proprjetà ta’ Healey Properties li kienet mikrija lil terzi, f’liema kumpanija Dr Delia kien Direttur kif kien ukoll Dr Chris Cardona. Mir-raid irriżulta li l-post kien qed jintuża minn terzi għal skopijiet ta’ prostituzzjoni. Dr Delia u Dr Chris Cardona irriżenjaw minn Diretturi ta’ din il-kumpanija f’Diċembru tal-istess sena.”

"Kieku kont minflok Adrian Delia, jien kont nirtira "
Simon Busuttil, Kap uxxenti
Fid-dawl ta' din l-istqarrija l-Kunsill Amministrattiv qal li "jkun xieraq li Adrian Delia, minn jeddu, jirrikkunsidra l-pożizzjoni tiegħu bħala kandidat għal din l-elezzjoni."

Fl-ewwel kummenti tiegħu Delia qal li l-establishment tal-partit qed jipprova jħammeġ ismu u jinfluwenza. "Nhar is-Sibt nitlob lill-Kunsillieri biex jivvutaw għall-bidla, ħalli l-partit jsir tal-ħafna, ma jibqax tal-ftit." Delia qal li se jmur għall-elezzjoni għax il-Kumitat tal-Etika ma sab xejn kontrieh, tant li lanqas seta' mqar joħroġ imqar sanzjoni kontrieh. "Ma sabu xejn ħażin u ħadd, qatt mhu se jsib xejn ħażin," sostna Delia li qal ukoll illi lilu l-Ammistrattiv qatt ma tkellmu miegħu. 

Delia qal li ltaqa' ma' Simon Busuttil ilejla stess u talbu jurih oġġett jew punt wieħed li m'għamlux idoneu għll-kap tal-PN, "u Simon Busuttil ma weġibnix." 

Intant il-Kap tal-PN f'kummenti lill-ġurnalisti li kienu mxandra diretti fuq l-istazzjon tal-Partit Laburista, ONE, qal li kieku kien hu, iffaċċjat bir-rapport kien jiritra. 

 

Albert Gauci Cunningham, 32 sena, ġie appuntat Editur tal-gazzetta Illum u tas-sit illum.com.mt f'Ġunju tal-2015. Gauci Cunningham kien ġurnalista mal-Union Print. Gauci Cunningham jispeċjalizza l-aktar fi stejjer analitiċi-politiċi u anke soċjali li l-gazzetta ILLUM issa saret iktar popolari għalihom, kif ukoll fi stejjer relatati ma' politika nazzjonali u internazzjonali. Gauci Cunningham irraporta minn diversi Istituzzjonijiet Ewropej. Għall-qalb Gauci Cunningham hemm kwistjonijiet soċjali, fosthom il-faqar, il-kirjiet u l-ġustizzja soċjali.
Stħarriġ
Segwina fuq Facebook