Ċertifikat pożittiv għall-ekonomija ta' Malta...konferma ta' klassifikazzjoni 'A'

L-aġenzija ta’ kreditu DBRS tbiddel it-tendenza għall-pożittiv u tikkonferma l-klassifikazzjoni ta' kreditu 'A'

Wara l-aġġornamenti tal-klassifikazzjonijiet tal-kreditu minn Standard and Poor’s kif ukoll minn Fitch, aġenzija oħra magħrufa għall-klassifikazzjoni ta’ kreditu indipendenti, DBRS affermat il-klassifikazzjoni tal-kreditu ta’ Malta ta’ ‘A’ filwaqt li bidlet it-tendenza tal-klassifikazzjonijiet għall-pożittiv.

Il-Ministru għall-Finanzi Edward Scicluna saħaq li wara li erba’ snin ilu, il-Gvern wiegħed titjib fil-klassifikazzjoni tal-kreditu tal-pajjiż, “illum żammejna mal-wegħda tagħna biex pajjiżna jkun aktar attraenti għal investituri barranin.”

DBRS irrikonoxxiet li wara proċess ta’ konsolidazzjoni fiskali mill-2013, l-eżiti fiskali ta’ Malta daħlu aħjar milli kien mistenni fl-2016 meta deċenji ta’ żbilanċi fiskali nbidlu għal bilanċi favorevoli. L-aġenzija tal-klassifikazzjoni tal-kreditu nnutat ukoll li fl-2016 il-proporzjon tad-dejn tal-Gvern, li kien diġà 12-il punt perċentwali inqas mill-quċċata tiegħu tal-2011, waqa’ taħt is-60% tal-GDP. DBRS tattribwixxi t-titjib fil-finanzi pubbliċi għal “dħul qawwi kif ukoll moderazzjoni fin-nefqa, u appoġġat minn qafas fiskali msaħħaħ.”

Ir-rapport jinnota wkoll li l-prestazzjoni fiskali żejda wasslet biex Malta tikkonforma mar-regola tal-bilanċ baġitarju, ir-regola tad-dejn u l-punt ta’ referenza tan-nefqa tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir tal-UE fl-2016.

L-aġenzija DBRS issostni b’mod pożittiv li t-titjib importanti fil-pożizzjoni fiskali matul l-aħħar tliet snin x’aktarx se jibqa’ jiġi sostnut. Pożizzjoni baġitarja soda flimkien ma’ tkabbir sod, huma mistennija li jwasslu għal aktar tnaqqis fil-proporzjon tad-dejn pubbliku.”

DBRS tirrikonoxxi l-isforzi tal-Gvern biex jindirizza sfidi strutturali u fiskali inklużi r-ristrutturar tal-Enemalta u tal-Air Malta, u miżuri li jindirizzaw l-evażjoni tat-taxxa u l-informalità.

DBRS tinnota li għalkemm l-ispejjeż marbuta mal-età għadhom sfida b’mod partikolari fil-pensjonijiet, il-Gvern implimenta diversi riformi biex jgħin is-sostenibbiltà fit-tul tas-sistema inklużi miżuri li jiskoraġġixxu l-irtirar kmieni mix-xogħol u jtawlu l-perjodu kontributorju.

Skont l-aġenzija tal-klassifikazzjoni tal-kreditu x-xejra pożittiva tirrifletti wkoll it-tkabbir qawwi reġistrat mill-ekonomija Maltija fl-aħħar snin kif ukoll il-pożizzjoni esterna solida tagħha. Dwar dan tal-aħħar, DBRS tinnota li għalkemm il-proporzjon tal-importazzjoni fl-investiment jibqa’ għoli, dan naqas u l-bilanċ pożittiv tal-kont kurrenti hu appoġġat minn esportazzjonijiet konsiderevoli tas-servizzi.

More in Politika