Briguglio se jibqa’ attiv fil-‘Forza Nazzjonali’

Jinsisti li l-unika triq ’il quddiem għall-partiti żgħar hija koalizzjoni ma’ partit ikbar

Michael Briguglio, protagonist fil-kampanja elettorali tal-PN
Michael Briguglio, protagonist fil-kampanja elettorali tal-PN

Micheal Briguglio, wieħed mill-uċuħ tal-Forza Nazzjonali, magħmula mill-Partit Nazzjonalista u l-Partit Demokratiku, mal-ILLUM qal illi hu se jkompli jifforma parti u jaħdem fil-‘Forza Nazzjonali’, anke jekk din il-koalizzjoni pre-elettorali sofriet telfa konsiderevoli.

Għall-mistoqsija ta’ din il-gazzetta dwar il-futur politiku tiegħu u jekk jarax lilu nnifsu bħala parti integrali minn partit ieħor ladarba aktar kmieni din il-ġimgħa kienet aċċettata r-riżenja tiegħu minn mal-Alternattiva Demokratika, Briguglio wieġeb hekk; “Jien appoggjat lill-Forza Nazzjonali fl-aħħar elezzjoni u fil-preżent qiegħed nappoġjaha wkoll. Beħsiebni nkun attiv f'dan ir-rigward, apparti l-attiviżmu tiegħi bħala kunsillier u attivist fis-soċjetà ċivili.”

Briguglio, sal-ġimgħa l-oħra kien kunsillier tal-AD f’Tas-Sliema, pożizzjoni eletta li kien ilu jokkupa mill-2003. Dan qabel irreżenja  biex issa se jibqa’ Kunsillier Indipendenti.

L-ILLUM staqsiet ukoll lil Briguglio jekk jarax illi fid-dawl tar-riżultat elettorali ta’ ġimagħtejn ilu hemmx futur għall-partiti ż-żgħar, li min-naħa tiegħu qal illi f’din l-elezzjoni kien ċar dak li ilu jiġri mill-Indipendenza lil hawn. “Bħalma ġara f' kull elezzjoni preċedenti mill-indipendenza ’l hawn, huwa ċar li votanti li jbiddlu l-vot minn elezzjoni għal oħra jippreferu jivvutaw għal partit kbir ieħor milli jivvutaw għal partit żgħir.” Fid-dawl ta’ dan Briguglio sostna illi l-partiti ż-żgħar bħall-AD jistgħu jkunu aktar rilevanti billi “jwessgħu d-diskors politiku u li jisfruttaw is-saħħa li għandhom 'jieħdu' ammont zgħir ta' voti minn partiti ikbar, li tista' tinfluwenza riżultat elettorali, bħalma ġara fl-2008.” Hu qal illi l-aħħar riżultati juru wkoll illi l-akbar ċans li l-partiti ż-żgħar ikollhom kandidati eletti huwa fuq bażi lokali, kif reġa’ tenna wkoll li partiti żgħar għandhom jibnu koalizzjonijiet ma’ partiti ikbar, bħalma ġara fl-aħħar elezzjoni ġenerali.”

L-għajta ta’ Briguglio favur koalizzjoni fil-fatt ħadet spinta ’l quddiem wara intervista li kienet saret lilu minn din il-gazzetta u li fiha kien appella biex l-Alternattiva Demokratika tibni koalizzjoni mal-PN, f’dik li kienet qed titlaqqam bħala ‘koalizzjoni kontra l-korruzzjoni’. Apparti d-diskussjoni li kienet qajmet l-istess intervista l-AD fil-fatt kienet bdiet tali diskussjonijiet li fallew fuq diversi fronti (ara opinjoni ta’ Carmel Cacopardo fuq paġna 17).

Finalment l-ILLUM staqsiet lil Briguglio jekk iħossx li l-PN u l-PL humiex lesti għal bidliet kostituzzjonali li jagħtu lok għal koalizzjoni fejn partiti saħansitra jadottaw l-isem tal-koalizzjoni imma xorta jżommu l-identità tagħhom.

Briguglio wera t-tama li dan ikun il-każ, “għax din iżżid mal-maturità demokratika ta' pajjiżna u tagħti iktar lok għall-flessibbilità politika. Fl-aħħar mill-aħħar il-votant jagħti l-ġudizzju tiegħu,” temm jgħid Briguglio.

L-eżekuttiv tal-Alternattiva Demokratika aċċetta r-riżenja tal-kunsillier u l-eks chairman tal-Alternattiva Demokratika Michael Briguglio, li kien offra lura fl-4 ta' Mejju li għadda. Intant iktar kmieni l-ġimgħa l-oħra f'ittra lil Briguglio, is-Segretarju Ġenerali Ralph Cassar infurmah li l-eżekuttiv kien iltaqa' u unanimament aċċetta r-riżenja tiegħu minn membru. Minbarra dan, intqal lilu li jkun xieraq li kieku jissottometti wkoll ir-riżenja minn kunsillier f'isem Alternattiva Demokratika f'Tas-Sliema b'mod immedjat.


Għal dan, Briguglio wieġeb li mhux se jagħmel dan, u se jibqa' jirrappreżenta lil dawk li eleġġewh sa mill-2003, u "bi pjacir u b'sens ta' responsabbiltà se nibqa' nirrappreżenta lill-kostitwenti tiegħi li ilhom jeleġġuni mill-2003 fil-Kunsill Lokali ta' Tas-Sliema, u se nibqa' naħdem fl-interess tas-Slimiżi kollha."

 

 

 

More in Politika