Min iħaddem jista' jabbuża mill-ftehim dwar il-paga minima

Il-Kampanja Paga Minima Diċenti twissi dwar abbużi li jistgħu jsiru fuq il-ħaddiema bil-ftehim il-ġdid li sar dwar il-paga minima

F'konferenza tal-aħbarijiet msejjħa s-Sibt filgħodu mill-Kampanja Paga Minima Diċenti, il-Kampanja sostniet li filwaqt li tagħraf l-apsetti pożittivi, il-Kampanja Paga Minima Diċenti tħoss li l-ftehim maqbul bejn l-imsieħba soċjali u approvat mill-gvern ma jilħaqx l-aspetitivi mixtieqa għall-ħaddiema. Il-Kampanja ittenni li l-proposta tagħha hija ta’ 11% fuq medda ta’ tliet snin, figura li diġa’ kienet konservattiva. Barra minn hekk, żieda fil-paga minima hi primarjament ibbażata fuq prinċipju ta’ ġustizzja soċjali u mhux biex jinqered il-faqar.

KPMD sostnew li jinsabu kuntenti li ċaqalqu l-ilma biex wara kważi erbgħin sena, kien hemm qbil biex il-paga minima togħla, u kuntenti li l-proposta tagħna biex ikun hemm reviżjoni kontinwa tal-paga minima intlaqgħet. Hu tajjeb ukoll li se titwaqqaf Kummissjoni għal Pagi Baxxi u li l-Prim Ministru qal li d-diskussjoni fuq il-paga minima għandha tkompli.

Il-Kampanja nnotat li l-paga minima mhux se togħla għal kulħadd, imma se togħla biss għal dawk li se jkunu ilhom sena f’impjieg mal-istess sid. Kif ġie ikkwotat jgħid il-Prim Ministru, “jista’ jkun hemm xi abbużi minn xi waħdiet li jivvintaw mekkaniżmu legali biex iduru ma’ dan il-ftehim.” Dan il-ftehim jista’ jkun ta’ inċentiv għal min iħaddem biex ikeċċi lill-ħaddiema qabel jagħlqu sena fl-impjieg tagħhom. Għaldaqstant, sostnew il-KPMD, il-paga minima għandha tiżdied għal kulħadd mill-ewwel.

Fil-konferneza tal-aħbarijiet ingħad ukoll li €8 fil-ġimgħa fuq medda ta’ sentejn mhumiex biżżejjed għaliex dawn huma ftit wisq. "Din iż-żieda ma tiggarantixxix paga ġusta u diċenti. Il-proposta ta’ 11% fuq tliet snin diġa’ hi baxxa ħafna u din iż-żieda lanqas biss hi nofs ta’ dik li proponejna."

B’hekk, il-Kampanja Paga Minima Diċenti se tkompli tinsisti sabiex il-paga minima togħla b’mod ġust u xieraq u li l-mekkanizmu ta’ kif tinhadem il-COLA għandu jiġi rivedut.

More in Politika