‘Għad irrid nikteb l-istorja ta’ din il-gidba li saret fuqi’

Spiċċat f’nofs urugan politiku b’allegazzjoni gravissima mdendla fuq rasha ... ħamest’ijiem qabel l-elezzjoni Michelle Muscat titkellem mal-ILLUM

Michelle Muscat | Ritratt Daniel Balzan
Michelle Muscat | Ritratt Daniel Balzan

Inti teskludi illi għandek jew kellek kont jew kumpanija reġistrata f’ismek barra l-pajjiż?

Jien m’għandi ebda kumpanija, la f’Malta u lanqas barra l-pajjiż u dwar dan nitkellem b’serenità. Serena għax qed ngħid il-verità. Kieku kelli x’naħbi la kont inħossni komda nwieġeb il-mistoqsijiet tiegħek u wisq anqas kont inħossni komda nippreżenta lili nnifsi quddiem il-poplu.

Jiġifieri, biex inkunu ċari, int kompletament teskludi din il-possibilità?

Jien neskludi l-insinwazzjonijiet u qlajjiet kollha ta’ dawk li tant  messew il-qiegħ li m’għandhomx triq oħra ħlief li jiffabbrikaw l-istejjer...

L-allegazzjoni partikolari hija li int sidt ta’ kumpanija reġistrata l-Panama (Egrant) u iktar minn hekk, jew agħar minn hekk, li għaddew mal-$1 miljun f’din il-kumpanija li kienu ġejjin mill-Ażerbajġan. This is too big to be a lie. Kif jista’ jkun li xi ħadd jivvinta gidba daqstant fantastika?

Jista’ jkun mela. Infakkrek li l-midja tista’ tirrifletti realtà imma tista’ tikkrea storja wkoll. In-nies li qed imexxu lill-Partit Nazzjonalista llum imxew mal-ħsieb illi jikkreaw storja. U ma kellhomx għażla oħra għax ma kinux kuntenti bil-ħidma tal-Gvern, ma kinux kuntenti bil-fatt illi Joseph wettaq il-wegħdi kollha li għamel, minkejja l-attakki kontinwi fuq il-ħidma tal-Gvern matul dawn l-erba’ snin.

Imma mhux xogħol l-oppożizzjoni li tattakka l-Gvern. Onestament, xi stennejt?

Kritika kostruttiva iva. Imma mhux li tipprova tkisser bil-gideb. Għamilna snin ma nagħtux kas il-ħsara u l-assasinju tal-karattru fil-konfront tagħna, kemm matul dawn l-erba’ snin u anke matul il-ħames snin ta’ qabel. Qatt ma tajna kashom. Imma Jien kont smajt li se jivvintaw xi storja fuqi...

Jiġifieri qed tgħid li kont taf b’din ta’ Egrant?

Kont ili nismagħha din, kont ili nisma’ li se joħorġu b’xi storja li t-tielet kumpanija hija tiegħi.

Dan kollu ivvintawh għax il-Partit Nazzjonalista induna li b’Joseph Muscat bħala PM mhuma qatt se jirbħu għax dak li wiegħed, wettqu. Joseph Muscat ma qagħadx jistenna l-elezzjoni biex iwettaq dak li kien wiegħed, fil-fatt lesta ħafna mill-manifest sena qabel it-terminu sħiħ. Dan apparti li nies kollha li riedu jaħdmu ma’ Joseph, ħadmu u baqgħu hemm. Nies li, anke jekk ġew mill-kampijiet opposti, ħadem magħhom ukoll.

Serenità hija dik li tħoss meta anke fid-dawl ta’ attakk bħal dan, tpoġġi rasek fuq l-imħadda għax taf li dak li ntqal mhux minnu Michelle Muscat

Min-naħa l-oħra Busuttil, minflok ra kif se jippjana li jkompli jibni fuq it-tajjeb li sar, għamel erba’ snin ikisser, ikun negattiv u jintrabat ma’ nies li ħlief għira, ħdura u kattiverija ma wrewx. Dawn l-istess nies li kkreaw din l-istorja.

Insibha diffiċli nemmen li partit bi storja ta’ 140 sena sempliċiment se jaqbad u jivvinta storja u kważi jorbot l-eżistenza tiegħu magħha...

Din storja ffabbrikata, ħidma ta’ min ried joħloq storja li ma tirriflettix il-verità. U l-PN għandu nies li jiltaqgħu u jiddeċiedu kull ġimgħa biex jaraw kif se jkissru lin-nies madwar Joseph Muscat, nies li jifhmu ħafna dwar kif taħdem il-media u kif tista’ timmanipulaha. Jien mhux se noqgħod niddefendi lil Konrad Mizzi u Keith Schembri, dak jagħmluh huma u Joseph kien pjuttost ċar dwar il-futur tagħhom jekk jirriżulta li hemm xi ħaġa ħażina. Jiena se niddefendi lili nnifsi.

Jiena, mhux ċerta imma ċertissima minn dak li qed ngħid u għad nikteb l-istorja dwar din il-fabbrikazzjoni. Jiena qatt ma ridt inkun f’dan id-dawl. Ridt u għadni rrid inkompli naħdem bħalma għamlu n-nisa tal-Prim Ministri ta’ qabel. Użajt l-isfond tiegħi biex inkompli b’xogħli fil-filantropija, ma’ dawk kollha li tant jaħdmu ma’ min għandu bżonn, ma’ min qed ibati b' kundizzjonijiet jew mard serju, ma’ min għandu wliedu morda jew bi sfidi speċjali.

Imma dawn in-nies negattivi f’kollox. Jgħajruni għax nilbes pulit bħallikieku meta niltaqgħu ma’ dinjitarji mhux pulita trid tkun, bħallikieku jekk nilbes ilbies ta’ diżinjaturi Maltin ma nkunx qed nuri wkoll il-kapaċitajiet tagħhom. U nfakkar, jiena dejjem ħallast għall-ilbies tiegħi, qatt ma ħadt xejn b’xejn.

Minkejja dan kollu, issa hemm id-dubju fuqek...

Hekk hu u jien mhu se nieqaf qatt qabel ma nnaddaf ismi u isem żewġi minn attakki li qed isiru għax aħna nies li bqajna saqajna mal-art, qatt ma nqtajna minn man-nies. Ħasbu li se jsibuna dgħajfin, ħasbu li għax jattakkaw lil martu se jkissru lil Joseph Muscat ... imma r-relazzjoni tagħna mibnija fuq sisien sodi u qed jindunaw li mhux se jaqtgħulna qalbna.

Qed tgħid li se tagħmel minn kollox biex tnaddaf ismek. Imma hemm l-inkjesta Maġisterjali. Jekk fabbrikazzjoni din l-inkjesta se tikxifha, mhux hekk?

Jiena għandi fiduċja fl-inkjesta u l-Maġistrat għandu jieħu l-ħin tiegħu, nibdew minn hemm. Jien u żewġi nafu x’aħna u anke jekk waħedna, se nibqgħu nsostnu li dik li saret lilna hija gidba u kalunja. Jiena lanqas qatt ma kont għadni dħalt f’awla f’ħajti, ħlief din id-darba biex niddefendi ismi. Tibda tħossok qisek qiegħda tgħix f’xi film...

Int għandek impatt fuq id-deċiżjonijiet tal-PM. Ma taħsibx li kien ikun jagħmel aktar sens kieku Muscat stenna biex tkun konkluża l-inkjesta qabel sejjaħ elezzjoni?

Din hija kollha gibda faħxija u kalunja u aħna m’għandniex minn xiex niddejqu nidhru quddiem il-poplu. Jien kont qed nittama li l-eżitu tal-inkjesta joħroġ qabel, imma ma nafx hux se jiġri hekk. Għalhekk il-poplu se jivvota fuq min id-dejn bidlu f’suprlus, fuq min qed jagħmel differenza fil-ħajja tan-nies, fuq min dak li wiegħed wettqu ...

Vera, imma fi ftit jiem il-PL jista’ jitlef elezzjoni minħabba din l-istorja

Ma jimpurtax, jien u żewġi m’aħniex iddisprati biex nibqgħu mkaħħlin mas-siġġu bħalma huma ddisprati dawk li qed imexxu partit  fallut. Aħna bnejna partit u issa qed nibnu pajjiż mill-ġdid. Nistennew l-eżitu tal-inkjesta, imma nibqa’ ngħid li din kienet kollha gidba faħxija u jeħtieġ li nnaddfu dan il-pajjiż minn dawk in-nies li għamlu hijack tal-pajjiż. Nies li suppost jagħmlu xogħolhom qed jibżgħu li jispiċċaw fil-mira ta’ dawn in-nies, li xi ħadd jivvinta fuqhom, jgħid kontrihom jew saħansitra jidħol fil-ħajja personali tagħhom, hekk spiċċajna f’dan il-pajjiż.  U minkejja dan kollu Malta baqgħet miexja ’l quddiem, l-investiment baqa’ jiżdied, baqa’ jiżdied ix-xogħol, u n-nies qed jgħixu ħajja aħjar.

Ħasbu li se jsibuna dgħajfin, ħasbu li għax jattakkaw lil martu se jkissru lil Joseph Muscat Michelle Muscat

Filwaqt li forsi nifhem it-tonalità tiegħek, ma tħossx li l-mod kif qed titkellem mhix riflessjoni tal-għajta tal-PL fl-2013, ta’ Malta Tagħna Lkoll. Ma tħossx illi kliemek huwa konferma li l-kunċett ta’ Malta Tagħna Lkoll ma jeżistix u ma jistax jeżisti?

Dażgur li jeżisti. F’dawn is-snin kull min ried jaħdem magħna, ħadem magħna kemm jekk kien Nazzjonalist, jekk kien Laburist jew anke floater. Kull min resaq lejna ghal ħaġa jew oħra qatt ma staqsejna, min hu u mhux. Ħdimna u nibqgħu naħdmu ma’ kull min hu ta’ rieda tajba. Imma hemm grupp żgħir ta’ nies, grupp ta’ nies li tilfu ħafna jekk ma jkunx hemm il-PN fil-Gvern, li jħossu li huma biss jistgħu jmexxu. Mhux qed ngħid għall-PN kollu għax hemm min fil-PN li ma jaqbilx mal-mod kif qed jitmexxa l-partit. Naf Nazzjonalisti li huma ddiżgustati b’dan il-livell mill-aktar baxx li qed iwaqqgħu lill-partit fih.

 Mela child care mhux għal kulħadd għamilnieh? Mela l-kontijiet mhux għal kulħadd raħsu? Mela jekk tmur u ssib il-mediċini li teħtieġ mhux xorta ssibhom, int min int? Aħna m’għandniex Ministri li jċemplu lil tad-distrett għal xi operazzjoni imma l-operazzjonijiet għamilhom lil kulħadd b’hekk tniżżlu l-waiting lists. Aħna qatt ma ġie quddiemna xi ħadd u ġġudikajnieh skont il-kulur politiku tiegħu.

Għalhekk dan l-attakk viljakk fuqi u fuq żewġi. Għalhekk l-attakk minn dawk in-nies li jinħbew wara paraventi, u jippontifikaw dwar il-media. L-istess nies li kienu jiddominaw qabel u jridu jerġgħu jiddominaw.

Fil-pjazza tal-Mosta, fuq il-gallarija tal-każin  tal-PN hemm wiċċek u wiċċ żewġek wara ħadid tal-ħabs bil-kelma ‘Ġewwa’. Taħseb li dan huwa kollu bluff? Jew vera se jitfgħuk il-ħabs jekk il-PN jirbaħ?

Lili ma jistgħu qatt jitfgħuni l-ħabs għax jien m’għamilt xejn ħażin ...

Imma dak x’qed tgħid inti...

Le, naċċertak li aħna se nkomplu naħdmu biex isimna jkun nadif u biex naraw min hemm wara dan l-attakk miskin. L-istorja għad trid tinkiteb u t-tajjeb għad irid jirbaħ fuq il-ħażin u l-kattiverija. Min għamel dak il-poster u min fuq Facebook qal li proġett li sar mal-ħabsin sar biex nipprepara ċ-ċella tiegħi stess ngħidlu aħjar jara għemilu qabel jitkellem ...

Nies li suppost jagħmlu xogħolhom qed jibżgħu li jispiċċaw fil-mira ta’ dawn in-nies, li xi ħadd jivvinta fuqhom, jgħid kontrihom jew saħansitra jidħol fil-ħajja personali tagħhom, hekk spiċċajna f’dan il-pajjiż Michelle Muscat

Inti ġejt akkużata li int korrotta u ħalliela. Din l-allegazzjoni hija gravissima fuq kull front, kieku tkun minnha intom qiskom qbadtu spaga u niżżiltu l-PL magħkom...dawn l-aħħar ġimgħat u mumenti x’fissru għalik?

Jidħqu bina għax nużaw il-kelma serenità. Serenità hija dik li tħoss meta anke fid-dawl ta’ attakk bħal dan, tpoġġi rasek fuq l-imħadda għax taf li dak li ntqal mhux minnu. Dak li sar, isir minn min huwa dahru mal-ħajt biex titneħħa l-attenzjoni mill-ġid kollu li nħoloq f’dawn l-aħħar erba’ snin u biex il-kampanja tkun negattiva u jippruvaw jgħattu l-fatt li huma partit bla ideat, immexxi minn żewġ kaptani.

Dak li ntqal dwari huwa kollu perċezzjoni ta’ Michelle Muscat, mhux il-vera Michelle Muscat. Jiena min ikellimni, inkellmu lura, min jitlobni l-għajnuna nara kif nagħmel u ngħinu. Dik hija l-vera Michelle Muscat.

Kieku kellek tħares lejn l-aħħar erba’ snin, liema tgħid li hija l-aktar miżura pożittiva li introduċa Gvern Laburista?

Is-servizz ta’ child care bla ħlas. Iltqajt ma’ koppja ftit jiem ilu li jaħdmu t-tnejn u li qed jibagħtu lil uliedhom f’ċentru simili. Qaluli li t-tfal diġà qed jitkellmu Ingliż aħjar minnhom. Din kienet u tibqa’ miżura li tagħti empowerment lin-nisa, biex in-nisa jkampaw aħjar, biex ikunu jifilħu jħallsu, ikunu indipendenti, biex l-aspettattivi tagħhom jintlaħqu.

U issa qed naraw kif se ntejbuha wkoll billi nifirxuha għal dawk li jaħdmu matul il-lejl. Naf tobba u infermiera, piloti u nies fil-fabbriki li malli jkollhom it-itfal ma jkunux jistgħu jaħdmu aktar bil-lejl. Aħna ltqajna ma’ dawn in-nies, smajniehom u rridu nagħmlulhom ħajjithom aħjar, irridu li jkunu jistgħu jibqgħu għaddejjin bil-karrieri tagħhom filwaqt li xorta jibnu familja.

U jekk minkejja dak li qed tgħid il-poplu xorta jagħżel lil Simon Busuttil u l-PN?

Aħna naċċettaw l-għażla li jagħmel il-poplu. Aħna qed ngħixu f’demokrazija. Jekk il-poplu jrid jimxi fuq is-suċċess għandu l-għażla ta’ Joseph Muscat. Jekk irid imur lura jista’ jagħżel lil Simon Busuttil u l-kukkanja ta’ madwaru. Il-politika ta’ Joseph Muscat hija pożittiva u tat ir-riżultati, riżultati ta’ nies li qed jgħixu aħjar, pensjonanti li raw titjib fil-pensjoni, power station li taħdem bil-gass u tagħtina arja nadifa. Nieħu pjaċir meta jiġu fuqi u jgħiduli grazzi għax ibni li hu gay llum jista’ jkun open u aċċettat, kemm nieħu pjaċir nisma’ li għandna 1,000 persuna iktar b’diżabbilità li qegħdin f’impjieg u kemm għad fadal x’nagħmlu biex il-pajjiż ikun aħjar, biex in-nies jikbsu d-dinjità, biex fejn nista’ ngħin u nkun ta’ għajnuna lil dawk kollha li jkellmuni, ngħin.

Din hija l-politika li nemmen fiha u dan huwa l-pajjiż li rrid ngħix fih.

More in Politika