‘Jekk jirbaħ Busuttil u toħroġ li gideb, ikun hemm kriżi għax in-nies ma jaċċettawx gvern li tela’ b’gidba’

Joseph Muscat jgħid li hemm numru ta’ stejjer lesti ivvintati fuqu, fosthom li għandu kumpanija ma’ John Dalli f’Dubaj

Il-Prim Ministru waqt il-programm Xtra | ritratt: James Bianchi
Il-Prim Ministru waqt il-programm Xtra | ritratt: James Bianchi

Il-Prim Ministru Joseph Muscat qal kif jekk il-Kap tal-Oppożizzjoni, jirbaħ l-elezzjoni ġenerali, u wara li tintemm l-inkjesta, jirriżulta “li bbaża u rebaħ fuq gidba, ikun hemm kriżi, għax in-nies ma jaċċettawx sitwazzjoni li jkollok gvern mibni fuq gidba. Simon Busuttil bħala Prim Ministru, jekk joħroġ li kien gideb, ikun ippressat bl-ikbar kriżi kostituzzjonali tal-pajjiż meta jkollu gvern b’maġġoranza ta’ siġġu wieħed, u jkun ta’ Marlene Farrugia. Hemmhekk, addio xogħol u investiment.”

Waqt li kien qiegħed jieħu sehem fil-programm Xtra fuq TVM, immexxi minn Saviour Balzan, il-Prim Ministru reġa’ tenna kif jekk hu ma jiġix elett bħala Prim Ministru,  jirreżenja mill-kariga ta’ mexxej tal-PL. Fil-fatt, għall-mistoqsija ta’ x’jiġri fix-xenarju li jitlef l-elezzjoni l-Partit Laburista, u jirriżulta li dak li ntqal fil-konfront ta’ Muscat ma kienx minnu, il-Prim Ministru qal li, “dik tkun problema tal-maġistrat, jerfagħha hu. Jien x’nista’ nagħmel? Ma nistax inreġġa’ l-arloġġ lura. Jien inkun irreżenjajt u irtirajt mill-ħajja politika. Mhux problema tiegħi. Tkun ukoll problema ta’ Simon Busuttil.”

Dwar elezzjoni bikrija, Joseph Muscat qal li kieku jpoġġi l-interess tiegħu l-ewwel u mhux tal-pajjiż, kieku kien jaqbillu jistenna l-maġistrat ilesti l-inkjesta, “toħroġ il-verità li tikkonferma dak li qed ngħid jien, u mmur għal elezzjoni wara. Kien ikolli ferm iktar munizzjon, għax jispiċċa dak kollu li bbaża fuqu l-PN.” Kompla jinsisti;  “imma tista’ timmaġina l-livell ta’ inċertezza li kien ikun hawn fil-pajjiż bħalissa? L-ekonomija tkun staġnat, ix-xogħol ikun waqaf u l-investiment ikun ixxotta. Jien ma nilgħabx bil-futur tal-pajjiż. Mort għal elezzjoni għax ħassejt li dan il-logħob ta’ Simon Busuttil huwa logħob perikoluż għal pajjiżna.”

Jien ma nilgħabx bil-futur tal-pajjiż. Mort għal elezzjoni għax ħassejt li dan il-logħob ta’ Simon Busuttil huwa logħob perikoluż għal pajjiżna Joseph Muscat

Meta mistoqsi dwar il-kumpanija Egrant, Muscat qal kif kien ilu li sema’ bl-istorja xi ftit xhur. Spjega kif persuna avviċinatu b’din l-istorja, wara li Simon Busuttil kien tkellem dwar il-kumpanija Egrant waqt ikla, “jiġifieri Simon Busuttil kien jaf biha minn qabel, mhux billi mar jippoża tal-qaddis. Kien jaf x’se jintqal, jiġifieri maħduma.”  Sostna li, “tant kemm hija inkredibbli din l-istorja, li dħaknieha.”

Fil-fatt, Muscat żied jgħid li din ma kinetx l-unika ‘invenzjoni’ li sema’ dwaru, u li huma l-istejjer li jista’ joħroġ bihom il-Partit Nazzjonalista fiż-żmien li ġej, “smajt ukoll li qed nibni dar f’Tarġa Gap, oħra f’Tas-Sliema, li għandi appartament fi New York, li l-mara għamlet plastic surgery, li jien is-sid tal-isptarijiet ta’ Għawdex, li jien għandi kumpanija Dubai ma’ John Dalli u din hi s-sid tal-isptarijiet u li għandi kumpanija tiegħi li se tixtri l-Air Malta.” Muscat żied jgħid, “tgħidli li se joħorġu bihom dawn l-affarijiet? La saret gidba ta’ dawn id-dimensjonijiet, li ma fihiex lanqas ħjiel wieħed ta’ verità, dak kollu li semmejt, nistennih minn ħin għall-ieħor.” Kompla jgħid li hemm nies fi ħdan il-PN li huma ‘diżgustati’ b’din l-attitudni.

Parti mis-suċċess tal-pajjiż, ġej mill-fatt li Keith Schembri jifhem lin-nies tan-negozju. Li kieku ma kienx hemm hu fuq ċerti affarijiet, l-ekonomija tal-pajjiż ma kinetx tiċċaqlaq, kif qed tiċċaqlaq issa Joseph Muscat

Dwar Keith Schembri, Muscat reġa’ sostna li jekk ikun hemm biżżejjed provi biex jinbdew proċeduri kriminali fil-konfront tiegħu, Schembri jirreżenja, “issa jekk għall-argument ma jkun instab xejn, ikunu sallbuh għalxejn lil dal-bniedem?” Kompla jsostni li Schembri għen biex imexxi l-ekonomija ’l quddiem. “Parti mis-suċċess tal-pajjiż, ġej mill-fatt li Keith Schembri jifhem lin-nies tan-negozju. Li kieku ma kienx hemm hu fuq ċerti affarijiet, l-ekonomija tal-pajjiż ma kinetx tiċċaqlaq, kif qed tiċċaqlaq issa.”

Meta kien mistoqsi dwar l-iżviluppi riċenti dwar l-indħil mir-Russi, Muscat qal li ma ħassx li kellu l-obbligu jlaqqa’ l-laqgħa dwar is-sigurtà li tagħha huwa membru Simon Busuttil. Muscat sostna li hu jixtieq li jkun ċar f'moħħi "t-tip ta’ involviment li għandha l-Oppożizzjoni (fl-istorja Egrant), għaliex id-dubju li għandi hu jekk lil Simon Busuttil bellawhielu din il-biċċa xogħol, jew jekk hu jaf li kienet iffabbrikata u xorta baqa’ għaddej magħha, jew kienx hu parti mill-fabbrikazzjoni. Fit-tlieta li huma għandu r-responsabbiltà,” sostna Muscat. Żied jgħid li għandu f’idejh “l-affarijiet ċari u tondi dwar x’ħin, kif u meta ġew pjanati dawn l-affarijiet. Nafu bil-ħinijiet preċiżi meta kien hemm laqgħat fi ħdan il-PN, min kien ippjanat li jgħid ċertu affarijiet, f’liema ħin u kif. U minn dan aħna ċerti.”

More in Politika