€1 miljun minn ċitazzjonijiet tal-gwardjani lokali investiti lura fil-komunità

Il-flus miċ-ċitazzjonijiet maħruġin minn Gwardjani Lokali se jiġu investiti f’titjib fit-toroq, attivitajiet reġjonali u programmi kulturali fit-teatri fid-diversi komunitajiet mfasslin ma’ Teatru Malta

Grazzi għal inizjattiva ġdida mnedija llum bi qbil bejn l-Aġenzija għall-Infurzar Lokali (LESA), il-Kunsill Malti għall-Arti u l-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali, is-somma ta’ €1 miljun li ġejjin minn ċitazzjonijiet maħruġin minn Gwardjani Lokali se jerġgħu jgħaddu lura direttament fil-komunitajiet Maltin u Għawdxin, biex dawn ikunu jistgħu jiġu investiti f’titjib fit-toroq, attivitajiet reġjonali u programmi kulturali fit-teatri fid-diversi komunitajiet mfasslin ma’ Teatru Malta.

L-inizjattiva ġiet imnedija mill-Ministru tal-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali Owen Bonnici waqt konferenza tal-aħbarijiet, flimkien mas-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali Stefan Buontempo, iċ-Chairman tal-Kunsill Malti għall-Arti is-Sur Albert Marshall, id-Direttur Artistiku ta’ Teatru Malta Sean Buhagiar u c-Chairman tal-LESA is-Sur Ray Zammit.

Il-Ministru Bonnici qal li meta l-Gvern wettaq ir-riforma fil-qasam tal-infurzar lokali, li wasslet għal titjib u sensittività ġdida fil-qasam tal-Gwardjani Lokali, kien sar impenn li l-flus li jifdal miċ-ċitazzjonijiet wara li jinqatgħu l-ispejjeż jingħataw lura lill-kunsilli lokali u lir-reġjuni. “Din l-inizjattiva tal-lum, qiegħed twettaq propju dan l-impenn li ninvestu dawn il-flus lura lill-komunitajiet tagħna,” qal il-Ministru Bonnici.

Huwa kompla li minkejja s-sensittività ġdida li ntlaħqet fil-qasam tal-Gwardjani Lokali u l-impenn li qiegħed isir biex ikun hemm aktar edukazzjoni, u minkejja li anke naqsu l-multi li ngħataw, fi tmintax il-xahar minn meta ġie rriformat is-settur – wara li tħallsu l-ispejjeż kollha – il-LESA kienet f’pożizzjoni li tagħti €1 miljun, li se jmorru lura lill-kunsilli lokali u lir-reġjuni. “Din l-inizjattiva qiegħda titnieda wkoll permezz ta’ mudell ta’ ħidma li ġab ir-riżorsi kollha flimkien u ħoloq sinerġija bejn il-partijiet kollha, li jien konvint se jibqa’ jaħdem fil-futur,” qal il-Ministru Bonnici.

Il-mudell maħluq se jkun qiegħed iwassal biex minn dawn il-flus 60 fil-mija jmorru direttament għand il-Kunsili Lokali biex jintużaw għal titjib fit-toroq, 30 fil-mija se jmorru għal attivitajiet reġjonali mill-ħames reġjuni ta’ pajjiżna b’kordinazzjoni mal-Kunsill Malti għall-Arti u 10 fil-milja se jmorru għal programmi teatrali biex jerġgħu jiġu investiti fi programmi teatrali fil-komunitajiet. Dan sar bi qbil bejn l-entitajiet kollha involuti, f’sinerġija li wasslet biex il-familji u ċ-ċittadini jgawdu direttament mill-flus li jidħlu mill-infurzar lokali.

Is-Segretarju Parlamentari Buontempo qal li l-Gvern impenjat li jkompli jinvesti fil-komunitajiet u qed jaħdem id f’id mal-Kunsilli Lokali, għall-ġid soċjo-eknomiku tan-nies.  Huwa qal li r-riforma fis-sistema tal-gwardjani lokali ma kinitx waħda kożmetika iżda din saret sabiex isservi lil-lokalitajiet permezz ta’ onfurzar għal sewqan aktar responsabbli filwaqt li jsiru proġetti ta’ fejda għar-residenti tal-lokal b’immaniġjar aħjar tal-penali miġburin. “Se nkomplu nisimgħu lin-nies u ntejbu aktar is-sistema sabiex din tkun ta’ servizz għaċ-cittadini. Determinati li l-gwardjani lokali nkomplu nitrasformawhom f’uffiċjali tal-kommunità li jservu ta’ għajnuna liċ-ċittadini tagħna,” temm jgħid is-Segretarju Parlamentari Buontempo.

Il-konferenza kienet indirizzata wkoll mid-Direttur Artistiku ta’ Teatru Malta Sean Buhagiar li spjega kif dawn huma t-tip ta’ inizjattivi li Teatru Malta trid toħloq biex tassew tkun il-kumpanija teatrali nazzjonali. “Teatru Malta hija impenjata li taħdem id f’id mal-komunitajiet u hawnhekk allura qegħin proprju ninvestu f’dak li qegħdin ngħidu permezz ta’ fondi li ġejjin minn mudell brillanti ta’ koperazzjoni li huwa pedament li għandna nkomplu nibnu fuqu anke mas-settur privat.”

Tkellem ukoll iċ-Chairman tal-Kunsill Malti għall-Arti Albert Marshall li qal kif din l-inizjattiva żżewwaq sewwa l-oqsma tal-ġustizzja, l-infurzar lokali u l-kultura li kollha huma pilastri tas-soċjetà tagħna u essenzjali fil-ħajja ta’ kuljum tal-komunitajiet tagħna.

More in Politika