Tagħlimiet Nazzjonalisti mill-1981 għall-Partit Nazzjonalista tal-2017

Il-kuntesti huma differenti. Il-protagonisti huma differenti. Imma l-manifest elettorali tal-PN tal-1981 ‘Il-Bidla Meħtieġa’ jista’ jkun l-ewwel pass għall-bidla fil-PN..

Il-partiti dejjem rebaħu meta kienu ggwidati minn viżjoni kif gwida lill-PN il-manifest tiegħu tal-1981
Il-partiti dejjem rebaħu meta kienu ggwidati minn viżjoni kif gwida lill-PN il-manifest tiegħu tal-1981

Bħalissa għaddej ħafna diskors dwar valuri, il-ġid komuni u dwar il-but. Elementi mill-PN li forsi għadhom taħt ix-xokk ta’ telfa kbira li ma kinitx mistennija qed jinterpretaw ir-riżultat elettorali bħala wieħed illi juri li l-poplu jivvota fuq il-but u, biex ngħiduha b’Malti tat-triq, għal’għajnu mill-valuri u mill-ġid komuni. Oħrajn qed jisħqu illi l-korruzzjoni waħedha ma trebbaħx elezzjoni ġenerali, filwaqt li oħrajn, fosthom din il-gazzetta, qed jinkoraġġixxu lill-PN biex jerġa’ jiskopri l-għeruq tiegħu, biex jerġa’ jkollu viżjoni li taspira u li toħloq l-entużjażmu.

Naturalment, kull perjodu politiku u kull viżjoni hija frott ta’ kuntest u f’dan is-sens mhux l-għan ta’ din l-analiżi li tieħu viżjoni ’l barra mill-istess kuntest tagħha. Huwa l-għan ta’ din l-analiżi iżda li tħares lura lejn wieħed mill-aktar manifesti importanti tal-PN. Importanti fis-sens li witta t-triq għal rebħiet kbar għalih u suċċessi ikbar għall-pajjiż. Jista’ jkun li huwa minn hawnhekk li l-PN isib l-għajn li jrid jixrob minnha u l-aħjar mod ta’ kif jimxi ’l quddiem f’dan il-mument hekk elettoralment diffiċli u daqstant kruċjali. Qed nirreferu għall-manifest tal-1981, imsejjaħ ‘Il-Bidla Meħtieġa’

Il-faċċata tal-manifest tal-PN fl-1981
Il-faċċata tal-manifest tal-PN fl-1981

Korruzzjoni...imma mhux fiċ-ċentru ta’ kollox

Bħall-aħħar elezzjoni l-għajta kontra l-korruzzjoni u kontra ‘l-attakk fuq l-istituzzjonijiet’ kienet tema pjuttost ċentrali għall-PN fl-1981. “Biex ikun hemm Gvern verament demokratiku...irid ikun hemm l-ewwel u qabel kollox rispett għall-verità u rikonoxximent li n-nies ta’ dan il-pajjiż huma intitolati u informati fuq dawk il-materji kollha tal-Gvern li jikkonċernaw lilhom.” Hekk jgħid il-manifest tal-PN fil-bidu tiegħu, filwaqt li jkompli jgħid f’punt 1.4 tiegħu illi, “l-fibra morali tal-poplu therriet u t-triq hija miftuħa beraħ għall-prattiċi ta’ patrunaġġ u korruzzjoni.” Fil-parti tal-manifest li tirrigwarda l-kummerċ u x-xiri bil-goff (bulk buying) il-PN kien għamel wegħda ċara li “l-korruzzjoni għandha tkun maqlugħa mill-għeruq u mrażżna.”

Il-manifest ma jħalli ebda dubju li l-PN kien jara lill-Gvern ta’ Mintoff bħala wieħed b’elementi immorali, iżda mal-gwerra kontra dawk l-elementi offra żewġ affarijiet, 1) - Partit b’ideoloġija ċara u daqstant importanti 2) - Viżjoni ekonomika, politika, soċjali u industrijali ta’ pajjiżna

U l-istess manifest huwa mimli b’eżempji bħal dawn li jitkellmu dwar dak li l-PN kien jara bħala d-diżrispett tal-Gvern ta’ Dom Mintoff għall-istituzzjonijiet.

Minkejja dan u minkejja illi m’hemmx l-iċken dubju li n-Nazzjonalisti kienu jemmnu li Gvern Laburista kellu elementi korrotti, kif reġgħu kienu jemmnu n-Nazzjonalisti din id-darba, il-korruzzjoni ma kinitx iċ-ċentru ta’ kollox. Ma kinitx ir-raġuni għall-eżistenza tal-istess partit. Il-manifest ma jħalli ebda dubju li l-PN kien jara lill-Gvern ta’ Mintoff bħala wieħed b’elementi immorali, iżda mal-gwerra kontra dawk l-elementi offra żewġ affarijiet, 1)  - Partit b’ideoloġija ċara u daqstant importanti 2) -  Viżjoni ekonomika, politika, soċjali u industrijali ta’ pajjiżna. U iva, madankollu l-istess manifest, bħall-manifesti politiċi tal-aħħar elezzjoni kien irnexxielu jinkludi wkoll miżuri li kienu se jaffetwaw il-but.

Il-boxxla ideoloġika tal-PN...fejn sejra?

Partit mingħajr il-boxxla ideoloġika huwa partit bla direzzjoni. Il-manifest tal-1981 huwa mimli b’referenza għall-ħsieb tad-Demokristjaneżmu. “Il-funzjoni taċ-ċittadin skont il-kotba tal-iggvernar ta’ Mintoff kien li jservu lill-Gvern...ċertament dan mhux Gvern fis-sens Demokristjan,” tgħid parti mill-istess manifest f’referenza waħda minn ħafna għall-PN bħala partit Demokristjan. U d-Demokristjani min huma jew x’suppost huma?

Fl-Ewropa dawn huma ġeneralment iktar moderati mill-konservattivi u f’pajjiżi bħall-Ġermanja (CDU) jiffurmaw il-partit Konservattiv, li flimkien mas-Soċjal Demokratiċi huwa l-partit li madwaru jifforma Gvern. Dawn il-partiti huma ġeneralment, bħall-konservattivi, kontra jew xettiċi fuq l-abort u żwieġ bejn persuni tal-istess sess, għalkemm naturalment dan jista’ jvarja skont il-pajjiż partikolari. Kuntrarjament għal-Liberaliżmu jirrifjutaw s-sekulariżmu, bħas-Soċjal Demokratiċi jappoġġjaw il-ġustizzja soċjali, is-solidarjetà u r-regolarizzazzjoni (imma b’qies) tal-forzi tas-suq. Huma iktar ekonomikament liberali, jiġifieri kontra restrizzjonijiet u bi twemmin ta’ ‘inqas Gvern, iktar privat’ imma xorta favur regolarizzazzjoni fejn hemm bżonn. L-ateiżmu, in-nazzjonaliżmu u l-ugwaljanza tal-istatus matrimonjali għal persuni tal-istess sess, huma ideat li dejjem kienu xi ftit skomdi bihom.

Partit mingħajr il-boxxla ideoloġika huwa partit bla direzzjoni. Il-manifest tal-1981 huwa mimli b’referenza għall-ħsieb tad-Demokristjaneżmu

Il-PN, u jidher li l-Kap b’mod unilaterali,  fil-kampanja  elettorali li għaddiet propona affarijiet li jitfgħuk f’dubju serju kemm minn dan it-twemmin għadu intatt jew prattikat. L-inklużjoni ta’ ateista fil-lista ta’ kandidati tal-PN, il-wegħda li jitwaqqaf l-investiment fl-isptar ta’ Għawdex u allura l-innazzjonalizzar tiegħu, l-astensjoni fil-vot dwar l-Unjoni Ċivili, is-silenzju relattiv tal-PN fil-Liġi li kopriet l-ivvilifikar tar-reliġjon u aktar. Dawn, filwaqt li setgħu għoġbu settur ta’ votanti mdaqqas, tefgħu f’dubju serju il-gwida ideoloġika tal-partit.

Fiż-żmien li ġej, f’każ minnhom fil-ġimgħat li ġejjin, il-PN se jiffaċċja vot Parlamentari dwar Liġi li se tbiddel l-Unjoni Ċivili fi żwieġ għal persuni tal-istess sess, diskussjoni dwar il-legalizzar għall-użu rikreattiv tal-marijuana u possibilment diskussjoni u liġi dwar l-ewtanasja. Dawn se jkunu lkoll testijiet qliel ta’ liema boxxla politika u ideoloġika se juża l-PN, jekk se juża waħda.

Il-passat wera li meta l-boxxla baqgħet fin-nofs il-PN tilef l-appoġġ. Mill-2017 il-PN se jkollu jwitti triq ċara ta’ ’l fejn sejjer fuq kwistjonijiet soċjali bħal dawn, għax dawn se jkollu jiffaċċjahom. Naturalment il-bilanċ se jkun wieħed li diffiċli tilħqu u għalhekk ħafna se jorbot fuq min se jkun fit-tmun tal-PN minn nofs Settembru.

Viżjoni għat-tul li kollox jintrabat magħha

“Gvern Nazzjonalista jafferma b’mod inekwivoku li aħna Ewropej, li postna huwa magħqudin ma’ Ewropa Magħquda, kif imwielda minn tliet statisti Demokristjani...għaqda f’orngaizzazzjoni federali ta’ stati ma twassal għall-ebda telf ta’ identità tal-istat. Anzi issaħħaħha.” Hekk jingħad f’punt 9.4 tal-manifest tal-PN tal-1981.

Dan il-paragrafu fil-fatt kien il-kolla li għaqqdet lill-PN għal ħafna snin u li wasslitu għal ħafna rebħiet elettorali. Li wasslet lil pajjiżna biex fl-2003 jsir membru sħiħ tal-Unjoni Ewropea. Imma din ma kinitx l-unika viżjoni għat-tul li kellu l-istess partit.

Il-PN rabat lilu nnifsu ma’ viżjonijiet ekonomiċi li rajna jseħħu u li llum kulħadd, primarjament Gvern Laburista mmexxi minn Joseph Muscat irid li jsostni u saħansitra jkabbar. Il-manifest tal-1981 kien qal hekk; “se niżviluppaw aktar is-settur tal-banek u s-servizzi finanzjarji għal individwi barranin kif ukoll kumpaniji, kemm f’Malta kif ukoll li joperaw minn barra...” u f’parti oħra tal-istess manifest il-PN kien qal hekk; “Naraw skop kbir għat-turiżmu, ristrutturat kif suppost, kif ukoll bl-għoti ta’servizzi minn Maltin lil klijenti barranin, servizzi fi sferi bħal transhipment, id-distribuzzjoni u proċessar ta’ oġġetti manifatturati....il-lokalizzar f’Malta ta’ sptarijiet..off shore banking u servizzi oħra finanzjarji...”.

il-viżjoni tal-1981, ta’ Eddie Fenech Adami twettqet. Hija realtà. Illum ħadd ma jimmaġina t-tneħħija tal-Kunsilli, l-iżżarmar tal-MCESD jew Università aktar limitata. Sal-aħħar kampanja elettorali kien il-PM Muscat li ddefenda bl-akbar qawwa s-servizzi finanzjarji u llum huwa Gvern Laburista li bi kburija qed ixejjer il-bandiera tal-Unjoni Ewropea

Il-manifest ta’ wkoll roadmap dwar fejn il-PN ried jieħu l-Università: “Għalkemm l-Università hija essenzjalment Maltija fil-karattru, għandha tinfetaħ għal studenti barranin u għalliema barranin u ma tistax teżisti f’iżolazzjoni imma tistabilixxi kuntatti ma’ Universitajiet barranin.”

Dan jorbot ma’ diversi oġġettivi u miżuri marbutin ma’ viżjoni ħolistika, fosthom pjan għal ‘full employment’, il-ħolqien tal-MCESD u anke l-ħolqien tal-Kunsilli Lokali permezz tal-kunċett tad-diċientralizzazzjoni tal-poter.

Illum, din il-viżjoni tal-1981, ta’ Eddie Fenech Adami twettqet. Hija realtà. Illum ħadd ma jimmaġina t-tneħħija tal-Kunsilli, l-iżżarmar tal-MCESD jew Università aktar limitata. Sal-aħħar kampanja elettorali kien il-PM Muscat li ddefenda bl-akbar qawwa s-servizzi finanzjarji u llum huwa Gvern Laburista li bi kburija qed ixejjer il-bandiera tal-Unjoni Ewropea wkoll. Kważi, kważi l-PN ħalla lil Muscat fil-libertà biex ikun hu li jiddefendi l-legat ta’ Fenech Adami.

Il-PN jeħtieġ jirrealizza li hija l-viżjoni li torbot kollox u li tibni kollox. Viżjoni li tiġi minn ħafna  ħsieb, minn ħassieba li jaħsbu u jipprevedu affarijiet li ħadd ma prevediehom. F’din l-elezzjoni l-PN kien nieqes, b’mod assolut u komplet minn viżjoni. Mhux biss viżjoni waħda li magħha torbot tant nies, imma wkoll nieqes minn viżjoni ekonomika li kellu fl-1981.

Donnu l-PN waqa’ fin-nassa li riedu jaqa’ fiha Muscat, aċċetta li l-ekonomija kibret biżżejjed u li allura ‘m’hemmx wisq aktar x’tagħmel’.  Anzi, Busuttil mar pass oltrè u f’attività fil-Birgu kien qal illi n-nies issa ‘ddejqu jisimgħu dwar kemm l-ekonomija sejra tajjeb’. Dan juri illi bit-tmexxija ta’ Busuttil il-PN mhux talli kien nieqes minn viżjoni politika, talli lanqas biss kellu viżjoni ekonomika għall-pajjiż jew jekk kellu, għamel l-iżball kardinali li ma tahiex l-importanza.  B’kuntrast l-istess partit, fi żmien meta l-pajjiż kien litteralment jinsab riesaq lejn gwerra politika, alloka ħafna mill-pjani u l-viżjoni tiegħu għal dak li kien jitratta l-ekonomija u l-but.

Ridimensjonar mhux injorar

Il-PN kellu l-opportunità li joħroġ bi pjan aktar ħolistiku. Pjan ekonomiku li joħloq, jirriġenera u jinċentiva billi juża l-passat tiegħu bħala prova illi dak li jwiegħed se jwettqu. Minflok qal li jkeċċi lil Vitals Global Healthcare Busuttil kien ikun ħafna iktar b’saħħtu kieku ħoloq niċeċ ġodda imma fuq l-istess linji ta’ ħsieb li se joħolqu kompetizzjoni mal-VGH. Kien ikun ħafna iktar b’saħħtu kieku uża l-kuntatti tal-PN biex ġie quddiem il-poplu b’ideat lesti ta’ proġetti fil-qasam tas-saħħa f’setturi bħad-dentistrija, biex nagħtu eżempju, fl-edukazzjoni bi proġetti ġodda għall-Università.

Busuttil kellu ċ-ċans juri li Gvern Nazzjonalista m’għandux bżonn l-IIP biex jimla l-kaxxa. Imma dak iċ-ċans ma ħadux

Busuttil kellu ċ-ċans li jħares lil hinn mill-plenarji ta’ Brussell u juża l-kuntatti li dejjem kellu l-PN mal-kuntratturi u l-industrija tal-bini (ma fiha xejn ħażin li partit ikollu kuntatti mal-kuntratturi) biex jipproponi jew jallinea lilu nnifsu ma’ proġett bħar-reklamazzjoni tal-art, li jkun sostenibbli u wara li jsiru l-istudji neċessarji. Seta’ reġa qanqal il-viżjoni ta’ eko-Għawdex imma b’miżuri fattibbli, viżjoni ta’ niċeċ ġodda ekonomiċi għal pajjiżna, viżjoni bi proġetti infrastrutturali u pjan ħolistiku ta’ riġenerazzjoni għal-lokalitajiet turistiċi bħal Buġibba u pjani konkreti, lesti u qed jistennew proċess ta’ tendering  u permessi għal modi ġodda ta’ trasport, eżatt bħalma kien għamel il-PL qabel l-2013 dwar il-Power Station.

Busuttil kellu ċ-ċans juri li Gvern Nazzjonalista m’għandux bżonn l-IIP biex jimla l-kaxxa. Imma dak iċ-ċans ma ħadux.

‘Nerġgħu nagħtukom il-festi pubbliċi lura’

Il-manifest tal-PN fl-1981 huwa prova ċara li l-korruzzjoni tista’ tikkoeżisti mal-proposti. Turija ċara tan-nuqqas ta’ għaqal strateġiku fl-għajta ta’ Busuttil, fil-bidu tal-kampanja ‘din mhix elezzjoni tal-proposti imma elezzjoni tal-prinċipji’.

Jekk qatt il-PN kellu manifest mibni fuq prinċipji kien proprju dan, tal-1981. Minkejja dan xorta huwa mogħni b’miżuri populisti li jinżlu tajjeb man-nies u li żgur attiraw numru ta’ voti. “Gvern Nazzjonalista jerġa’ jagħti lura dawk il-festi pubbliċi ...” Iva, sewwa qrajt. Fl-1981 kien il-PN li mmexxi minn Fenech Adami li kien qed iwiegħed li jagħti festi pubbliċi lura, liema festi kienu ttieħdu mill-Gvern ta’ dak iż-żmien. Dawn kienu l-10 ta’ Frar, l-Imnarja, il-Vitorja u l-Kunċizzjoni.

Illum huwa Muscat li għamel din il-wegħda li niżlet tajjeb ħafna mal-poplu. Il-manifest tal-1982 kellu wkoll żieda ta’ Lm1.10 fil-pensjoni minima nazzjonali u tnaqqis estensiv fit-taxxa tad-dħul b’eżenzjonijiet fuq faxex ta’ nies u kundizzjoni lill-kumpaniji multi-nazzjonali biex iħaddmu lill-Maltin meta jinvestu fil-pajjiż.

il-ġlieda kontra l-korruzzjoni u favur l-onestà ma tiġix askapitù tal-proposti u l-viżjoni ekonomika. It-tnejn huma importanti u jistgħu jikkoeżistu

Konklużjoni

Minkejja li l-kuntesti huma kompletament differenti, ħarsa lejn il-manifest tal-PN tal-1981 juri dan li ġej. L-ewwel: il-ġlieda kontra l-korruzzjoni u favur l-onestà ma tiġix askapitù tal-proposti u l-viżjoni ekonomika. It-tnejn huma importanti u jistgħu jikkoeżistu. It-tieni: il-viżjoni għad-direzzjoni tal-pajjiż inġenerali u d-direzzjoni fuq bażi settorjali hija neċessarja biex partit jitqies li huwa kredibbli u alternattiva viabbli. It-tielet: hija ħrafa li l-ideoloġija mhux importanti. Mingħajr għeruq m’hemmx pjanta. Mingħajr ideoloġija m’hemmx partit, hemm biss grupp ta’ nies li inzertaw jaqblu li ma jaqblux ma’ xi ħadd. Ir-raba’: fl-1981, is-servizzi finanzjarji, il-Kunsilli lokali u s-sħubija ta’ Malta fl-UE kienu eżempji ta’ ‘thinking outside the box’. Kull partit jeħtieġ joffri affarijiet li jmorru lil hinn minn dak li huwa magħruf u aċċettat illum, jeħtieġ jipproponi l-imprevedibbli, affarijiet li jqajmu diskussjoni u kontroversja. Ideat li llum jinstemgħu impossibbli imma li jistgħu jsiru. Il-Ħames: il-poplu dejjem ikkunsidra l-but u dak li jirrigwarda lilu meta vvota u anke meta s-sitwazzjoni tal-pajjiż kienet inqas feliċi mil-lum xorta saru wegħdi populisti. 

Eddie Fenech Adami, ma’ martu Mary f’laqgħa mal-Papa Benedittu...taħt it-tmexxija tiegħu fil-PN kien hemm aċċenn partikolari fuq id-Demokristjaneżmu
Eddie Fenech Adami, ma’ martu Mary f’laqgħa mal-Papa Benedittu...taħt it-tmexxija tiegħu fil-PN kien hemm aċċenn partikolari fuq id-Demokristjaneżmu

More in Politika