Air Malta: 'L-ebda investitur mhu se jdaħħal idejh fil-but u jitfa' l-flus bl-addoċċ'

L-ILLUM titkellem mal-Kap Eżekuttiv tal-MHRA...jgħid li l-interess Malti fl-Airmalta huwa wieħed reali ħafna

Il-Kap Eżekuttiv tal-MHRA Andrew Agius Muscat
Il-Kap Eżekuttiv tal-MHRA Andrew Agius Muscat

L-Assoċjazzjoni Maltija tal-Lukandi u Ristoranti (MHRA) ilha tisħaq li fir-rigward tal-linja nazzjonali tal-ajru l-Air Malta, il-Gvern għandu jibda billi jħares lokalment u jara jisseħibx ma’ investituri lokali sabiex tissalva u tibqa’ f’idejn il-Maltin. Fil-fatt, din kienet l-għajta prinċipali tal-President tal-Assoċjazzjoni Tony Zahra meta kien qed jindirizza konferenza lil-lukandiera dwar ir-riżultati turistiċi miksuba fl-ewwel kwart ta’ din is-sena.

Min-naħa tiegħu, il-Kap Eżekuttiv tal- MHRA, Andrew Agius Muscat, f’kummenti li ta lil dan is-sit sostna li fir-rigward tal-Air Malta, “ħafna drabi, il-problemi nikkumplikawhom iktar milli huma.” Sostna li huwa essenzjali li qabel kull ħaġa oħra tiġi mfassla l-viżjoni ta’ fejn trid tmur l-Air Malta. “Ladarba nkunu nafu kif irridu neħduha, imbagħad għandna naħdmu kif se nilħqu dak l-għan. Mhux qed nitkellmu dwar xi linja tal-ajru ta’ xi 200 ajruplan hawn, imma linja tal-ajru żgħira ħafna. Mhix xi ħaġa ta’ barra minn hawn biex issolvi l-problema, u ħafna drabi l-problema tkun li nintilfu naħsbu fil-kuntest micro mingħajr ma naraw fejn irridu naslu,” sostna Agius Muscat.

Meta mistoqsi dwar kemm huwa fil-verità vijabbli u realment possibbli li l-imsieħeb strateġiku jkun investiment lokali, Andrew Agius Muscat qal kif l-interess f’dan il-qasam huwa verament reali, b’nies javviċinawh u jesprimu l-interess li jinvestu fil-linja nazzjonali tal-ajru. “Kien hawn persuna li ġiet u avviċinatni u qaltli li lest li jinvesti fl-Air Malta. Iżda ovvjament, ħadd mhu se jdaħħal idejh fil-but u jitfa’ l-flus bl-addoċċ, jiġifieri jrid ikun hemm is-serjetà u wieħed ikun jaf eżatt fejn irid jasal, iktar u iktar f’qasam diffiċli bħal dak tal-avvjazzjoni,” saħaq Agius Muscat.

‘Jekk tagħlaq l-Air Malta, illum ma tinħassx mill-aspett turistiku’

Agius Muscat tkellem dwar il-fatt li f’dan l-istadju, m’hemmx għażla dwar l-Air Malta, għaliex jekk ma jsir xejn, ifisser li se jkun wasal il-falliment għall-kumpanija.

Insista li jekk il-linja tal-ajru tasal f’punt li tfalli u tagħlaq, l-effett ma jinħassx b’mod immedjat. “Jekk tagħlaq l-Air Malta, illum ma tinħassx mill-aspett turistiku, għaliex jidħlu linji oħrajn għaliex bħalissa għandna r-riħ fil-qala. Il-problema tkun jekk jinqala’ xi ħaġa u l-privat jiddeċiedi li jitlaq. Imbagħad hemmhekk, x’se tagħmel Malta? Se tivvinta Air Malta ġdida dak iż-żmien? ” jistaqsi Agius Muscat.

Iżid jgħid li jeħtieġ li jkun hemm struttura li tkun kummerċjali biżżejjed biex tevita li tidħol fin-nases politiċi tas-servizz pubbliku, imma fl-istess waqt, ikun hemm element ta’ kontroll li meta hemm bżonn, l-Air Malta tkun tista’ ġġorr ir-responsabbiltajiet tagħha bħala linja nazzjonali.

Dwar is-sitwazzjoni ta’ ristrutturar, Agius Muscat jisħaq li s’issa saru ħafna eżerċizzji ta’ ristrutturar iżda mhux ċar fejn wieħed irid jasal. “Issa hemm biżżejjed informazzjoni miġbura, biex niddiskutu x’inhi t-triq ’il quddiem."

 

 

More in Politika