Xejn entużjażmu għall-kwoti

Jew kontra, jew favur għax bil-fors... deputati nisa dwar il-kwoti ta’ nisa fil-Parlament

Ftit jew xejn jidher li hemm entużjażmu fost il-membri parlamentari nisa sabiex tiddaħħal il-kwota meta jiġu eletti n-nisa fil-Parlament. Minkejja li d-disa’ deputati nisa qablu li jeħtieġ li jkun hemm iktar rappreżentazzjoni tan-nisa fil-parlament, mhux kulħadd qabel li din hija l-aħjar triq.

L-ILLUM għamlet kuntatt ma’ seba’ deputati nisa, filwaqt li kkwotat l-istqarrijiet pubbliċi li għamlu l-Ministru Helena Dalli u l-Kap tal-PD Marlene Farrugia, minn mindu l-Prim Ministru Joseph Muscat qal li se jfittex mandat biex ikun hemm kwota ta’ nisa fil-Parlament. Is-Segretarji Parlamenti Justyne Caruana u Deborah Schembri, flimkien mad-deputati Nazzjonalisti Paula Mifsud Bonnici, Kristy Debono u Claudette Buttigieg kollha ddeskrivew din il-proposta bħala ‘neccessary evil’, hekk kif anke jekk mhux neċessarjament jaqblu mal-kunċett tal-kwoti tan-nisa, jemmnu li dan huwa mezz bżonnjuż ta’ kif in-numru tan-nisa fil-Parlament jiżdied fi żmien qasir, u b’hekk ikun qed jitħaffef il-proċess ta’ ugwaljanza.

Kienu biss żewġ deputati li esprimew ruħhom favur u kontra din il-proposta, rispettivament. Fil-fatt, id-deputata Marlene Farrugia kellha kliem iebes għal din il-proposta u saħansitra qabblitha mal-kwoti tat-tonn. Min-naħa l-oħra, il-Ministru Helena Dalli qablet mal-Prim Ministru u qalet li l-kwoti huma bżonnjużi, għaliex mingħajrhom, ikollhom jgħaddu ħafna snin sakemm ikun hemm Parlament rappreżentattiv.

 

‘It-triq ’il quddiem mhux il-kwoti għan-nisa imma ‘family friendly’ measures’

Kif sostna l-Prim Ministru f’Jum il-Mara waqt li kien qed jirrispondi għal mistoqsijiet tal-pubbliku u reġa’ tenna dan fil-laqgħa Ġenerali Annwali ta’ Nisa Laburisti, hu jemmen li għandha tiddaħħal kwota għan-nisa fil-Parlament sabiex tiżdied ir-rappreżentanza. Muscat kompla jgħid li l-aspirazzjoni tiegħu hi li, “naslu għal sitwazzjoni fejn ma jkunx hemm iktar bżonn il-kwota,” waqt li jżid jgħid li ma jarax għażla oħra sabiex tingħata imbuttatura lill-parteċipazzjoni ferm iktar ta’ nisa fil-ħajja politika. Fl-indirizz tiegħu lil Nisa Laburisti, Muscat żied isostni li dawn il-miżuri ta’ kwoti għandhom jiddaħħlu temporanjament sabiex jiżdied in-numru ta’ nisa eletti, u maż-żmien lanqas ikun hemm bżonnha aktar, “kif ġara fil-Partit Laburista stess.”

Il-Ministru għad-Djalogu Soċjali Helena Dalli, waqt sessjoni ta’ ‘Gvern li Jisma’’, faħħret il-proposta tal-Prim Ministru u qalet li “jekk mhux se nieħdu azzjoni, irid jgħaddi ħafna u ħafna żmien biex verament ikollna Parlament li jirrapreżenta s-soċjetà tagħna. Hekk kif Dalli żżid tgħid li fil-Parlament, fejn suppost hemm ir-rappreżentanti tal-poplu, “kif tħares lejn il-membri, qisek għandek 10% biss tal-popolazzjoni li huma nisa, għax daqshekk għandek nisa fil-Parlament.”

F’kuntatt li għamlet din il-gazzetta mal-membri parlamentari nisa, deher li m’hemmx xi entużjażmu partikolari biex tiddaħħal din il-kwota iżda kien hemm numru konsiderevoli li raw dan il-pass neċessarju biex tinkiseb ugwaljanza, għalkemm mhux il-mod ideali biex iseħħ dan.

Fil-fatt, mal-ILLUM, is-Segretarju Parlamentari Justyne Caruana sostniet li f’dinja ideali, il-kandidati jiġu eletti grazzi għall-mertu tagħhom u mhux għax huma nisa. Iddeskriviet l-idea tal-kwoti bħala ‘necessary evil’ u mezz ta’ kif tiżgura li iktar nisa jiġu eletti fil-Parlament, u għaldaqstant temmen li għandha tkun inkoraġġuta diskussjoni dwar dan. Ma’ dan il-punt taqbel ukoll ix-shadow minister għas-saħħa Claudette Buttigieg li ssostni li fihom infishom, il-kwoti mhumiex l-għan aħħari iżda mezz biex jintlaħaq l-għan. Id-deputata Paula Mifsud Bonnici min-naħa tagħha sostniet li huwa minnu li l-kwoti huma metodu effettiv ta’ kif wieħed jista’ jikseb iktar bilanċ, “u wieħed jista’ jargumenta wkoll li din tista’ tpatti għal diskriminazzjoni diġà eżistenti.” Minkejja dan, Mifsud Bonnici tinsisti li dan ma jridx jaħdem kontra n-nisa, li jitqiesu ta’ suċċess sempliċiment għaliex huma nisa, u mhux minħabba l-ħiliet u l-merti tagħhom.

Dan l-argument tqajjem ukoll mid-Deputata Kristy Debono li qalet li għadha ma ħaditx pożizzjoni dwar din il-proposta, iżda bħal deputati oħrajn tħoss li hija ‘necessary evil’, imma fl-istess waqt tinsisti li tibża’ li b’dawn il-kwoti jaqgħu l-livelli tan-nisa, partikolarment jekk jibdew jitqiesu biss bħala numri, kemm tintlaħaq il-kwota.

Id-deputati Nazzjonalisti kollha faħħru lill-Partit Nazzjonalista għall-bidliet li għamel fl-istatut tiegħu sabiex jirrifletti rappreżentazzjoni ikbar taż-żewġ sessi, u fil-fatt, Claudette Buttigieg tirrimarka li llum il-ġurnata, is-Segretarju Ġenerali tal-PN kif ukoll il-Presidenti ta’ wħud mill-entitajiet għolja tal-partit huma nisa. Tgħid ukoll li l-Partit qed jagħmel sforzi biex iħajjar iktar nisa jsiru kandidati. Fid-dokument għal governanza tajba, il-Partit Nazzjonalista kien ukoll ippropona biex jiddaħħlu miżuri biex tintlaħaq ugwaljanza sħiħa, jiġifieri 50% fil-ħatriet pubbliċi. Id-deputata Marthese Portelli, min-naħa tagħha qalet li l-PN diġà għandu l-kwoti fl-istrutturi interni tiegħu u saħqet iżda li l-ugwaljanza tfisser li jkollok spazju ugwali fejn in-nisa u l-irġiel ikunu jistgħu jagħtu sehemhom, u “dan ma jintlaħaqx f’sistema li tnaqqas l-ammont ta’ deputati rġiel biex jiżdiedu dawk nisa, sempliċiment biex ikollok numri indaqs, imma hi waħda li tipprovdi aċċess ugwali sabiex issir membru parlamentari.”

 

‘Mara għandha tirnexxi waħedha mingħajr ma jimbottaha ħadd’

Id-deputata indipendenti Giovanna Debono qalet li l-preferenza dejjem tkun li mara tilħaq f’kariga li jkollha u tiġi eletta fil-Parlament bil-mertu tagħha u għax tkun ħadmet għaliha hi. Minkejja li temmen li għandu jkun hemm rappreżentanza ikbar ta’ nisa, Debono qalet li, “m’għandekx iddaħħal mara sempliċiment biex tlaħħaq il-kwota,” għaliex tispiċċa tirrifletti ħażin fuq in-nisa.

Is-Segretarju Parlamentari Deborah Schembri min-naħa tagħha ssostni li ma taqbilx mal-kwoti bħala prinċipju għaliex taħseb li “jwaqqgħu ġieħ min ikun se jiġi elett ħabba fihom.” Minkejja dan, tirrikonoxxi li l-kwoti fil-fatt huma effettivi u fejn iddaħħlu l-kwoti, “ir-riżultati kienu l-istess daqs dawk li wieħed jasal għalihom f’madwar 25 sena f’sistema normali. Għaldaqstant,” tkompli tgħid Schembri, “il-kwoti m’għandhom qatt jitqiesu bħala n-norma f’sistema moderna, imma sempliċiment bħala għajnuna sakemm is-sistema tiġi f’postha.”

Il-Kap tal-Partit Demokratiku Marlene Farrugia min-naħa tagħha, kellha kliem iebes għall-proposta tal-Prim Ministru u tqabbilhom mal-kwoti tat-tonn, f’kumment li qalet fuq il-paġna tagħha ta’ Facebook. Tinsisti li “jekk iddaħħlu l-kwoti, il-kredibbiltà li akkwistajna kontra kull preġudizzju matul iż-żmien, se tħottuha.” Farrugia tagħmel aċċenn għall-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew fejn tfakkar li hemmhekk, anke jekk m’hemmx kwota, il-maġġoranza assoluta hi tan-nisa.

 

‘Neħħu x-xkiel u l-preġudizzji biex jitilgħu n-nisa’

Diversi deputati, partikolarment Deborah Schembri, Paula Mifsud Bonnici, Marthese Portelli u Marlene Farrugia saħqu li iktar milli proposti għal kwoti biex nisa jiġu eletti fil-Parlament, għandu jiġi żgurat li jkun hemm ambjent iktar addattat sabiex in-nisa jitħajru joħorġu għall-elezzjonijiet biex eventwalment jitilgħu fil-Parlament. Deborah Schembri ssostni li huwa importanti li jkun hemm “bidla sostanzjali fl-ambjent lavorattiv għaliex jekk le, malli jerġgħu jitneħħew il-kwoti, nerġgħu mmorru lura fejn konna.”

Paula Mifsud Bonnici tistaqsi jekk il-partiti politiċi qed joffrux l-aħjar għodda lin-nisa sabiex jikkunsidraw li joħorġu għall-elezzjoni. “Hemm biżżejjed miżuri ‘family friendly’ li jgħinu lill-mara toħroġ għall-elezzjoni?” Min-naħa tagħha, Marthese Portelli ssostni li anke l-ħinjijet li fihom isiru s-seduti tal-Parlament huma f’ħin li jieħu lid-deputati minn mal-familja tagħhom.

Id-Deputata Marlene Farrugia insistiet sabiex jitneħħa kull tip ta’ xkiel li mara kapaċi taffaċċja u hemmhekk, iktar nisa jikkunsidraw li joħorġu għall-elezzjoni u jiġu eletti. “Neħħu x-xkiel, il-preġudizzji u t-tlajjar biex anke l-Parlament ikun family friendly partikolarment bħala ħinijiet u jikkontestaw in-nisa u jtellgħuhom,” appellat Farrugia.

 

‘Il-partiti politiċi għandhom jaraw li jkun hemm bilanċ fil-lista ta’ kandidati’

Il-grupp ‘Network of Young Women Leaders’, b’reazzjoni għall-proposta tal-Prim Ministru, sostnew li iktar milli jkun hemm kwoti fin-numru ta’ nisa eletti fil-Parlament, il-partiti politiċi għandhom jassiguraw li l-jkollhom rappreżentazzjoni bilanċjata ta’ nisa u rġiel fil-lista ta’ kandidati tagħhom għall-elezzjoni ġenerali li jmiss. Fil-fatt, din l-għaqda ssostni li filwaqt li tapprezza l-intenzjoni tal-Prim Ministru li jiżdiedu n-nisa fil-Parlament, temmen li l-problema mhix li l-poplu m’għandux fiduċja fin-nisa u allura ma jafdawhomx bil-vot, iżda l-problema hi li ma jkunx hemm kandidati nisa biżżejjed. Tant hu hekk, issostni l-NYWL, li r-rappreżentanza tal-kandidati nisa fuq ċerti distretti kienet dik ta’ żero hekk kif ma kien hemm l-ebda mara tikkontesta f’dak id-distrett. Xi ħaġa, li l-NYWL tiddeskrivi bħala ‘inaċċettabbli’.

L-għaqda ssostni wkoll li jeħtieġ li jittieħdu diversi miżuri oħra biex jinkoraġġixxu lin-nisa, fosthom li jitneħħew il-ħinjiet fit-tard, u din tista’ titneħħa biss jekk il-membri parlamentari jkunu fuq bażi full-time, kif ukoll jiġu introdotti servizzi ta’ childcare li jgħinu aktar lil nisa b’ulied żgħar. 

More in Politika