Festi | San Pietru rrestawrat se jivjaġġa fuq il-baħar bejn M'Xlokk u Birżebbuġa

Nhar il-31 ta’ Lulju għall-ewwel darba t-titular jivjaġġa bid-dgħajjes u jintlaqa’, restawrat mill-poplu ta’ Birżebbuġa...l-illum.com.mt titkellem mal-Kappillan 

Il-Vara titulari ta' San Pietru, dalwaqt lura restawrata | Ritratt LND Photography
Il-Vara titulari ta' San Pietru, dalwaqt lura restawrata | Ritratt LND Photography

‘Inti Pietru u fuq din il-blata jiena nibni l-Knisja tiegħi’. Dawn il-kliem għeżież ħafna għal dawk kollha li kuma Kattoliċi, imma wkoll għal dawk kollha li fl-ewwel Ħadd ta’ Awwissu jiċċelebraw il-festa ta’ San Pietru fil-Ktajjen f’Birżebbuġa se jerġgħu jidwu, hekk kif fl-aħħar ta’ dan ix-xahar jerġa’ jintlaqa’ lura ‘d-dar’ it-titular tal-Birżebbuġani.

San Pietru fil-Ktajjen, maħbub ferm min-nies ta’ waħda mill-aktar lokalitajiet fin-nofsinhar, b’għeruqha fis-sajd, huwa t-tieni titular u t-tielet statwa titulari ta’ Birżebbuġa, hekk kif oriġinarjament il-paroċċa kellha t-titular tad-Duluri.

L-ILLUM tkellmet ma’ Dun Anton Galea Scannura, il-kappillan tal-lokalità ta’ Birżebbuġa dwar ir-restawr importanti li saret fuq dan it-titular tant artistiku li huwa mnebbaħ mill-istess statwa ta’ San Pietru fil-Ktajjen fil-Bażilika ta’ San Ġwann Lateran.

Ritratt mir-restawr li għaddej fuq it-titular ta' San Piteru fil-Ktajjen
Ritratt mir-restawr li għaddej fuq it-titular ta' San Piteru fil-Ktajjen

Meta beda r-restawr u x-xogħol x’qed jinvolvi?

Il-proġett ta’ restawr tal-vara titulari ta’ San Pietru beda fl-2014 meta kien ġie deċiż li din il-vara tant artistika għandha tiġi restwrata bl-aktar mod etiku sabiex nippriservaw l-arti u l-polikromija tagħha. Għalhekk kien ġie deċiż li dan il-proġett jinqasam f’żewġ fażijiet, l-ewwel fażi r-restawr tal-pedestall minħabba li kien f’qagħda ferm kritika, imbagħad it-tieni parti l-vara titulari. Għalhekk wara l-festa tal-2015 il-pedestall ittieħed għand l-induratur John Orlando fejn dan indurah kważi kopmletament mill-ġdid. Dan ix-xogħol tlesta sal-festa tal-2016 u li l-parroċċa kollha kienet kuntenta ħafna bih. Wara, bl-għajnuna ta’ persuni midħla ta’ dan ix-xogħol, kif ukoll wara li ntalab il-parir tal-Awtoritajiet tal-Knisja, ġie deċiż li titkompla t-tieni fażi billi tiġi rrestawrata l-vara nnifisha, xogħol li ġie fdat f’idejn Aaron Camilleri Cauchi.

Dan ix-xogħol apparti li inkluda tindif u restawr ta’ diversi partijiet li ġarrbu xi ħsara tul is-snin, però jinkludi wkoll ir-restawr tal-erba’ gastri tal-fjuretti, xogħol li għal darb’oħra qed isir mis-Sur John Orlando. Madankollu qed isir tindif u restawr tad-diversi oġġetti ornamentali li jżejnu din il-vara artistika.

Kemm se jiswa r-restawr u min qed jiffinanzjah?

Dan il-proġett kollu hu stmat li se jiswa madwar € 25,000. Il-membri kollha tal-parroċċa qed jikkontribwixxu għall-ħlas ta’ dan ix-xogħol permezz ta’ offerti u anki billi jieħdu sehem f’attivitajiet li l-parroċċa torganizza b’risq dan il-proġett.

Xi jfisser dan ir-restawr għalik u għall-poplu ta’ Birżebbuġa?

Ir-restawr għalina jifsser li nibżgħu għall-wirt artistiku li ħallewlna missirijietna. In-nies li ġew qabilna esprimew il-fidi tagħhom u s-sens ta’ komunità permezz ta’ xbihat ta’ qaddisin, f’dan il-każ ta’ San Pietru li bħala l-partrun tar-raħal għal iktar minn 80 sena ġie meqjus bħala qaddis li jagħti wkoll identità lill-Insara tar-raħal huma u jgħixu ta’ komunità Nisranija. Madwar sittin sena ilu, il-Kappillan Ġużeppi Minuti ħaseb li tinġieb mill-Italja l-istatwa li għandna attwalment u li issa wasal iż-żmien tar-restawr. L-Insara jafu li l-istatwa hija biss statwa imma tfisser ħafna għalina għax apparti li hi xbiha ta’ dixxiplu ta’ Ġesù li nammiraw, għalina tfisser il-komunità Nisranija li aħna parti minnha u tfakkarna li aħna komunità miġbura madwar Ġesù li jsalvana. Bl-istorja tagħha l-istatwa torbot l-Insara tal-lum f’dan ir-raħal ma’ dawk li ġew qabilna u tfakkarna li aħna lkoll fl-istess mixja, nagħmlu kuraġġ lil xulxin.

Il-vara ta’ San Pietru rrestawrata għandha tintlaqa’ lura fir-raħal ta’ Birżebbuġa nhar it-Tnejn 31 ta’ Lulju 2017 meta fil-5.30pm se titlaq minn Marsaxlokk u tintlaqa’ fil-moll ta’ San Ġorġ Birżebbuġa u titwassal għall-Knisja Parrokkjali qalb il-ferħ tal-poplu ta’ Birżebbuġa u d-devoti ta’ San Pietru.

 

More in Politika