Kunsillier tal-PN jgħid li qala' żewġ transfers fi ftit ġimgħat...jiftaħ protest ġudizzjarju kontra l-Gvern

Charlot Cassar jgħid li dan juri illi l-Gvern preżenti a jaħdimx ma' min ma jaqbillux u jgħid li se jkompli jikkritika fejn iħoss il-bżonn

Dalgħodu l-Kunsillier u kandidat tal-PN fl-aħħar elezzjoni Charlot Cassar qal li kien kostrett jippreżenta protest ġudizzjarju kontra Transport Malta wara li "għall-ebda raġuni valida, qlajt transfer minn Transport Malta, l-ewwel għall-Ministeru tal-Affarijiet Ewropej u l-Ugwaljanza, imbagħad ftit tal-jiem wara, lejn id-Dipartiment tas-Sajd. Dan m’hu xejn għajr transfer vendikattiv fil-konfront tiegħi minħabba l-kandidatura tiegħi mal-Partit Nazzjonalista u l-Forza Nazzjonali fl-elezzjoni ġenerali li għaddiet," allega l-istess Cassar.

Cassar, li kien sar wiċċ popolari l-aktar fi żmien meta kienu qed isiru protesti kontra l-iżvilupp propost fiż-Żonqor, sostna illi t-transfer li qala' huwa, "eżempju konkret ta’ kemm l-għaqda nazzjonali li tant tkellem dwarha l-Prim Ministru lejliet u wara l-aħħar elezzjoni ġenerali hi ħrafa mill-bidu sal-aħħar. Hi ħrafa wkoll il-wegħda li ‘tista’ ma taqbilx magħna imma tista’ taħdem magħna’. F’dan il-każ, għalkemm politikament ma naqbilx mal-partit fil-Gvern, ridt naħdem fl-interess tal-poplu Malti u Għawdxi, iżda ma ridunix u għamlu vendikazzjoni miegħi"

Cassar sostna li jekk dan it-transfer sar bil-għan li "jien nieqaf nikritika lill-Gvern fejn ikun hemm bżonn, b’mod partikolari f’temi bħall-governanza u l-ambjent, l-għan tiegħu falla. Jekk xejn, dan it-transfer kompla jsaħħaħ id-determinazzjoni tiegħi biex nassigura li pajjiżna verament ikun tal-poplu Malti u Għawdxi kollu, u mhux ta’ klikka korrotta li tiprova tagħlaq ħalq kulħadd." 

 

More in Politika