Aġġornata | Il-Kunsill Amministrattiv tal-PN se jiltaqa' b'urġenza biex jiddeċiedi dwar Adrian Delia

Wara talba tal-kunsillier Nazzjonalista Charlot Cassar li jitlob illi jittieħdu 'passi xierqa'

Aktar kmieni llum il-President tal-Kunsill Amministrattiv tal-Partit Nazzjonalista rċieva talba biex l-Kunsill Amministrattiv jikkunsidra l-kontroversja li nqalgħet dwar Adrian Delia, wieħed mill-kandidati għall-elezzjoni ta’ Kap tal-Partit Nazzjonalista u jieħu l-passi li jidhirlu xierqa u meħtieġa fiċ-ċirkostanzi. 

Din it-talba saret mill-Kunsillier Charlot Cassar u fiha spjega li huwa jħoss li t-tesserati u l-Kunsilliera tal-Partit Nazzjonalista għandhom id-dritt li jkunu jafu l-fatti dwar l-erba’ kandidati qabel jagħmlu l-għażla tagħhom dwar min minnhom għandu jmexxi l-Partit fis-snin li ġejjin. Cassar spjega wkoll li huwa jemmen li kull kandidat li dwaru ssir kwalunkwe allegazzjoni għandu d-dritt li jiddefendi ruħu kif ukoll l-obbligu li jagħti rendikont ta’ għemilu lil min qed jitolbu jagħtih il-fiduċja biex ikun fl-ogħla kariga fil-Partit.

Għalhekk se ssir laqgħa urġenti tal-Kunsill Amministrattiv nhar it-Tnejn li ġej filgħaxija biex jiġi diskuss u deċiż x’passi għandhom jittieħdu skont dak li jipprovdi l-Istatut tal-Partit Nazzjonalista.

'Ismi mhu qiegħed taħt l-ebda dell ikrah'

Intant, waqt konferenza tal-aħbarijiet li indirizza l-kandidat għal kap tal-PN Adrian Delia, sostna li ismu ma jinsabx taħt xi dell ikrah. Fil-fatt, meta mistoqsi minn din il-gazzetta dwar jekk iħossx li l-pożizzjoni tiegħu għadhiex tenibbli fid-dawl tar-rapporti li nħarġu kontrih, u allura d-dell ikrah li ntefa' fuqu, Delia sħaq li dan mhux minnu. "Jien qatt m'għamilt xejn ħażin. Qatt ma gdibt lanqas meta ma kelliex ir-responsabbiltà politika, aħseb u ara issa."

Waqt il-konfereza stampa , Delia ddeskriva din it-tellieqa bħala '"l-iżjed kampanja elettorali maħmuġa u vendikattiva li qatt esperjenzajt."
Hu tkellem dwar il-bosta "rakkonti" li Caruana Galizia ippubblikat fil-ġranet li għaddew, fosthom dwar l-allegazzjoni li Delia ibbenefika minn flus iġġenerati mill-prostituzzjoni. Dwar dan, Delia qal li l-binja f'nofs din l-allegazjoni qatt ma kienet maħsuba għal dawk l-attivitajiet iżda kien biss ksur ta' klawżola mill-inkwilin li ddeċieda juża din il-binja għal attivitajiet illeċiti.
Dwar l-apoġġ li rċieva mingħand Frank Portelli kandidat ieħor ghat-tmexxija tal PN, Delia sostna li hu qatt ma rrċieva apoġġ simili mill-amministrazzjoni Nazzjonalista u filwaqt li iddeskriva dan l-apoġġ bħala 'deċiżjoni umana'.
Delia qal li "l-għazla hija ċara għan-nies fit-toroq li jridu mod ġdid ta' politika, mhux il-ħakma tal-ftit fuq il-partit tagħna."

More in Politika