Hemm sħab fuq l-orizzont?

Il-Kandidat tal-PN Joe Ellis : 'Essenzjalment, il-Partit Laburista ta’ Muscat qed iżarma dak li kien bena Mintoff....'

Joe Ellis jiddubuta jekk il-Gvern ver kellux idoqq it-trombi fuq il-fatt li l-baġit ta' pajjiżna laħaq surplus...
Joe Ellis jiddubuta jekk il-Gvern ver kellux idoqq it-trombi fuq il-fatt li l-baġit ta' pajjiżna laħaq surplus...

 Il-ġimgħa, il-Gvern Laburista għamel kjass mhux ħażin minħabba żewġ aħbarijiet ekonomiċi li dehrlu li kienu pożittivi. Wieħed ma jagħti tort lil ħadd li jdoqq it-trombi meta jkun f’pożizzjoni li jagħmel hekk. Imma għalxejn wieħed idoqq it-trombi jekk ir-realtà tkun differenti minn dak li wieħed ikun qed jipprova juri.

Il-Gvern tal-ġurnata hu kburi bir-rekord tiegħu fil-qasam tal-ekonomija u tal-finanzi tal-gvern. Għal ħafna snin, bosta nies kienu jemmnu li l-Partit Nazzjonalista kien f’qagħda aħjar sabiex imexxi l-ekonomija nazzjonali mill-Partit Laburista fil-gvern. Parti mill-istrateġija sabiex jakkwista l-poter wara snin twal fid-deżert kienet is-superament ta’ din il-perċezzjoni. Il-kandidatura tal-professur Edward Scicluna fi ħdan il-Partit Laburista kienet ċentrali f’din l-istrateġija.

Essenzjalment, il-Partit Laburista ta’ Muscat qed iżarma dak li kien bena Mintoff, ħaġa li ħadd m’ażżarda jipprova jwettaq fl-era twila Nazzjonalista Joe Ellis

'It-twemmin li assi importanti tal-istat għandhom ikunu f’idejn il-gvern, ġie abbandunat kompletament'

Madankollu, l-istrateġija ekonomika tal-Partit Laburista llum hija qajla differenti minn dik li kellu fis-snin tmenin. Mhux kulħadd se jaqbel ma’ din l-istqarrija għaliex il-Partit Laburista għamel bidla radikali fil-mod kif iħares lejn il-proprjetà privata u pubblika. It-twemmin li assi importanti tal-istat għandhom ikunu f’idejn il-gvern, ġie abbandunat kompletament. Anzi l-Partit Laburista għamel konverżjoni bħal ta’ San Pawl u ta’ propagatur tal-idea li faċilitajiet essenzjali jkunu f’idejn l-istat, spiċċa jipprivatizza l-isptarijiet u l-power stations. Essenzjalment, il-Partit Laburista ta’ Muscat qed iżarma dak li kien bena Mintoff, ħaġa li ħadd m’ażżarda jipprova jwettaq fl-era twila Nazzjonalista.  Donnu ftit indunaw jew taw każ din il-bidla daqshekk radikali jew innutaw li l-Partit Laburista adotta politika tal-lemin estrem. Biex nagħtu eżempju ċar, l-ebda partit Ingliż mhu favur il-privatiżazzjoni tal-NHS, lanqas il-UKIP li qiegħed fuq il-lemin tal-Partit Konservattiv.  Madankollu, il-gvern Laburista pproċeda sabiex jipprivatizza tliet sptarijiet, wieħed minnhom huwa l-unika sptar f’Għawdex, mingħajr qatt ma kien semma xejn fil-manifest elettorali tiegħu. Biex tgħaqqad, il-poplu għadu ma jafx min verament beda jmexxi dawn l-isptarijiet, xi ħlasijiet ser ikunu dovuti lil din il-kumpanija u x’investiment hija mistennija li tagħmel sakemm il-kuntratt jibqa’ fis-seħħ. Ninsab infurmat li fil-kuntratt li ġie ppubblikat riċentement tgħattew in-numri kollha li kien hemm. Dan hu l-istat tad-demokrazija parlamentari llum: jiġu pprivatizzati tliet sptarijiet mingħajr ebda diskussjoni fil-Parlament, u ċ-ċittadin jitħalla fl-għama għal kollox. Issa xi ħadd jista’ jgħid li n-Nazzjonalisti kienu jagħmlu l-istess u jsemmi l-kuntratt tal-lottu u anke affarijiet oħra. Imma huwa ġustifikat li Gvern jimxi ħażin għax allegatament hekk mexa l-gvern ta’ qablu? Ċertament li le.

Pjuttost naħseb li l-figura ta’ żieda fil-ħlasijiet tkopri persuni li uffiċjalment mhumiex fis-settur pubbliku għax qegħdin jitħaddmu uffiċjalment mill-privat biex jiġu sekondati mas-servizz pubbliku Joe Ellis

Għall-Gvern Laburista tal-lum, bħal dak tas-snin tmenin, tliet parametri ekonomiċi huma l-aktar importanti: ir-rata tal-inflazzjoni, ir-rata tal-qgħad u l-livell tad-dejn pubbliku. Fir-rigward tal-inflazzjoni, jew l-għoli tal-ħajja, dan il-gvern kien ferm fortunat peress li kkrolla l-prezz taż-żejt. Ir-riżultat kien li l-prezzijiet naqsu sew fl-ewrożona kollha u mhux biss. Fil-fatt, il-Bank Ċentrali Ewropew kien inkwetat li tfaċċa fenomenu negattiv u kuntrarju għall-inflazzjoni, id-deflazzjoni. Dan jiġri meta l-prezzijiet jorħsu u bħala riżultat, il-konsumaturi jibdew jipposponu d-deċiżjonijiet tagħhom sabiex jixtru għaliex jistennew li aktar ma jħallu żmien jgħaddi, aktar il-prezzijiet se jorħsu. Wara li l-BĊE adotta l-politika ta’ quantitative easing li tfisser ix-xiri ta’ bonds tal-gvern u tal-privat mill-banek ċentrali Ewropej u l-istabilizzazzjoni tal-prezz taż-żejt, ir-rata tal-inflazzjoni għoliet ftit imma mhux b’xi mod spettakolari. Għaldaqstant, il-Gvern Laburista ftit li xejn kellu għalfejn jinkwieta fuq ir-rata tal-inflazzjoni u fi kwalunkwe każ, issa li l-politika monetarja qiegħda f’idejn il-BĊE, il-gvern Malti ftit li xejn seta’ jagħmel fir-rigward.

'Dan il-Gvern abbanduna għal kollox it-tagħlim tiegħu: hemm gideb, gideb misħut u statistika'

Dwar ir-rata tal-qgħad, il-Gvern Laburista jiftaħar li llum għandna rata tal-qgħad baxxa daqs qatt qabel. Jekk wieħed iħares lejn l-istatistika, għandu raġun imma bosta drabi iċċitajna dak li kien jgħid l-ekonomista famuż John Maynard Keynes li dan il-Gvern abbanduna għal kollox it-tagħlim tiegħu: hemm gideb, gideb misħut u statistika. Għalhekk, meta tiġi ppubblikata l-istatistika uffiċjali, wieħed irid jifliha sew u jagħżel il-qamħ mill-karfa. Jekk wieħed iħares l-istatistika li ġiet ippubblikata nhar il-Ħamis li għadda, wieħed jara li l-ispiża tal-gvern f’salarji żdiedet minn €704m fl-2014 għal €742.4m fl-2015 u għal €782m fl-2016. Kalkoli ta’ malajr juruk li f’sentejn, l-ispiża fuq salarji tal-ħaddiema tal-gvern żdiedet b’€78m jew €39.6m fis-sena. Kemm hija ġustifikata din iż-żieda daqshekk kbira fis-salarji tal-ħaddiema tal-gvern meta żgur li ħadd ma jista’ jiftaħar li s-servizzi pubbliċi tjiebu b’xi mod radikali?  Aktar u aktar meta kull sena jirtiraw mijiet jekk mhux eluf mis-servizz pubbliku.

'In-numru nett ta’ ħaddiema fis-settur pubbliku qed jiżdied b’400 fis-sena ...  €40m fis-sena'

Din il-ferneżija tal-Gvern li jimpjega eluf miegħu taħt pretest jew ieħor u taħt skema jew oħra, qiegħda tagħmel ħsara kbira lill-pajjiż. Qiegħda therri l-etika tax-xogħol, qiegħda xxekkel l-operat tas-settur privat li mhux isib ħaddiema biex jaħdmu u qed jgħabbi l-ispiża pubblika b’piż li mhux meħtieġ. Dan l-aħħar kont preżenti f’diskussjoni li fiha ntqal li t-8,000 ruħ li daħlu mas-settur pubbliku fl-aħħar xhur tal-gvern ta’ Karmenu Mifsud Bonniċi fis-snin tmenin, swew lill-kaxxa nazzjonali €5 biljun, jiġifieri daqs id-dejn nazzjonali.  Kieku l-gvern fena l-qagħad bil-ħolqien ta’ xogħol produttiv, kieku jkollu għalfejn idoqq it-trombi. Imma fir-realtà, filwaqt li aktar ma jgħaddi ż-żmien is-settur privat qed jispiċċa jiddependi fuq il-ħaddiema barranin sabiex ikompli jaħdem, ħafna mill-ħaddiema Maltin huma f’tellieqa sabiex idabbru rashom fis-settur pubbliku. Fil-fatt, il-Labour Force Survey juri li fil-waqt li fl-2014 il-medja ta’ ħaddiema fis-settur pubbliku kienet 44,000, f’Settembru 2015 telgħet għal 44,400 u sena wara f’Settembru 2016, kompliet tikber għal 44,800. Dan ifisser li medjament, in-numru nett ta’ ħaddiema fis-settur pubbliku qed jiżdied b’400 fis-sena li qegħdin iffissru żieda fl-infiq pubbliku ta’ €40m fis-sena. Kif in-nefqa fil-ħlasijiet ta’ salarji żdiedet b’€40m minkejja li jidher li ż-żieda netta ta’ ħaddiema fis-settur pubbliku żdiedet b’400 biss ma fhimtx għax ma naħsibx li dawn l-400 qed jieħdu €100,000 fis-sena ras imb’ras.  Pjuttost naħseb li l-figura ta’ żieda fil-ħlasijiet tkopri persuni li uffiċjalment mhumiex fis-settur pubbliku għax qegħdin jitħaddmu uffiċjalment mill-privat biex jiġu sekondati mas-servizz pubbliku.  Nixtieq inkun naf min jista’ jaħseb li din hi politika għaqlija u sostenibbli li ser tkabbar il-ġid nazzjonali. 

Kalkoli ta’ malajr juruk li f’sentejn, l-ispiża fuq salarji tal-ħaddiema tal-gvern żdiedet b’€78m jew €39.6m fis-sena. Kemm hija ġustifikata din iż-żieda daqshekk kbira fis-salarji tal-ħaddiema tal-gvern meta żgur li ħadd ma jista’ jiftaħar li s-servizzi pubbliċi tjiebu b’xi mod radikali? Joe Ellis

 

Niġu għall-aħħar parametru importanti għall-politika ekonomika tal-Gvern Laburista. Din il-ġimgħa sar kjass għax għall-ewwel darba f’35 sena, il-finanzi tal-gvern spiċċaw is-sena f’surplus. Dan ifisser li d-dħul tal-gvern is-sena l-oħra kien aktar mill-ħruġ tiegħu. Minkejja s-surplus li ġie reġistrat, id-dejn tal-gvern xorta żdied b’€140.2m jew b’2.6% minħabba ammont akbar ta’ self mill-gvern permezz ta’ Government Stocks u Treasury bills. Spjegazzjoni għala ġara hekk ma ngħatatx.  Imma tajjeb ukoll li fi kwalunkwe każ, wieħed jifli ftit kif dan seħħ.

Filwaqt li d-dħul rikorrenti żdied b’€172.2m, l-ispiża totali naqset b’€72.2 m. Kieku l-ispiża naqset minħabba ekonomiji jew kontroll fuq il-ħela, kieku wieħed jieħu gost. Madankollu, il-kontributi tal-gvern lill-entitajiet tiegħu ma naqsux imma żdiedu minn €295m għal €355m fis-sena li għaddiet. L-akbar tnaqqis kien fl-ispiża kapitali fl-ammont ta’ €271.2m. Fil-fatt, l-ispiża kapitali li fis-sena 2014 kienet €435m u telgħet għal €581m fl-2015, niżlet drammatikament għal €310m fl-2016. Il-gvern iddefenda ruħu għax qal li fl-2015, kellha ssir spiża kapitali akbar sabiex jingħalqu l-proġetti Ewropej. Imma wieħed jixtieq jistaqsi għala dan it-tnikkir kollu sabiex jintefqu l-flus tal-UE għas-snin 2014-2020. Tliet xhur oħra ser inkunu f’nofs dan il-programm u hemm ħafna u ħafna fondi li ħadd għadu ma jaf kif ser jintefqu.

Ċertament lanqas mhu għaqli li nitnikkru sabiex nagħmlu l-ispiża kapitali meħtieġa u mbagħad ħafna ġenn fl-aħħar biex ma nitilfux il-fondi li ġew allokati lilna. Il-gvern għandu jispjega għala waqa’ daqshekk lura fl-ispiża kapitali għaliex intant qed naraw l-ewwel effetti tan-nuqqas ta’ investiment fl-infrastruttura b’toroq iċedu ’l hemm u ’l hawn.

Tajjeb li nibbilanċjaw il-baġit u li nrażżnu l-qgħad imma mhux a skapitu tal-ġid futur ta’ dan il-pajjiż. Sfortunatament, dan il-gvern ħsiebu biss fil-qagħda tal-lum u mhux qed jaħseb fil-futur. Mal-ewwel maltemp ekonomiku li ser jiltaqa’ miegħu, pajjiżna ser ibati jekk il-gvern ma jaħsibx biex jilqa’ tajjeb għalih. Wisq nibża’ li l-Gvern hu nieqes bil-kbir mill-viżjoni ekonomika sabiex jilqa’ għall-perikoli futuri li inevitabbilment pajjiżna ser jaffaċja.

 

More in Politika