'Eħfef kieku x-xogħol ta' sindku jkun full time...il-politika hi ħaġa serja, mhux ta' part time'

Is-sindku Graziella Galea u l-eks sindku u deputata Rosianne Cutajar jaqblu mal-proposta ta' Chris Said li s-sindki jsiru full time

Waqt konferenza tal-aħbarijiet nhar is-Sibt li għadda, il-kandidat għat-tmexxija tal-Partit Nazzjonalista, Chris Said propona li s-sindki tal-lokalitajiet isiru full time, sabiex ikun hemm iktar ħin biex issir ħidma effettiva min-naħa tal-kunsill. Huwa semma’ wkoll proposti oħra biex jiġu mfassla skemi ġodda biex kunsilleri u sindki jkunu jistgħu jieħdu ġranet frank mill-impjieg tagħhom biex jiddedikaw iktar ħin fuq ix-xogħol tal-lokalità. “Ix-xogħol qed jiżdied, jekk jiżdiedu r-responsabbiltajiet, irridu naraw il-possibbilità li sindki jkunu full time," sostna Said.

Din il-proposta fil-fatt diġà kienet saret mill-kunsillier Laburista Desmond Zammit Marmara f’artiklu ppubblikat fuq il-gazzetta The Times nhar l-Erbgħa 29 ta’ Ottubru 2014.

Fl-artiklu huwa kien sostna hekk, “huwa fl-aħjar interess tar-residenti li jkollhom sindki li jiddedikaw il-ħin kollu tagħhom lil-lokalità li jmexxu.”

Il-gazzetta ILLUM għamlet kuntatt mas-sindku ta’ San Pawl il-Baħar Graziella Galea u d-deputata Rosianne Cutajar, eks sindku ta’ Ħal Qormi sabiex tistaqsihom dwar jekk jaqblux mal-proposti ta’ Chris Said rigward il-kunsilli lokali.

‘Ikun eħfef kieku dan ix-xogħol isir fuq bażi ta’ full time’

F’kuntatt mal-gazzetta ILLUM, Graziella Galea sindku ta’ San Pawl il-Baħar sostniet li bħala parti minn kunsill, il-ħin li tiddedika għal-lokalità joħodlok ammont sostanzjali mil ġurnata tiegħek, u għalhekk ikun eħfef kieku dan ix-xogħol issir fuq bażi ta’ full time.

Galea saħqet li l-ħin limitat huwa jinfluenza l-effettività tal-ħidma tas-sindki u kunsilliera, hi qalet li “huwa importanti li sindku jkollu l-ħin biżżejjed li jagħmel dak li veru jkun jixtieq jagħmel.”

Meta mistoqsija fuq il-proposta li għamel Chris Said, dwar il-ħtieġa li jkun hemm skema fejn kunsilliera u sindki jingħataw ġranet frank dan sabiex jiddedikaw iktar ħin għall-ħidma tal-kunsill. Is-sindku qalet li jeħtieġ ikun hemm studju intensiv dwar dan.

Galea sostniet li bis-sistema preżenti ta’ Kunsilli hija pjuttost diffiċli biex tlaħħaq mal-familja, karriera u fl-istess ħin ix-xogħol tal-Kunsill. Galea saħqet ukoll fuq il-bżonn li jkun hemm iktar espożizzjoni għax-xogħol li jwettqu l-Kunsilli hekk kif il-maġġoranza taċ-ċittadini rari jkunu jafu d-deċiżjonijiet u x-xogħol li jkun sar wara kull proġett.

‘Il-politika hija ħaġa serja u mhux xi ħaġa ta’ part-time’

F’kuntatt mal-gazzetta ILLUM, il-membru parlamentari u eks Sindku ta’ Ħal Qormi Rosianne Cutajar qalet li taqbel li s-sindki għandhom jibdew joperaw fuq bażi ta full time waqt li żiedet tgħid li taqbel ukoll li anke l-membri parlamentari għandhom ikunu full time, hekk kif il-politika hija ‘ħaġa serja’ u mhux xi ħaġa li għandha tiġi prattikata part time.

Cutajar sostniet li r-responsabbiltà ta’ sindku speċjalment f’lokalitajiet kbar hija waħda enormi u jistħoqqilha ħafna ħin u enerġija.

Id-deputata qalet; “nemmen li l-politiku għandu jkun iffukat u allura iva għandhom ikunu full time”

Cutajar saħqet ukoll li wieħed għandu wkoll jikkunsidra kemm hu viabbli li jkollok Kunsill għal lokalitajiet żgħar ħafna.

Minkejja li qablet mal-proposta ta’ Chris Said, Rosianne Cutajar qalet li Chris Said “ma għandux kompetenza fuq Kunsilli Lokali għaliex ħa għadd ta’ deċiżjonijiet żbaljati li bihom affettwa l-operat tal-Kunsill b'mod negattiv.”

More in Politika