'Jien għadni qed nistenna prova waħda għall-gideb li sar fil-konfront tiegħi'

Il-Prim Ministru sostna li hawn ħafna Maltin li huma inkwetati li l-karattru tal-Kap tal-Oppożizzjoni hu dgħajjef ħafna

Il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li għadu qed jistenna li tinġieb prova waħda, "għall-gideb li sar fil-konfront tiegħi." Meta kien qed jirrispondi l-mistoqsijiet tal-ġurnalisti, il-Prim Ministru qal li l-investigazzjonijiet, qed isiru fuq dak li ntqal fuqu.

Meta mistoqsi dwar jekk jaħsibx li għandu jwarrab sakemm jintemmew l-investigazzjonijiet, Muscat qalli għadu qed jistenna l-provi għal dan, u żied jgħid li "allaħares kull min issir gidba fuqu, jwarrab."

Jekk iqabbiżielu xi ħadd ieħor u jekk ikun Prim Ministru, malajr jibda jitfa' n-nies il-ħabs bl-addoċċ

Il-Prim Ministru kompla jgħid li, "forsi dan huwa l-unika mod li għandu Simon Busuttil biex jipprova jeħles minni." Kompla jsostni li lbieraħ, saħansitra, Busuttil appella għall-arrest tiegħu. "Dan mhuwiex diskors ta' Kap tal-Oppożizzjoni ta' pajjiż demokratiku, u bħalissa hawn ħafna Maltin u Għawdxin li huma inkwetati li l-karattru tal-Kap tal-Oppożizzjoni huwa dgħajjef ħafna, li meta jkun dahru mal-ħajt u taħt naqra pressjoni, jibda shooting from the hip u llum Joseph Muscat, u jekk għada jqabbiżielu xi ħadd ieħor u jekk ikun Prim Ministru, malajr jibda jitfa' n-nies il-ħabs bl-addoċċ."

More in Politika