Esklussiva: Il-'whistleblower' ma produċiet l-ebda dokument quddiem il-Maġistrat

• Tinsab il-Qorti akkużata b'żewġ każijiet ta' frodi u rapporti foloz 

• Il-mara Russa tkeċċiet mill-bank f'Marzu 2016

Ilbieraħ wara nofsinhar, mara Russa li kienet impjegata ta' Pilatus bank, u li kienet imkeċċija u qed taffaċċja proċeduri kriminali kontriha mill-istess bank fil-Qorti, dehret quddiem il-Maġistrat Aaron Bugeja.

Skont kollegi viċin din il-mara li tkellmu ma' dan is-sit qalu li din il-mara ma produċiet l-ebda dokument, fatt dokumentat jew prova biex turi li Michelle Muscat hija is-sid jew għandha x' taqsam mal-kumpanija Egrant, allegazzjoni li diġà ġiet miċħuda bil-qawwa kollha mill-Prim Ministru u l-mara tiegħu.

Il-mara, li tkeċċiet f’Marzu 2016 mill-Bank, qed tiġi mfittxija talli użat fondi tal-bank għal skopijiet privati. Hi diġà ġiet investigata mill-pulizija u tinsab quddiem il-Qorti akkuzata bi frodi u rapporti foloz.

Fil-fatt, dokumenti li għandu f'idejh dan is-sit jiżvela kif il-persuna in kwistjoni għamlet rapport, li l-bank qed jallega li huwa falz, meta allegat li ma tħallsitx għall-internship mal-Bank Pilatus meta fil-fatt, skont l-avukat tal-bank u skont provi li dan ressaq f'isem il-bank, din tħallset dak kollu li kien dovut lilha.
Imma mhux dak biss, jirriżulta li meta l-bank organizza mawra fil-Ġermanja għall-impjegati tal-istess bank, ir-Russa ġiet inkarigata biex tagħmel l-arranġamenti neċessarji, u wara l-awtorizzazzjoni tagħmel il-‘booking’. Minflok, din għamlet l-arranġamenti hi stess, iffirmat il-kuntratt tal-‘booking’ mal-lukanda għan-nom tal-Bank u mingħajr ma kienet awtorizzata tagħmel dan, ibbukkjat kamra addizzjonali fejn spiċċat tellgħet il-Ġermanja lil żewġha u t-tfal tagħha, waqt li tefgħet il-kont tal-vaganza tal-familja tagħha fuq il-bank.

B’hekk, il-Bank spiċċa ħallas għall-akkomodazzjoni tal-familja tal-mara. Jidher li kienu impjegati oħra tal-bank li rrappurtawha wara li indunaw bil-familja waqt li kienu ġejjin lura Malta.

Intant, id-dokumenti li għandu f'idejh l-illum.com.mt juru li filwaqt li din il-persuna kienet qiegħda tagħmel dawn l-arranġamenti biex l-impjegati tal-Bank imorru żjara fi Frankfurt, hi ppreżentat ruħha mal-istess aġenzija tal-ivjaġġar bħala persuna li għandha xi awtorità biex tibbukkja l-vjaġġi. Hija bbukkjat ukoll vjaġġ ieħor personali għaliha, għall-familja tagħha fil-Greċja. Il-kumpanija tal-ivvjaġġar, min-naħa tagħha għadha qed tipprova titħallas mingħand il-Bank, li naturalment ma awtorizzax l-istess vjaġġ. Il-provi dokumentati ta' dawn il-każi, diġà tressqu fil-Qorti.

Din il-mara Russa biddlet l-avukat tagħha ħabta u sabta tliet xhur ilu, u beda jiddefendiha avukat mill-uffiċċju ta' Ann Fenech, President tal-Partit Nazzjonalista u ħabiba kbira ta’ Daphne Caruana Galizia, li s-soltu aktar huma iffukati fuq każijiet ta' natura kummerċjali.

Persuni li jafu din il-mara Russa, u li allegaw affarijiet dwarha li m'aħniex se nirrapurtaw għalissa minħabba li għadhom iridu jiġu vverifikati, qalu hekk lil dan is-sit elettroniku dwar ix-xhieda li tat fil-Qorti quddiem il-Maġistrat: "il-mara damet madwar sagħtejn u baqgħet ma ppreżentat l-ebda evidenza dokumentata biex tikkonferma l-allegazzjoni tagħha. Hija qalet affarijiet li ntqal lilha biex tgħid iżda ma stennietx li se jsirulha mistoqsijiet preċiżi."

Ilbieraħ, ir-rivelazzjoni li ‘whistleblower’ dehret quddiem il-Maġistrat Aaron Bugeja ġie ċirkulat mill-blogger Daphne Caruana Galizia u wassal biex il-Partit Nazzjonalista reġa' tenna li l-Prim Ministru Joseph Muscat għandu jirreżenja minnufih. 

Imwaqqaf minn ġurnalisti biex jikkumenta dwar l-aħbar li persuna kienet marret quddiem il-Maġistrat biex tikkonferma l-allegazzjonijiet, il-Prim Ministru qal li jinsab ferħan li ser toħroġ il-verità. Anzi insista li, "ser taqgħu waħda għaċ-ċajt."
Il-Bank Pilatus qed jiġi ppreżentat fil-Qorti kontra din l-eks impjegata mill-avukat Joe Giglio li ressaq il-provi kontriha.⁠⁠⁠⁠

More in Politika