Opinjoni | Il-bżonnijiet tal-Baħrija

Il-Baħrija, lokalità żgħira imma bi bżonnijiet importanti wkoll...resident u eks kandidat fl-aħħar elezzjoni jikteb

Il-Kappella tal-baħrija
Il-Kappella tal-baħrija

Il-Baħrija huwa raħal tfuliti - huma ħafna l-memorji sbieħ nilgħab fil-wied ta’ Namura u l-involviment fil-komunità adoloxxenti u fuq il-medda tas-snin rajt ukoll il-Baħrija tinbidel.

Għalkemm wieħed mill-iktar villaġġi hu li l-post maqtugħ għalih fil-pajsaġġ Malti, il-Baħrija ma kenitx eċċezzjoni mill-iżvilupp – infatti l-popolazzjoni tal-villaġġ kibret b’rata mgħaġġla hekk kif ħafna koppji żgħar minn madwar Malta qed jgħażlu li joqogħdu l-Baħrija. Il-prospett ta’ kwiet li joffri l-villaġġ huwa ideali fejn kopppji żgħar irabbu t-tfal tagħhom. Però waqt li l-popolazzjoni qed tikber b’rata mgħaġġla għandi dubju kemm l-investiment fil-bżonnijiet tal-Baħrija sar bl-istess rata. 

Is-sena l-oħra ġie konkluż il-proġett tal-konessjoni tad-drenaġġ bejn il-Baħrija u r-Rabat. Proġett li kien ferm bżonjuż però sfortunatament dam tul ta’ żmien esaġerat biex isir u kkawża inkonvenjenza enormi għar-residenti. Saħansitra f’Lulju 2016, residenti tal-Baħrija pprotestaw kontra dewmien u nuqqas ta’ informazzjoni komunikata. Għall-grazzja t’Alla dan il-proġett tlesta u hekk waqfet l-inkonvenjenza speċjalment lir-residenti ta’ Triq tan-Niqra min fejn il-bowser kien  jagħmel vjaġġi  kuljum.  Però wħud minn dawn l-istess residenti stennew ukoll li ladarba l-proġett wasal lejn tmiemu, isir xogħol ta’ asfaltar f’din l-istess triq li tinsab f’kundizzjoni pjuttost ħazina. Madanakollu dan ma sarx.

Fuq nota pożittiva, ġew installati arbli tad-dawl fi Triq San Martin sabiex itejjeb is-sewqan fil-ħinijet ta’ billejl għal dawn l-istess residenti. U saħansitra wkoll tneħħew numru ta’ arbli  antiki u mingħajr użu li xi darba kienu jiffurmaw parti mis-sistema ta’ telekomunikazzjoni.

Però għad fadal numru ta’ bżonnijiet bażiċi fil-Baħrija li għadhom mhux indirizzati. Wieħed mill-aktar bżonnijiet urġenti huwa dak ta’ parkeġġ. Fix-xhur tax-xitwa u rebbiegħa huma ħafna li jerħulha għal fenkata f’wieħed mir-restaurants tal-villaġġ. Però saħħa għan-nuqqas ta’ parkeġġ fil-Baħrija, viżitaturi ma jkollhom ebda għażla oħra ħlief li jipparkjaw il-vetturi tagħhom f’nofs il-pjazza. Mhux talli dan jikkawża element ta’ periklu għas-sewwieqa li jkunu għaddejin mill-pjazza iżda anke jkerrah id-dehra tal-pjazza u l-kumplament tal-villaġġ. 

Ħafna residenti tal-villaġġ iħossu li għandu jsir investiment fil-pjazza tal-Baħrija. Hemm bżonn li tiġi installata roundabout fiċ-ċentru ta’ din il-pjazza sabiex isservi kemm il-funzjoni tagħha li tidderieġi t-traffiku ġej minn bnadi differenti kif ukoll tgħati xgħira isbaħ minn dik preżenti. Ma nimmaġinax li hemm bżonn investiment ta’ miljuni kbar ta’ ewro biex tiġi nstallata roundabout zgħira b’xi statwa li tfakkarna fl-okkupanti originali tal-Baħrija bħala ħaddiema tal-għelieqi Maltin. 

Bżonnijiet oħra tal-villaġġ jinkludu ATM, it-tindif u manutenzjoni tal-bandli ssir fil-pront kif ukoll bdil tal-bus stop fl-istess pjazza. Forsi waħda mir-raġunijiet għalfejn dawn il-bżonnijiet jingħataw prijorità minima huwa l-fatt li l-baġit allokkat għal-Baħrija huwa ftit min dak tal-Kunsill Lokali tar-Rabat. Għalhekk wasal żmien illi l-Baħrija tiġi kkunsidrata bħala villaġġ separat mir-Rabat, jinħoloq il-Kunsill Lokali tiegħu u jingħata baġit separat. 

Iż-żona ta’ Fomm ir-Riħ ukoll tistħoqqilha attenzjoni – ta’ spiss ikun hemm skart eċċessiv fil-parkeġġ li jkerrah id-dehra tal-akwati u jgħati impressjoni ħażina lill-viżitaturi speċjalment lit-turisti. 

Għaldaqstant nittama li l-awtoritajiet jikkonsidraw din is-sejħa biex jiġu indirrizzati dawn il-bżonnijiet. Naħseb li wasal żmien li jiġi investit iktar fil-Baħrija biex tissebbaħ għall-ġid tar-residenti u viżitaturi.

Lee Borg Bugeja huwa resident tal-Baħrija u eks kandidat tal-PD

More in Politika