L-Awtorità tad-Djar se tibda tikri mill-privat biex tgħin lil min jinsab fil-kera

L-Awtorita tniedi 'Skema Kiri' biex tiżdied l-akkomodazzjoni affordabbli

Is-Seg Parlamentari Roderick Galdes waqt it-tnedija ta' Skema Kiri
Is-Seg Parlamentari Roderick Galdes waqt it-tnedija ta' Skema Kiri

Is-Segretarjat Parlamentari għall-Akkomodazzjoni Soċjali nieda skema ġdida li tippermetti lill-Awtorità tad-Djar tikri residenzi mill-privat u tikrihom lura b’mod sussidjat lil dawk li qegħdin fuq il-lista ta’ stennija għal akkomodazzjoni affordabbli.

Is-Segretarju Parlamentari għall-Akkomodazzjoni Soċjali Roderick Galdes qal li b’din l-iskema, l-Awtorità tad-Djar se tkun qed timmira li tkabbar l-istock ta’ binjiet, u b’hekk tkun f’pożizzjoni li tassisti numru akbar ta’ nies f’akkomodazzjoni affordabbli. 

L-iskema mnedija tapplika għal sidien ta’ residenzi fi stat finished jew shell, u bil-permessi ta’ pjanar approvati. Postijiet li għadhom fuq il-karta iżda approvati mill-Awtorità tal-Ippjanar ukoll huma eleġibbli li japplikaw, sakemm dawn jgħaddu lill-Awtorità tad-Djar fi stat finished.

“Se nkunu qed nagħtu bosta inċentivi biex din l-iskema tkun suċċess. Minbarra l-fatt li min se jikri lill-gvern se jkollu garanzija ta’ pagament għal għaxar snin, id-dħul minn residenzi mikrija taħt din l-iskema se jkun ukoll eżentat mit-taxxa,” spjega is-Segretarju Parlamentari Roderick Galdes.

L-offerti se jkunu kkunsidrati minn panel indipendenti li se jevalwa l-aħjar offerti u jagħmel l-għażla tiegħu abbażi ta’ liema propjetà taqdi l-aktar il-ħtiġijiet u l-esiġenzi tal-klijenti tal-Awtorità tad-Djar. Lista dettaljata tal-kundizzjonijiet kollha hi aċċessibbli mis-sit housingauthority.gov.mt. L-applikazzjonijiet jistgħu jibdew jinġabru mill-1 ta’ Settembru 2017 mill-uffiċċji tal-Awtorità tad-Djar fil-Furjana.

 

 

More in Politika