aġġornata | Iż-żewġ mexxejja jaqblu li għandu jkun hemm front magħqud biex jiġi difiż il-qasam finanzjarju

Joseph Muscat jgħid li xejn minn dak żvelat fil-Malta Files mhuwa sigriet...isostni li se jkun qed jiddefendi isem Malta

Hekk kif dalgħodu, faqqgħet l-istorja tal-Malta Files internazzjonalment, ta' persuni minn madwar id-dinja b'kontijiet f'Malta biex jevadu t-taxxa f'pajjiżhom, iż-żewġ mexxejja politiċi affermaw id-dispjaċir tagħhom għall-fatt li storja bħal din titfa' dawl ikrah fuq pajjiżna. 

Il-Prim Ministru Joseph Muscat appella u qal kif jittama li ħadd f'Malta, "mhu qed jogħrok idejh u jieħu pjaċir b'dak li sar." Sostna li s-sistema ta' tassazzjoni Maltija għadha l-istess waħda li kellu l-pajjiż meta daħal fl-Unjoni Ewropea mingħajr bidliet fiha, waqt li tinkludi arranġamenti ta' information sharing irregolati mill-OECD (Organisation for Economic Co-operation and Development). Saħaq li xejn minn dak żvelat f'dawn il-Malta Files mhuwa sigriet, u huwa sempliċiment analiżi ta' reġistru eżistenti li huwa pubbliku. Muscat qal ukoll li, "infurmati li hemm numru ta' persuni qrib tal-Partit Nazzjonalista li se jkunu qed jissemmew f'dawn il-listi, u frankament jien ma jinteressanix għax mhux se nkun qed nuża dan bħala attakk politiku." Appella li dan huwa żmien li fih pajjiżna jrid jingħaqad, "sabiex ikollna front wieħed biex nissalvagwardjaw is-settur finanzjarju. Xogħli huwa dak li jistennew minni l-Maltin, li nkun qed niddefendi isem Malta."

Min-naħa tiegħu, waqt li kien qed jitkellem f'konferenza tal-aħbarijiet, il-Kap ta-Oppożizzjoni Simon Busuttil qal li huwa dispjaċut għal dak li qed jintqal u li jara lill-pajjiż jingħata prominenza fin-negattiv. "Ma naqbilx ma' dak li qed jingħad...aħna m'aħniex tax haven," sostna Busuttil, waqt li wiegħed l-appoġġ tiegħu lill-qasam finanzjarju, f'dan il-mument diffiċli. Żied jgħid li, "l-unika raġuni li jista' jkun hemm għal din is-sitwazzjoni hi li Joseph Muscat ħalla r-reputazzjoni ta' pajjiżna titkisser, għax kieku ħadd ma jipprova jattakka lil pajjiżna b'dan il-mod."

Waqt konferenza tal-aħbarijiet iktar tard, il-Prim Minsitru saħaq li dan huwa 'attakk fuq Malta' waqt li appella għall-koperazzjoni min-naħa ta' kulħadd. "Nittama li mqar wara l-elezzjoni, jkun hawn front magħqud fil-pajjiż, sabiex niddefendu s-settur," saħaq Muscat waqt li appella sabiex fuq din il-kwistjoni, m'għandux ikun hemm politika. "Il-Partit Laburista huwa kommess li jaħdem, sew mill-Gvern jew mill-Oppożizzjoni sabiex jinbena front nazzjonali" Muscat insista wkoll li se jkun qed jaħdem sabiex tiġi difiża s-sistema ta' tassazzjoni tal-pajjiż għaliex is-sistema hi approvata mill-Unjoni Ewropea. Fl-istess waqt, irrifjuta n-narrattiva li l-pajjiżna kiseb suċċess tul dawn l-erba' snin minħabba r-reġim ta' taxxi ta' pajjiżna, għaliex din ilha fis-seħħ minn qabel mal-pajjiż daħal fl-UE.

Min-naħa tiegħu, il-Ministru tal-Finanzi Edward Scicluna qal li dan huwa "attakk bla preċedent fuq is-sistema ta' tassazzjoni tagħna."

More in Politika